+L-Iben t'Alla sar Bniedem

April 2007   numru 488

Kienu sitta minn nies – sinjur u fqir, raġel abjad u ieħor iswed, ħaddiem ta’ l-id u ieħor tal-moħħ – imdawrin man-nar u barra ksieħ terribli li jxoqq il-għadam. Kienu qed jistennew l-għajnuna u kollha kellhom bastun li setgħu jitfgħuh fin-nar biex ikomplu jgawdu s-sħana tal-ħuġġieġa. U meta l-fjamma kienet qed titbaxxa donnu ħadd minnhom ma ried jitfa’ l-bastun tiegħu. Għax is-sinjur qal: “Mela x’nagħmel ma nitfax il-bastun tiegħi fin-nar biex igawdi dan l-għażżien ta’ fqir.” 

U l-fqir qal: “Mela x’nagħmel ma nitfax il-bastun fin-nar biex igawdi dan l-egoist ta’ sinjur li għandna magħna.”

 U l-abjad ma riedx jitfa l-bastun għax kien hemm l-iswed u dan ma riedx jitfa’ l-bastun biex ma jħallix l-abjad igawdi miegħu. U l-ħaddiem ta’ l-id ma riedx li bil-bastun tiegħu jgawdi l-ħaddiem tal-moħħ li għalih kien għażżien u parassita u l-ħaddiem tal-moħħ ma riedx li jaħli l-bastun għal bniedem li bilkemm kien jaf jikteb.

 U hekk komplew jirżħu bil-bard għax it-temperatura baqgħet nieżla iżda ħadd minnhom ma ried iċedi għax għalih dawn kienu prinċipji. U l-fjamma baqgħet tiddgħajjef u tiddgħajjef imma ebda bastun ma ntefa’ fin-nar biex jerġa’ jivvampja.

 U hekk in-nar intefa’ u s-sitta li kienu spiċċaw mejta bil-bard u l-ksieħ, iżommu f’idejhom l-bastun li ma ridux jaqsmu ma’ l-oħrajn. U hekk sabuhom meta waslet l-għajnuna li kienu talbu. 


 

XENI MINN TREJQET IL-HAJJA

Niftakar kelli xi sitta jew seba’ snin

u ommi għamlitli party f’għeluq snini

u ġew ħafna ħbieb… qraba… ta’ ġewwa

u kollha kellhom rigali sbieħ għalija.

 

U bdejt nara rigal wara rigal

u bdejt naħseb kemm sigħat ser inqatta’ nilgħab.

Kelli minn kollox

ġugarelli kbar… żgħar… jimxu weħidhom

blalen u żraben

kotba u stampi kuluriti

u għalhekk rajtha tistona

t-tnalja ta’ l-imsiemer

li ġabli z-ziju.

Għax jien dik x’nambiha?

Iżda z-ziju qalli

malli ra l-bixra ta’ wiċċi

u ntebah li ma tantx niżlitli.

 

“Ħa ngħidlek storja żgħira għażiż neputi.

Meta jien bdejt naħdem

ħaddimni mastrudaxxa

u darba tani biċċa xogħol

biex inwaħħal ma’ ħajt f’kamra

forma ta’ kantun imlewwen.

 

U bdejt inwaħħal waħda fuq waħda

imma dlonk ittendejt li t-tielet waħda

ġietni ftit imgħawġa

imma ma kellix aptit naqla’ r-raba’ u l-ħames

biex nirranġaha

u bdejt nerfa’ ftit min-naħa

il-kartun li kien fadalli

biex niddritta

dak li issa deher milwi sewwa.

Imma qajla rnexxieli

għax malli ġie l-imgħallem

dlonk intebah.

“Mela għajnejk mhux f’wiċċek jew?” qalli bil-herra.

 

Inksirt u meta rani kważi ser nibki ġie viċin u qalli:

“Isma’ minni. Meta tintebah li żbaljajt

ieqaf u irranġa

għax ix-xogħol li tagħmel jekk ma tiqafx u tifdi

ikun irid jerġa’ jsir… ikun xogħol doppju.”

U dlonk newwilli tnalja bħal dik li tajtek.

 

Jalla kull meta tħares lejha

Tfakkrek fl-istorja li għadni kemm għidtlek

u tgħinek tgħix bi prinċipju

li fejn tiżbalja tieqaf

u tirranġa.

