+ L-Iben t'Alla sar Bniedem                                   April 2008 - il-500 sejħa

Is-soltu nibdew b’rakkont ċkejken imma f’din il-500 ħarġa ħassejna li għandna nħallu l-fuljett jirrakkonta l-istorja tiegħu.

Dan tiegħi birthday speċjali, 500 ħarġa ta’ fuljett mensili jfisser li għalaqt l-40 sena. Niftakarni iżgħar… ħafna iżgħar. Kont niltaqa’ ma’ sħabi, fuljetti mensili bħali, li kienu jidhru għal ftit u imbagħad idubu u ma narahomx iktar. Kont naħseb li ħajti wkoll kienet ser tintemm ħesrem… qatt ma ppretendejt li ser nagħlaq 500 ħarġa.

Imma għalkemm kbirt għadni żagħżugħ f’qalbi. U kull xahar żmieni donnu jiġġedded u nieħu gost narahom jibdew ħarġa oħra. Ninsa d-dawrien kollu li dort fid-duplicator qabel nasal għandek. Għax kull xahar nispiċċa dejjem f’xi dar li ma nkunx dħalt fiha qabel. Daqqa n-Nadur stess u drabi oħra f’postijiet oħra f’Għawdex u Malta. U niftakar li darba spiċċajt il-Perù fid-dar ta’ missjunarju. Ħadt gost meta rajtu jaqrani għad li ntbaħt kemm kien għajjien frott ħidmietu. U darb’oħra tefgħuni f’kaxxa ta’ l-ittri fi New York ma’ ħafna junk mail. Meta wasal iż-żagħżugħ tefa’ kollox fil-waste paper basket bla ma qara kelma waħda. Ridt nibki għax biex wasalt ħdejh tgħidx xi vjaġġ kelli nagħmel. Iżda mbagħad donnu ntebah bija u reġa’ ħariġni u waqt li kien qed isaħħan xi ftit soppa, qrani minn l-ewwel sa l-aħħar paġna. U rajtu jitbissem. Forsi ftakar meta hu, żagħżugħ Naduri ftit imqarqaċ, kien jintasab ma’ sħabu jitwi l-paġni tiegħi jew jistejpiljahom. Darba oħra spiċċajt f’xi kexxun u nsewni hemm. Anqas biss fetħu r-wrapper. Kull xahar storja ġdida… familja ġdida… ġrajja ġdida. U l-istess sħabi. Naf li hemm min wasal anke sa l-Awstralja u l-Kanada. Meta niltaqgħu tgħidx kemm nirrakkontaw ġrajjiet. Għalhekk kull xahar nifraħ meta narani nissawwar għax naf li ser tibda esperjenza ġdida… għax ebda qarrej mhu bħall-ieħor.

Nifraħ bi sħiħ meta nara xi volum ieħor ta’ l-istejjer jiġi mitbugħ għax dawk il-volumi huma kollha meħudin mill-paġni tiegħi. Diġà hemm erba’ volumi u xi ħadd wassalli l-aħbar li qed iħejju għall-ħames volum. U issa qaluli li poġġewni wkoll fuq l-internet. Jekk tidħol fil-website il-hbiebisejhu.com issibni hemm u tara mhux biss il-ħarġa ta’ dan ix-xahar partikolari imma l-ħarġiet kollha ta’ l-aħħar tminn snin.

Komplu oħorġuni… inkun nistennieha l-ħarġa tiegħi mensili. U meta nasal għandkom aqrawni u għaddewni għand oħrajn. Dejjem ikolli messaġġ sabiħ għalikom. Hekk almenu ma nkunx dort dawk id-dawrien kollha fid-duplicator għalxejn.


EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISĦTU D-DLAM

Konna kważi weħidna fi Greenbriar Valley

dawk iż-żminijiet.

Ftit djar imbegħdin

waħda minn oħra u

bejnietna meddiet kbar ta’ art.

Niftakar kienet ġurnata

ta’ bard u ksieħ

u xita bil-qliel.

Sakemm marti kienet

qed tħejji l-ikla ta’ filgħaxija

għalija u għal uliedna,

intasabt fit-tieqa nħares

u skantajt meta

ftit ’il bogħod minn darna

kien hemm karozza wieqfa

bil-bonit miftuħ u raġel imleflef f’ġakketta sewdenija

kien qed jipprova

jirranġa xi ħaġa fil-magna.

Għajjatt lil marti u pront anki wliedi ġew jittawlu.

