
| + L-Iben
t'Alla sar Bniedem
<<<<<suppliment>>>>> April 2008 - il-500 sejħa Ħalluna noħolmu ftit…
U
fil-ħolma naraw il-mibki Dun Mikiel Attard jifraħ meta jara din il-ħ Jifraħ għax dik kienet dejjem xewqtu… li nippubblikaw kull xahar fuljett ta’ ftit paġni b’tagħrif u tagħlim li jinteressa lill-età żagħżugħa. U bdiet diskussjoni dwar l-isem u wieħed mill-membri, li ma kienx żgħir fl-età u ta’ ftit skola, ħareġ bl-isem Il-Ħbieb Isejħu. Kien hemm għalliema, skrivani, studenti sekondarji imma l-Mulej nqeda b’dan il-membru biex ħareġ b’isem li ntgħoġob mill-ewwel u ntgħażel b’mod unanimu. Min kien ħdejn Dun Mikiel meta stqarr b’din il-ħolma aktarx ma ppretendiex li dan il-fuljett ser jagħlaq 500 ħarġa. Għax il-mezzi kienu limitati u d-diffikultajiet u l-problemi ma kinux żgħar. Imma l-qalb kienet kbira u xahar wara l-ieħor, sena wara l-oħra, il-qasam tagħna baqa’ jemmen f’din il-ħolma u hekk Il-Ħbieb Isejħu għadu sal-lum jasal sa djarkom b’tagħlim u tagħrif kif xtaqu l-fundatur tiegħu iktar minn 40 sena ilu. Jalla dawn il-ħarġiet swew ta’ xi ftit ġid lil dawk l-eluf li tul is-snin irċivew u forsi qallbu l-paġni tal-fuljett tagħna. U nitolbu lill-Mulej ikompli jgħinna biex fil-futur il-qasam tagħna jkompli jemmen f’din il-ħolma ta’ Dun Mikiel li nemmnu bi sħiħ li mis-sema għadu jifraħ bil-ħarġiet tal-fuljett Il-Ħbieb Isejħu. SILTIET MINN EDIZZJONIJIET ĊENTINARJI JANNAR 1975
Li jiddispjaċina hu l-fatt li xi żgħażagħ jiġu jgħidulna li mhux qed jirċievu l-fuljett. Aħna nibagħtuh u nafu li jaslilhom iżda aktarx jiġri li xi ħadd minn tal-familja jiftħu, jagħtih daqqa t’għajn u jwarrbu f’xi kexxun u hekk iż-żagħżugħ li għalih ikun indirizzat anqas biss ikun jaf li rċevih. Nitolbu lill-ġenituri u lix-xebbiet biex wara li jaqrawh iħalluh fejn il-ġuvni jkun jista’ jsibu u jaqrah.
APRIL 1983
L-idea ntgħoġbot iżda dlonk tfaċċaw id-diffikultajiet. Min kien ser jieħu ħsieb jiġbor il-materjal? Min kien ser jittajpjah? Kif konna ser niġbru l-ispejjeż? Waqt li kulħadd qabel ma’ l-idea ma kellniex soluzzjoni immedjata għal dawn il-problemi. U ħadd minna ma ried li nwelldu fuljett li jmut mewta naturali ftit xhur wara. Iżda kien hemm ħafna rieda tajba u konna ċerti li ser insibu ħafna koperazzjoni. Iddeċidejna li nibdew. Siltiet minn ittri f’din il-ħarġa speċjali: “Fuq il-fuljett ngħid biss 3 kelmiet: Grazzi, Prosit, Komplu” -Detroit – “Tieħdu gost tkunu tafu li l-fuljett mhux biss inwassluh lill-membri taċ-Ċentru tagħna imma naqraw siltiet minnu fuq ir-radio fil-programm ta’ l-emigranti.” -Sydney- “Ilbieraħ irċivejt il-leaflet. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kitbu fih għax meta wasalli kont qed inħossni lonely, imbiegħed minn ħbiebi u art twelidi, iżda dawk il-ftit folji, ferrħuni.” –Zurich- AWISSU 1991