 

Għaddew is-snin

il-ġugarelli kollha tkissru

imma t-tnalja għadha mdendla fil-workshop tiegħi

u kull meta naraha

intenni x-xewqa:

“Fejn tiżbalja ieqaf u irranġa

għax iktar ma ddum miexi fit-triq il-ħażina

itwal tkun il-mixja lura.”

 


Dr Coronato Grech M.D. itemm l-artiklu li beda f’Marzu...

 JOHANNES KEPLER

     Iktar tard Isaac Newton (1642-1727), u mbagħad Albert Einstein (1879-1955) taw spjegazzjoni matematika iktar korretta u preċiża, imma  bażikament ma żiedu xejn fuq Kepler.  Mhux biss imma anke jekk hemm xi kreaturi oħra fl-ispazju ta’ struttura, forom, u organizazzjonijiet differenti, jekk dawn kapaċi jistudjaw l-univers, allura jaslu għall-istess tliet liġjiiet tal-movimenti tal-pjaneti li aħna hawnhekk ngħidulhom ‘ta Kepler’.

      U mhux tal-pjaneti biss.  Illum nafu li l-asterojdi u kometi jduru madwar ix-xemx fuq l-istess orbiti; kif ukoll il-kwiekeb li jduru maċ-ċentru tal-galassiji.  U meta erħejna vetturi spazjali lejn il-pjaneti, u anke għal barra mis-sistema solari, dawn għaddew  minn orbiti kif iddettati mit-tliet liġijiet ta’ Kepler.

      X’sodisfazzjon jieħu l-ispirtu ta’ Kepler li jkun jaf dan kollu!  U tant ħaqquĦajtu ma tantx kienet feliċi.  Kien marradi u kważi tilef il-viżta u l-użu ta’ waħda minn idejh minn ġidri r-riħ meta żgħir. Kellu mara tgergirlu u ma tifhmux. Mit-tlettax tfal li kellu mietulu ħafna.  Kien ittrattat pjuttost ħażin minn Tycho u l-kumpanija storbjuża  li kien iżomm miegħu.  Darba kellu bilġri (avolja marid) imur jiddefendi (b’suċċess) lil ommu li kienet akkużata b’saħħara1.   Fil-ġlied bejn il-Kattoliċi u Protestanti spiċċa eżiljat għax kien Protestant.  Kien kontinwament fqir (sa kellu jdaħħal flus mill-oroskopji għalkemm ma tantx kien jemmen fihom). U kif rajna miet mingħajr ħafna rikonoxximent.  Imma kellu integrità tremenda:  la ried isib il-verità ta’ kif jaħdem l-univers huwa aċċetta biss xhieda xjentifika, avolja  ma kinitx dik li togħġbu, dik l-iktar konvenzjonali, jew inqas perikoluża2.

          Minn tant miljuni ta’ nies li ġew fid-dinja u mietu ftit huma dawk li rnexxielhom jikxfu għall-umanita’ kollha xi sigrieti tan-natura.  Dawn huma l-eroj ta’ l-ispirtu uman.  U Johannes Kepler kien eżempju eċċellenti.

 1 Akkuża li f’dawk iż-żminijiet ta’ fidi kienet tista’ tfisser torturi u qtil bil-ħruq.  L-imsejken Kepler kienu waħħlu fih għax kiteb storja tal-fantaxjenza (waħda minn ta’ l-ewwel), għalkemm il-fatt li ommu kienet kerha, stramba u tħawwad fil-ħxejjex diġa’ għamilha suspettuża.  

2 Ma kinitx xi ħaġa żgħira din.  Fil-1600, Giordano Bruno spiċċa maħruq ħaj f’Ruma talli fost l-oħrajn qal li l-kwiekeb għandhom pjaneti jduru magħhom.  U fil-1634 Galileo, fuq it-teorija li d-dinja ddur max-xemx, ġie msikket u arrestat f’daru sa ma miet tmien snin wara.

 


 

FORSI JINTERESSAWK

Profeti foloz 

L-Isqof Fulton Sheen hu magħruf bħala l-aħjar kelliem li pproduċiet il-Knisja Kattolika fl-Amerika fis-seklu l-ieħor.