Għidtilhom li ħiereġ

nara nistax ngħinu

“Attent,” qaltli marti, “jista’ jkun li din logħba biex jaħsadna!”

Imma dlonk kompliet, “...ma jistax ikun li nħalluh hemm waħdu.

Li konna aħna floku konna nippretendu ftit tal-ħniena.”

Jien ukoll tleflift

f’ġakketta ħoxna u ħriġt ħdejh.

Għidtlu li f’dawk

il-kundizzjonijiet

ma ssewwix karozzi

anzi żżid l-inkwiet

għax jixxarab kollox.

Stedintu jagħlaq il-bonit

u l-karozza u jidħol f’dari

sakemm tieqaf ix-xita.

Għal bidu

donnu ma riedx jisma’

imma mbagħad fehem

li qed ngħidlu sewwa.

Raddli ħajr u mexa warajja.

Kien għadu żgħir fl-età

bilkemm għalaq l-20 sena.

Kien qisu fellus…

imxarrab għasra u kważi

jirtogħod bil-bard.

Kien jismu Robert

u marti malajr

ġabitlu xi ħwejjeġ tiegħi

biex ibiddel.

Uliedi tħabbu miegħu mill-ewwel u laqgħuh bil-ferħ.

Sakemm biddel marti rranġat l-ikel u għamlet platt żejjed għalih.

Qagħad jiekol magħna

għad li deher

imħasseb u ħosbien

donnu għandu xi ħaġa f’moħħu li ma setax jitkellem dwarha.

Ix-xita baqgħet nieżla bil-qliel.

Issa kien dalam sew u

marti u jien iddeċidejna

li ngħidulu jorqod magħna.

Kellna dar kbira u

ma kienx ser jiskomodana.

Iżda hu baqa’ jittama li jibnazza

u jkompli triqtu

għax qal li kien importanti

li sa filgħodu

jasal fid-destinazzjoni tiegħu.

Iżda meta x-xita ma hedietx,

ma kellux għażla oħra.

Raddilna ħajr

u nġabar f’kamra milli kellna.

 

L-għada sebaħ jum bnazzi

Anqas temmen wara

maltempata tant qawwija.

Marti wkoll kienet fuq saqajha

tgħaddi l-ħwejjeġ li kienet  dendlet ħdejn il-fireplace

u tlesti ħobż, ġobon, perżut, butir, ħalib u l-bqija

biex Robert ikollu kollox lesti qabel ikompli triqtu.

Irranġajna flimkien

il-ħsara li kellu

u b’elf radd ta’ ħajr

ħalliena jibki bil-ferħ

li kien sab tant għajnuna.

Iżda skantajt meta rajtu

jreġġa’ lura

u flok kompla fi triqtu qabad it-triq li minnha kien ġà għadda.

 

Din il-ġrajja kont insejtha

għax kienu għaddew is-snin

minn meta seħħet

imma darba rċivejna ittra

minn Chicago li fiha

Robert Fane kitbilna u reġa’ fakkarna f’din il-ġrajja.

Fl-ittra qalilna li f’dik il-lejla

hu kien seraq somma kbira ta’ flus minn fejn kien jaħdem

u kien sejjer biha fi stat ieħor... imbiegħed minn fejn kien jaħdem

imma meta ra

l-ħniena li wrejna miegħu

xi ħaġa fih fakkritu f’ommu

u reġa’ lura

u lil min kien serqu qallu b’kollox.

Dan ħafirlu u tah ċans ieħor.

Robert kien issa imlaħħaq sew.

Kellu l-familja tiegħu u ħass

li għandu jiktbilna

biex jgħidilna ġrajjietu li

kienet tkun ferm differenti

kieku flok ilqajnieh f’darna

niżżilna l-purtieri u tfejna d-dawl

biex naħbu kull preżenza.

Ma nafx għaliex imma din l-ittra u l-ġrajja marbuta magħha

għadhom sal-lum jimlewni bil-ferħ u l-hena.

Dakinhar aħna xegħelna xemgħa ta’ tama

lil min kien għoddu għażel triq is-serq flok triq is-sewwa.


Taħseb li int qed bilqiegħda bil-kwiet taqra bla ebda moviment?

jikteb Dr Coronato Grech M.D.

Int li bdejt taqra dan l-artiklu forsi taħseb li għal ftit minuti ser toqgħod bi kwietek taqra, forsi mxaħxaħ fuq pultruna, mingħajr ma’ tiċċaqlaq.  Imma il-fatt huwa li minkejja l-apparenza kollha ta’ waqfien, int u dak kollu ta’ madwarek, qed tagħmel ħafna movimenti kkumplikati.  Ikkunsidra ftit.