Il-membri tal-MUSEUM tan-Nadur 25 sena ilu bdew jippubblikaw fuljett, IL-ĦBIEB ISEJĦU u issa waslu fit-300 ħarġa tiegħu. Dan huwa sinjal ta’ perseveranza li jista’ jservi wkoll ta’ tagħlima mhux biss għall-membri tal-MUSEUM imma wkoll għall-insara l-oħra. J’alla dan il-fuljett ikompli jwettaq il-missjoni edukattiva bil-qari tajjeb li fih u jagħmel progress ukoll. Il-Mulej iberikkom. +Nikol G. Cauchi Isqof t’Għawdex
“…Hemm proverbju li jgħid li ‘l-miktub jibqa’’ – u dan li nawgura lil ‘Il-Ħbieb Isejħu’, li waqt li tkompli sal-Ġublew tad-Deheb 25 sena oħra u iktar, il-messaġġ tagħna miktub jinbidel fil-qalb ta’ ħafna ‘ħbieb’ Nadurin, u tkompli tgħinhom tgħixu ta’ nsara vera.” Mons Salvu Muscat Arċipriet - Nadur
“Nistennieh kull xahar għax jogħġbuni l-istejjer u nużahom ferm fil-lezzjonijiet li nagħmel lill-kbar u liż-żgħar.” Victor Delicata Superjur Ġenerali MUSEUM
DIĊEMBRU 1999
U issa li għalaqna l-400? Għadna nemmnu li l-fuljett baqagħlu x’joffri u sakemm nibqgħu nemmnu dan nibqgħu nistinkaw biex ma’ 400 xahar li l-fuljett ġà għandu, jiżdiedu għexieren u għexieren ta’ xhur oħra. Dejjem bil-għajnuna tal-Mulej li mingħajru mixjietna kienet togħtor ferm qabel wasalna għall-400 ħarġa! MIXJA MA’ L-ISTORJA Meta żarna l-Isqof il-ġdid għal-laqgħa ta’ Ġunju 1967 konna stedinna lill-Mons Isqof Nikol Ġ. Cauchi li kien għadu kemm beda l-missjoni tiegħu bħala ragħaj tad-djoċesi. L-Isqof kien qalilna li hawn xi żgħażagħ li qed jinsew lil Alla... Meta l-Youngsters rebħu l-ewwel kampjonat. U f’dik ta’ April 1968 konna fraħna mal-Youngsters għar-rebħ ta’ l-ewwel kampjonat. Konna ddedikajna naħa waħda tal-fuljett… jiġifieri nofsu… lil din ir-rebħa. Meta fil-ħarġa ta’ Jannar 1973 ħabbarna li ħriġna l-ktieb ‘Tħejjija għall-ħajja tax-xogħol’ …ktieb li kien intgħoġob ħafna tant li fi ftit xhur kien ġie out of print. Ktieb mibni fuq 28 taħdita kollha marbuta b’xi mod mal-problemi li jinħolqu meta wieħed jibda jaħdem. Meta ħloqna ħafna nkwiet bla ma ridna… Konna ġibna rakkont ta’ żagħżugħ fil-Kanada li kellu inċident ġo fabbrika u dan bagħtilna rakkont ta’ dak li kien ġara… kif ħelisha mill-mewt b’xagħra u hu qal li kienet id-domna tal-Madonna li ħelsitu… U ma nafx kemm ġew ġenituri jgħidulna jekk dan iż-żagħżugħ kienx binhom. Jew meta bi żball bgħatna fuljett b’isem ta’ ġuvni li kien miet ħesrem f’età żgħira. Bi żball konna nsejna nneħħuh mill-mailing list u min irċevih ħa għalih. U kellu raġun imma naħseb li ħafrilna ta’ l-iżball ġenwin li konna ħadna. Jew meta mal-ħarġa 250 konna qassamna santa li fiha Ġesù kien qisu qed ikellimna… santa li kienet intgħoġbot ħafna u kienu bosta l-familji li ma kellhomx żgħażagħ talbuhielna… iżda aħna konna ħsibna biss għaż-żgħażagħ u ħafna baqgħu mingħajrha… u naturalment gergru “għalina biss ma kellhomx