 Li jiskantak hu l-fatt li meta kien is-seminarju l-prefett tiegħu qallu:

             “Naħseb li kemm ili s-seminarju qatt ma kellna kelliemi agħar minnek. Meta toħroġ minn hawn sib xi xogħol fl-amministrazzjoni tal-Knisja għax għall-priedki ma tkun qatt tinqala’.” 

Iż-żmien ma tahx raġun għax f’qalbu Fulton Sheen ried jgħallem bil-kelma u rnexxielu minkejja ċ-ċertifikat negattiv li għamillu l-prefett tiegħu.

 


Mhux kemm tgħid imma x’tgħid 

Id-diskors li President Lincoln għamel f’Gettsburg fih biss 271 kelma u minnhom 202 huma ta’ sillaba waħda. Dam jitkellem ftit iktar minn żewġ minuti. Ħafna dakinhar rawh insult li diskors importanti bħal dak ikun daqshekk qasir f’okkażjoni tant importanti li fiha kienu qed jiġu kkommemorati suldati mejtin tal-gwerra ċivili.

 Illum dan id-diskors hu meqjus kapolavur letterarju għax fih Lincoln esprima d-dwejjaq, in-niket, it-tama fil-futur ta’ pajjiż.

 Fil-ħajja mhux kemm tgħid u kemm iddum tgħid li jgħodd imma s-sugu ta’ kliemek.


Sabiex ma taqtax qalbek

Student kien iżomm biċċa faħma fil-but. Meta l-istudju kien jidher tqil u jkun ser jaqta’ qalbu kien jaqbad il-faħma u jgħid:

“Missieri kien kapaċi jaħdem taħt l-art fil-minjieri. Tbatija ferm ikbar minn dan l-istudju.”

 U kien ikompli jistudja.


Meta l-ħajja tidher iebsa ftakar f’xi ħadd li rnexxa minkejja kull tfixkil u l-eżempju tiegħu jgħinek tkompli fi triqtek.


 Il-meravilja tax-xjenza 

Raġel li qajla kien joħroġ mid-dar – l-iktar issa li kien għalaq is-sebgħin – kien qiegħed fi klinika ma’ neputih jistenna li jmissu biex jidħol għand il-professur. U kif kien hemm jistenna jara mara anzjana daqsu li resqet ħdejn bieba ta’ lift, għafset buttuna u għebet. Iżda ftit wara mill-istess bieba titfaċċa tfajla żnella. Ix-xiħ imbotta lin-neputi u qallu:

“Isa, mur għid in-nanna tiġi! Min jidħol minn dik il-bieba xiħ joħroġ ftit wara żagħżugħ. X’meravilja tax-xjenza tal-lum!”


 Irnexxa minkejja…

 Jgħidu li qalitha omm Heginio Morinigo li laħaq president tal-Paraguay… ħafna snin ilu:

“Li kont naf li ibni ser jilħaq president kont nibagħtu l-iskola meta kien żgħir!”


 

AHBARIJIET TA' INTERESS

IŻŻEWĠU

 Joseph Michael Portelli ta’ Triq Xandriku lil Nicolanne Grech ta’ Triq Ġużè Ellul Mercer.

Filwaqt li nixtiqulhom futur hieni flimkien, infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.

 

IL-LAQGĦA TA’ MARZU

 Il-laqgħa ta’ Marzu kienet waħda speċjali. Għamilna laqgħa penitenzjarja li fiha Dun Raymond Portelli, missjunarju fil-Perù li qiegħed għall-vaganza qasira fostna, daħħalna fi spirtu ta’ ndiema u semma ħames passi li rridu nieħdu matul dan ir-randan jekk irridu bil-verità noqorbu iktar lejn il-Mulej.

1. Irridu nieqfu ftit u naħsbu dwar ħajjitna. Żgur li nsibu x’nirranġaw.

2. Irridu nitgħallmu ngħidu sorry. Nibqgħu żguri li l-Mulej ser jaħfrilna għax hu missierna u jħobbna anke jekk aħna nqasna għax xorta bqajna wliedu.

3. Irridu nagħmlu li nistgħu biex ma nirrepetux l-iżbalji tal-bieraħ u l-aħjar mediċina tibqa’ li naħarbu l-okkażjoni dejjem, malajr u fil-bogħod għax min jittarraf jiġġarraf.