Int qed fuq wiċċ id-dinja, sfera ta’ ċirkumferenza ta’ madwar 40,000 kilometru, li qed iddur fuqha nnifisha darba kull 24 siegħa.  Dan ifisser li xi ħadd fuq l-ekwatur qed idur b’veloċita ta’ madwar 1,670 km fis-siegħa, (waqt li fil-poli eżatt tan-nord u sud, il-veloċita’ hija żero).  Fil-latitudni ta’ Għawdex (36 grad 57 minuti) din tfisser veloċita’ ta’ madwar 1,000 km fis-siegħa.

Id-dinja mbagħad qed iddur madwar ix-xemx f’orbita kważi ċirkulari f’distanza ta’ madwar 150 miljun kilometru. Dawra waħda tieħu sena (madwar 365  u kwart ta’ ġurnata) li jfisser li d-dinja qed iddur madwar ix-xemx b’veloċita’ ta’ madwar 30 km fis-sekonda.

Ix-xemx ukoll lanqas ma hija wieqfa.  Ix-xemx, li hija kewkba bħall- oħrajn, tifforma parti mill-Galassija li hija f’forma ta’ rota enormi ċatta, u tikkonsisti minn madwar 200 biljun kewkba.  Dawn ilkoll qed iduru maċ-ċentru u fir-reġjun fejn qiegħda x-xemx, madwar żewg terzi ’l barra lejn it-tarf, il-veloċita’ hija ta’ madwar 250 km fis-sekonda.

Dawra waħda mal-Galassija mbagħad tieħu madwar 250 miljun sena, perjodu li ġie li jissejjaħ ‘sena kożmika’.  Li jfisser li kemm ilha teżisti x-xemx (u l-bqija tas-sistema solari) din għamlet madwar 18-il dawra.

U jerġa’ l-Galassija tifforma parti mill-Grupp Lokali, grupp ta’ madwar 30 galassija ta’ daqsijiet u għamliet varji, li lkoll iduru ma’ xulxin; u bħala grupp ilkoll huma mexjin u jitbiegħdu minn gruppi ta’ galassiji oħra fl-espansjoni ġenerali ta’ l-ispazju nnifsu.

Jekk allura kollox huwa miexi jew idur, hemm xi post wieħed ta’ refereza li huwa assolutament wieqaf?  Għal xi żmien ix-xjentisti kienu jaħsbu li l-materjal kollu ta’ l-univers jinsab ġo certa sustanza msejħa ‘etere’1. Imma f’esperiment famuż fil-1887, l-Amerikan A Michelson,  wera car li ma hemmx etere2.

Fil-1905, Albert Einstein, meta kellu 26 sena, ħadem teorija li twarrab l-etere u tgħid li fl-univers xejn ma huwa assolutament wieqaf, jew li minn naħa l-oħra jeżisti moviment waħdu biss. Li tkun wieqaf jew  miexi  jiddependi, u tkun taf biss, meta tqabbel oġġett ma’ ieħor. Ma tistax tkejjel movement jekk ma għandekx xi ħaġa oħra li magħha tista’ tkejjel il-moviment; u dejjem jekk hemm moviment relattiv bejniethom.  Minn din il-konklużjoni, li moviment relattiv biss jeżisti, kif ukoll li l-veloċita’ tad-dawl hija dejjem l-istess, Einstein ħadem matematikament it-Teorija tar-Relattivita li ġiet ippruvata kemm-il darba3 u li tatna ħarsa  iktar profonda ta’ kif jaħdem l-univers.

Intant, kemm għamilt kilometri kemm ilek taqra dan l-artiklu?

1. Etere kienet s-sustanza perfetta li l-Griegi tal-Qedem kienu jaħsbu li timla s-sema kollu mis-sħab ’il fuq.      

2.  Fix-Xjenza esperiment, meta maħsub tajjeb, anke meta jagħti riżultati negattivi, huwa mportanti u jagħti nformazzjoni, daqs meta r-riżultati huma pozittivi.

3.    Xi konklużjonijet ta’ din it-teorija huma strambi:  hekk kif oġġett miexi jibda joqrob lejn il-veloċita’ tad-dawl, dan issa jibda jiżdied fil-massa, jiqsar lejn id-direzzjoni li miexi, kif ukoll il-ħin jibda jgħaddi iktar bil-mod, tant li fil-veloċita’ tad-dawl, teoretikament ikollu massa infinita, dimensjonijiet ta’ żero, u l-ħin jieqaf, kundizzjonijiet impossibbli li  jilħaqhom.  Imma dawn l-effetti kollha ġew ippruvati fuq partiċelli subatomiċi mexjin qrib il-veloċita’ tad-dawl.