santa”. Rubrika li ntgħoġbot Meta fi Frar 1980 bdejna r-rubrika ‘Forsi Jinteressawk’ u kellna rispons għat-tagħrif qasir li ġibna f’dawn iż-żewġ paġni tan-nofs… tant li bqajna nġibhom sal-lum. Meta ħabbarna li ħriġna l-kotba ta’ l-istejjer, jew meta stampajna l-ewwel ħarġa maħduma fuq il-kompjuter… meta l-fuljett deher għall-ewwel darba fuq l-internet… illum li għandu l-webpage tiegħu. Dawn kienu biss ftit mill-ġrajjiet li l-fuljett Il-Ħbieb Isejħu għadda minnhom matul dawn il-500 ħarġa. Ġrajjiet li jibqgħu jfakkruna fl-inżul u t-tlajja’ ta’ dan il-fuljett. STORJA TA’ 500 ĦARĠA …MIXJA TA’ AKTAR MINN 40 SENA L-ewwel sentenza ta’ l-ewwel fuljett: Il-veri ħbieb huma dawk li jippruvaw jagħtu u mhux li jieħdu… dak kien il-ħsieb ewlieni u dak baqa’ l-ħsieb li mbuttana ’l quddiem biex bil-għajnuna tal-Mulej u bil-koperazzjoni ta’ għexieren ta’ nies bqajna għaddejjin sakemm wasalna għall-ħarġa 500. Ġew xhur li fihom konna naħbtu ser naqtgħu qalbna. Iżda dlonk kienet tinbet xi għajnuna li turi li lesta tweżinna tul it-telgħa li nkunu qed naraw quddiemna u nerġgħu nidħlu għax-xogħol biex noħorqu l-ħarġa li tkun tmiss. Għal 87 xahar il-fuljett kien jikkonsisti f’karta A4 mitnija u stampata fl-Orphan’s Press. Iżda f’Jannar 1974 bdejna nistampawh aħna stess. Akkwistajna duplicator li kien jaħdem bl-idejn… għal kull karta trid iddawwar ir-rota 360°. U waqt li tkun qed iddawwar trid tiftakar li għandek titfa’ l-linka imma miskin int jekk ixxappap iżżejjed għax il-karti jeħlu ma’ xulxin u miskin ukoll jekk tinsa titfa’ l-linka għax il-karti joħorġu b’ittri neqsin u ma jinqrawx. Dak iżżmien kull paġna riedet issir fuq karta tax-xemgħa u kull żball ried jissewwa b’ħafna kura. U mhux dejjem kien ikollok ir-riżultat mixtieq. Kull xahar konna mmorru fejn Dun Karm Portelli li kellu stamperija żgħira u kien jagħmlilna l-karta tal-faċċata… xogħol ħafna drabi ta’ tard bil-lejl. Ma nafx jekk il-ġirien ġiex li lmentaw mill-ħsejjes ta’ din l-imbierka stamperija. Jekk gergru, lilna ma qalulniex. Imbagħad akkwistajna duplicator li kien jieħu l-linka bla ma toqgħod tagħfas it-tubu fuq iċ-ċilindru. Sistema eħfef u ferm iktar nadifa għal min ikun qed jgħaddi l-karti. Wara ksibna scanner li kien kapaċi jipproduċi ritratti għad-duplicator li issa kien jaħdem bl-elettriku. U ksibna wkoll typewriter ta’ l-elettriku li kien ħaffilna ħafna x-xogħol. Ħdimna għal bosta snin b’din is-sistema sakemm bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali akkwistajna makna Duplo li għadna nużaw sal-lum. Din setgħet tieħu diversi ċilindri tal-kulur u hekk il-preżentazzjoni tal-fuljett saret iktar attraenti. L-iktar fl-aħħar snin meta daħlu l-kompjuters u wieħed seta’ jżejjen b’diversi fonts u disinji li qabel anqas konna noħolmu li stajna nistampaw. |