4. Irridu nsibu l-kuraġġ u nistqarru ħtijietna. Il-ftit mistħija li tħoss hi parti mill-indiema. Imma niftakru li ma hawn ħadd li xi ftit jew wisq, issa jew imbagħad ma żbaljax. Għalhekk l-istqarrija tiegħek tixbah l-istqarrija ta’ kull bniedem ieħor. U hawn jeħtieġ li nagħmlu att ta’ fidi li qed nitkellmu mal-Mulej li quddiem l-istqarrija ta’ l-iben li kien telaq u nefaq kollox kellu biss mogħdrija, maħfra u ċelebrazzjoni.

5. Irridu nagħmlu xi opra tajba biex inpattu għall-ħażen li nkunu għamilna... xi viżta lil xi ħadd marid, xi tislima lil min ilna ħafna ma nsellmu, xi kelma ta’ kuraġġ lil min ma tantx jinżillek.

Hekk ir-Randan 2007 iservi tabilħaq biex noqorbu lejn il-Mulej u nifirħu tabilħaqq fil-jum li fih niċċelebraw il-qawmien tiegħu.

 Wara l-laqgħa kien hemm saċerdoti għal dawk li xtaqu jqerru.

 Peress li l-laqgħa kienet viċin ħafna ċ-ċentinarju mill-ftuħ ta’ l-ewwel qasam tal-MUSEUM fil-Ħamrun, tellajna immaġni sabiħa tal-Beatu (dalwaqt iddakjarat San) Dun Ġorġ Preca u ħeġġiġna liż-żgħażagħ preżenti biex jitolbuh bil-qalb u jfakkruh li huma kienu għal bosta snin jattendu l-klassijiet tas-Soċjetà li hu waqqaf mitt sena ilu. Tela’ fl-immaġni Kurun Camilleri ta’ Triq l-Imgarr. Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa.

 

 STEDINA

Peress li l-ewwel Sibt ta’ April ser ikun Sibt il-Għid u numru sabiħ ta’ ġuvintur ikunu għall-funzjonijiet ta’ dan il-lejl qaddis, il-laqgħa ser issir fit-tieni Sibt – l-14 tax-xahar.

 Ma’ April il-laqgħa tibda ssir fit-8.15p.m. għax nibdew il-ħin tas-Sajf. Ħabib, ejja int u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll. Kull min ġie għal xi laqgħa jaf li xi ħaġa ta’ ġid jieħu żgur. Jifdal ħafna ħin jekk tkun trid toħroġ tiddeverti ma’ sħabek.

 MELA ĦABIB TINSIEX… nhar is-SIBT 14 TA’ APRIL fit-8.15p.m.

 


 

IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM

 

“Kull għerf ġej mingħand Alla,

u qiegħed miegħu għal dejjem.”

{Sir 1: 1}

 

Fil-ktieb tiegħu

Man Does Not Stand Alone

A. C. Morrison jissuġġerixxi

dan l-esperiment.

Aqbad għaxar muniti u immarkahom

minn numru 1 sa 10.

Poġġihom f’butek u ħawwadhom.

Mingħajr ma tħares ipprova tellagħhom

wara xulxin mill-1 sa l-10

u kull waħda li ttella’ erġa’ ixħitha.

Il-probabiltà li ttella’ l-1

ma’ l-ewwel prova

huwa ta’ wieħed f’għaxra.

Li l-ewwel ittella’ l-1 u mbagħad it-2

huwa ta’ wieħed f’mija.

Li l-ewwel il-1, imbagħad it-2,

u wara t-3

ta’ wieħed f’elf.

Il-probabiltajiet jibqgħu jiżdiedu sakemm

li ttellagħhom wara xulxin mill-1 sa l-10

jitilgħu għal ċans wieħed f’biljun.

 

Aħseb kif dan l-esperiment juri

li l-eżistenza ta’ Alla biss hija l-garanzija

tal-perfezzjoni fl-univers.

 

Hu jgħodd għadd il-kwiekeb

u kollha jsejħilhom b’isimhom.

Kbir il-Mulej tagħna, u kbira l-qawwa tiegħu

u l-għerf tiegħu ma għandux tarf.

SALMI 147: 4-5


 

Aktarx li fl-ebda parlament ma jikbru fjuri imma f’ħafna parlamenti u fil-kurituri tagħhom nibdu aneddoti li joħolqu tbissima u forsi jħallu wkoll tagħlima.