FORSI JINTERESSAWK

Ministru kostitwent

Jgħidu li darba ministru Russu kien qed iżur il-lokalità li twieled fiha. Daħal fi skola u s-surmast talbu xi għajnuna għax kellhom ħafna ħtiġijiet. Il-ministru ħares lejn il-lista u minn talba ta’ $500 niżżilha għal xi $50 għax qal li l-oħrajn huma żejda.

Imbagħad marru jżuru l-ħabs u l-uffiċċjal inkarigat għamillu lista sħiħa ta’ ħtiġijiet li kellu bżonn biex il-ħabs ikun iktar abitabbli... lista li kienet trid madwar $5000 biex jitwettaq kollox. U l-ministru qallu:     “Għandek $10,000 biex tagħmel dak kollu u ħtiġijiet oħra li tħoss li trid tagħmel.”

Is-segretarju, x’ħin kienu ma’ xulxin, issogra jsaqsih:

        “Għaliex kont tant ġeneruż mal-ħabsin u tant xħiħ ma’ l-istudenti?”

        “Għax jien ma għandi l-ebda ċans li nerġa’ mmur l-iskola imma li nispiċċa l-ħabs hemm dejjem possibilità. Allura iktar ma nagħmlu l-ħabs abitabbli aħjar, għax il-futur ma jafu ħadd u kultant ħadd ma jaf x’jista jinqala!”


Talba ta’ president

Meta Lincoln, il-president tant maħbub ta’ l-Amerikani, kien ser iħalli beltu Springfield biex imur fil-White House f’Washington kiteb hekk lill-ħbieb ta’ ġewwa:

        ‘Issa sejjer bla ma naf jekk nirritornax. Għandi quddiemi biċċa xogħol iebsa ħafna. Mingħajr l-għajnuna tal-Mulej ma nistax nirnexxi. Bil-għajnuna tiegħu ma nistax infellaq. B’fiduċja kbira li DAK li jħares lili jħares ukoll lilkom. Ejja nitolbu għal xulxin. Tislijiet minn qiegħ qalbi.’

Kemm kienu reliġjużi n-nies li dwarhom inkitbet l-istorja. Imbagħad aħna forsi nistħu rroddu salib biex nuru li aħna nemmnu.


Dak li żżomm għalik… dak li taqsam…

Fi żmien San Bernardino ta’ Siena kien hemm negozjant tal-qamħ li kien jgħix f’Rimini u kellu ħafna ġid. Sena minnhom fl-1400 kien hemm skarsezza kbira ta’ qamħ fil-belt u s-sinjur kellu mħażen kbar mimlija b’dan il-prodott. In-nies kienet tixxennaq li n-negozjant ibigħ imma hu kien irid jaqla’ prezz tajjeb ħafna u allura għażel li jħalli kollox imsakkar biex l-iskarsezza tikber u l-prezz jogħla. Imma milli jidher stenna żżejjed u laħaq daħal vapur mimli qamħ li naturalment niżżel il-prezz għal ftit ċenteżmi. Is-sinjur tant ħadha bi kbira li jgħidu li ġġennen u kienu jarawh miexi fit-triq jisimgħuh jirrepeti l-frażi… ‘ftit ċenteżmi meta stajt qlajt il-liri… ftit ċenteżmi meta stajt qlajt il-liri!!’

X’differenza kieku għażel li jkun inqas moħħu fil-qligħ u iktar moħħu fl-oħrajn. Kienet tkun karità li tibqa’ tferrħu għomru kollu. Proverbju barrani jgħid: ‘Li tagħti jintraddlek u li żżomm jispiċċalek’. U dan ma jgħoddx biss għall-qamħ.


Kieku sew…

Matul is-sena f’pajjiżna jkollna jum bla tipjip, ieħor bla karozzi fit-toroq prinċipali. Kemm ikun sabiħ kieku jkollna wieħed bla dagħa! U kemm ikun isbaħ kieku dan il-jum jirrepeti ruħu għal 365 ġranet fis-sena. Ma ninsewx li d-dagħa ma jsolvi l-ebda problema imma jġib biss disperazzjoni.


Bniedem kbir juri l-kobor tiegħu fil-mod kif iġib ruħu maż-żgħir meta ma jkun qed jarah ħadd.

Thomas Carlyle


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ MARZU

Kellna powerpoint interessanti marbut ma’ dawn il-jiem għeżież tar-Randan. Permess ta’ sensiela ta’ slides ta’ pitturi dwar episodji u figuri fil-passjoni mmeditajna dak li ġarrab għalina Kristu u x’għaddew minnu persunaġġi kruċjali f’din l-istorja ta’ salvazzjoni. Kull episodju kien marbut ma’ dak li nagħmlu aħna. Hekk, per eżempju, fl-ewwel waħda rajna lil Kristu jkeċċi l-bejjiegħa mit-tempju u rriflettejna x’jagħmel Kristu kieku kellu jiġi llum u jara l-atteġġjament tagħna fil-knisja. Meta Ġuda biegħ lil Kristu ħsibna kemm-il darba fil-ħajja għażilna dawk il-ħwejjeġ li ma humiex ta’ Alla u warrabna lil dak li hu etern, Ġesù fl-Aħħar Ċena ħalliena nirriflettu fuq it-tqarbin u kemm qed nieħdu ġid minn dan is-sagrament ta’ l-imħabba. Wara kull waħda mbagħad tennejna talba qasira. Hekk fis-sezzjoni ta’ l-Aħħar Ċena tlabna “...Mulej tħallinix nitbiegħed minn dan is-sagrament. Ġurnata mingħajrek hija ġurnata bla xemx.” L-attenzjoni ta’ dawk preżenti wriet kemm intlaqa’ tajjeb dan il-powerpoint.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa.

 

STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ APRIL

Din ser tkun il-500 sejħa tagħna għalikom u peress li ser tkun laqgħa speċjali, ħadna gost li laqa’ l-istedina u ser jiġi jkellmina l-Eċċ Tiegħu Mons Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Peress li qed niċċelebraw aktar minn 40 sena ta’ laqgħat – u tal-fuljett tagħna IL-ĦBIEB ISEJĦU – għal din il-laqgħa huma mistiedna dawk l-irġiel kollha li tul dan iż-żmien, xi darba jew oħra, frekwentaw, din il-laqgħa. Huwa mpossibli għalina li nibagħtu stedina personalizzata lil dawn in-nies kollha bħalma qed nagħmlu lilek, għażiż żagħżugħ. Tkun ħaġa sabiħa, jekk min-naħa tiegħek li f’idejk wasal dan il-fuljett bl-istedina, tgħaddiha lill-irġiel oħra biex huma wkoll jiġu għal din il-laqgħa speċjali mar-ragħaj tagħna l-Isqof. Żgur li aktar ma nkunu aktar nieħdu pjaċir u tkun tassew laqgħa speċjali u  nkunu qed nagħtu nifs ġdid lil din il-laqgħa li ilha ssir tant żmien. Faċli tgħid ma tkomplix imma l-ġid qiegħed fl-isfida li tipprova tattenti kull xahar.

Għalhekk, għażiż żagħżugħ tinsiex il-laqgħa speċjali li ser issir nhar is-Sibt 5 ta’ April fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa.

 

L-ISQOF TAGĦNA JIFRAĦ MAGĦNA

L-Isqof tagħna Mons Mario Grech bagħtilna messaġġ biex jifraħ magħna f’din l-okkażjoni tal-500 sejħa tal-fuljett. Hawn taħt qed nirriproduċu l-ittra li bagħtilna. Grazzi mill-qalb tas-sapport li dejjem tagħtina.


KELMET IL-BIBBJA LLUM

“ [Kristu] hu x-xbiha ta’ Alla

li ma jidhirx..”

(Kol 1: 15)

Adlai Stevenson kien iħobbha ħafna

din l-istorja:

Tifla żgħira

kienet bilqiegħda fuq il-bank tal-kċina

bi drawing book u kaxxa kuluri.

Kienet medhija tpitter wiċċ xi ħadd.

Wara xi ħin ommha staqsietha:

“Amy, l-istampa ta’ min qed tpitter?”

“Stampa ta’ Alla,” weġitha

bil-kunfidenza kollha.

“Imma għażiża tiegħi,” qaltilha l-omm

“ħadd ma jaf kif inhu Alla.”

“Imma ser ikunu meta llesti jien,” qaltilha Amy.

Xi ħaġa hekk ġrat f’Ġesù.

Ġesù huwa Alla li sar bniedem.

X’l-aktar li jogħġobni

minn dak li qalilna Ġesù fuq Alla?