 Waqt seduta mqanqla fis-senat Amerikan, John Sparkman beda jipprova jfixkel lis-senatur Albert Gore għax ried jgħid xi ħaġa. Gore waqaf u qal:

“Ser nieqaf għal ftit biex inħalli lis-senatur Sparkman jgħid tiegħu. Taċ-ċajt ma nħallihx jitkellem lil dan il-bravu, intellettwali, għaref, ġentlom u gustuż senatur li jgħid tiegħu.”

 U Sparkman x’ħin qam bilwieqfa qal:

“Tant ferraħni b’dawn it-titli li nsejt x’kont ser ngħid!”

 U s-senat sar ħuġġieġa ta’ daħk.


Meta l-president Lincoln kien marid bis-small-pox qal lil ta’ madwaru:

“Ibagħtu għal dawk kollha li fl-aħħar snin kienu jiġu biex nagħtihom xi favur u għidulhom: ‘Ejjew malajr għax il-president għandu żgur x’jagħtikom!’”


Xi ħadd qal lil Churchill:

“Ara daqsxejn kemm jiġu nies meta jkunu jafu li ser titkellem int!”

“Ħabib niżgurak li l-folla kienet tkun għaxar darbiet akbar kieku kienu jafu li llum ser jgħallquni!”


 

Kif nistgħu nfehmu l-politika, la bdejna dan is-suġġett u l-korporazzjonijiet permezz tal-baqar:

IS-SOĊJALIŻMU: Għandek 2 baqriet u tagħti waħda lill-ġar.

IL-KOMUNIŻMU: Għandek 2 baqriet, il-gvern jeħodhom u jagħtik xi ħalib.

IL-FAXXIŻMU: Għandek 2 baqriet, il-gvern jeħodhomlok u jbegħlek il-ħalib.

IN-NAŻIŻMU: Għandek 2 baqriet. Il-gvern jeħodhomlok u jisparalek.

IL-BUROKRATIŻMU: Għandek 2 baqriet; jeħodhom it-tnejn il-gvern, joqtol waħda, jeħleb l-oħra u jarmi l-ħalib.

IL-KAPITALIŻMU TRADIZZJONALI: Għandek 2 baqriet. Tbiegħ waħda u tixtri barri. Tkabbar il-merħla, u b’hekk l-ekonomija tikber. Tbiegħhom u tirtira fuq il-qliegħ.

KORPORAZZJONI AMERIKANA: Għandek 2 baqriet. Tbiegħ waħda u ġġiegħel l-oħra teħleb daqs erba’ baqriet. Wara tħallas analista biex jgħidlek il-għala waqgħet mejta.

KORPORAZZJONI FRANĊIŻA: Għandek 2 baqriet. Tistrajkja għax trid tlieta.

KORPORAZZJONI ĠAPPUNIŻA: Għandek 2 baqriet. Terġa’ tiddisinjahom biex ikunu għaxar darbiet iċken u jeħilbu għoxrin darba aktar. Imbagħad toħloq karattru tal-cartoons xi baqramon u tbiegħu lid-dinja.

KORPORAZZJONI ĠERMANIŻA: Għandek 2 baqriet. Terġa’ tiddisinjahom b’tali mod li jgħixu mitt sena, jieklu darba fix-xahar u jeħilbu lilhom infushom.

KORPORAZZJONI INGLIŻA: Għandek 2 baqriet. It-tnejn huma mġienen.

KORPORAZZJONI TALJANA: Għandek 2 baqriet. Imma ma tafx fejn huma. Xorta tmur tiekol.

KORPORAZZJONI RUSSA: Għandek 2 baqriet. Tgħoddhom u ssib li għandek ħamsa. Terġa’ tgħoddhom u tintebaħ li għandek 42. Tgħoddhom mill-ġdid u tinduna li għandek 2. Ma tibqax tgħodd u tiftaħ flixkun vodka.

KORPORAZZJONI ĊINIŻA: Għandek 2 baqriet. Hemm 300 persuna jeħilbuhom. Tgħid li ma għandekx qagħad, il-baqar jipproduċu ħafna u tarresta lil dak li kixef il-verità.

KORPORAZZJONI INDJANA: Għandek 2 baqriet. Tadurahom sakemm jaqgħu mejta.