Alla tant kbir

li ma jistax jimxi f’żarbun uman

ma għandu l-ebda post

fit-tama tal-bniedem.

U dawk li jħallu d-dubji jirbħuhom

qatt ma jistgħu jiggostaw

is-sbuħija ta’ Alla.

CALVIN MILLER


L-ARTI TA’ KIF TKUN B’SAĦĦTEK

Jekk ma tridx timrad...

        Tkellem fuq dak li qed tħoss

        L-emozzjonijiet u l-burdati li huma moħbija u marsusa fina, jispiċċaw jitfaċċaw f’mard – ulċeri fl-istonku, uġigħ ta’ ras, taqlib ta’ stonku, tbatija.... biż­żmien jispiċċaw f’affarijiet ferm aktar serji. Imbagħad meta nitkellmu ma’ xi ħadd  tal-qalb, u nuruhom is-sigriet tagħna nħossuna aħjar. Djalogu, diskursata, kelma – huma mediċina u terapija eċċellenti.

Jekk ma tridx timrad...

          Tibżax tieħu deċiżjoni.

        Min ma jiddeċidix jibqa’ fid-dubju, fl-ansjetà. L-indeċiżjoni ġġemma’ problemi, inkwiet u aggressjonijet. L-istorja umana hija mimlija deċiżjonijiet. Li tiddeċiedi hija eżattament li tkun taf li qed twarrab u titlef vantaġġi u valuri biex tikseb oħrajn. Nies li jsofru minn indeċiżjoni  huma vittmi ta’ problemi fl-istonku, attakki ta’ nervi u problemi fil-ġilda.

Jekk ma tridx timrad...

        Sib soluzzjonijiet.

        Nies negattivi ma jsibux soluzzjonijiet imma għandhom manija biex ikabbru l-problemi. Jgħadduha jeqirdu, iseksku, iweżwżu, pessimiżmu. Aħjar tixgħel sulfarina milli toqgħod teqred fuq id-dlam. In-naħla hija nsett żgħir imma kapaċi tagħmel għasel li hu fost l-oħla qalb l-ikel. Aħna dak li naħsbu. Ħsieb negattiv jagħmel enerġija ħażina li twassal għall-mard.

Jekk ma tridx timrad...

          Tgħixx b’dak li jidher biss.

        Min jaħbi r-realtà, u allura jippretendi, jippoża u dejjem jagħmilha li kollox miexi sew. Jixtieq li jarawh dejjem perfett, kollox miexi ħarir u fuq ir-rubini eċċ imma fl-istess ħin ikun qed iżid tunnellati ta’ piż. Statwa tal-bronż b’saqajn tat-tafal. Ma hemm xejn agħar għal saħħtek milli tgħix b’apparenzi u faċċati. Dawn huma nies b’lagħqa varniċ u għeruq qosra. Il-futur tagħhom jinsab fi spiżerija, sptar u tbatija.

Jekk ma tridx timrad...

          Aċċetta.

        Il-fatt li ma taċċettax il-ħajja kif inhi u nuqqas ta’ stima personali jaljenawna minna nfusna. Li nkunu nafu lilna nfusna u naċċettaw lilna nfusna hija l-qalba ta’ ħajja f’saħħitha. Min ma jaċċettax lilu nnifsu jsir għajjur, jikkopja lil ħaddieħor, moħħu biex jikkompeti f’kollox ma’ kulħadd, distruttiv. Kun aċċettat, aċċetta li int aċċettat u aċċetta wkoll l-kritika. Hija għerf u terapija fl-istess ħin.

Jekk ma tridx timrad...

        Afda.

        Min ma jafdax, ma jikkomunikax, jingħalaq, ma jkomplix, mhux kapaċi joħloq relazzjonijiet intimi u stabbli, ma jafx xi tfisser ħbiberija ġenwina. Bla fiduċja ma hemmx relazzjoni. Nuqqas ta’ fiduċja huma nuqqas ta’ fidi fik innifsek u fil-fidi fiha nnifisha.

Jekk ma tridx timrad...

        Tgħixx imdejjaq.

        Daħka tajba. Ferħ. Mistrieħ. Dawn iqawwu s-saħħa u jtawlu l-għomor. Nies ferħana għandhom il-privileġġ li jsebbħu l-post li jgħixu fih. Sens ta’ umoriżmu jeħilsuna minn idejn it-tabib. Il-ferħ hu saħħa u terapija.


>>>>> LEJN IS-SUPPLIMENT SPECJALI - 500 SEJHA >>>>>