![]() +L-Iben t'Alla sar Bniedem Awissu 2007 numru 492 Pawlu u Salvu ma kinux xi ħbieb ta’ ġewwa. Imma ta’ sikwit kienu jisimgħu l-istess quddiesa nhar ta’ Ħadd u meta tispiċċa jintasbu fuq iz-zuntier u jgħidu kelma bejniethom. Aktarx fuq ir-raba’ u l-frott... fuq l-uċuh li rrendew u dawk li ma fdewx l-ispejjeż li saru fihom. U darba kif kienu jitkellmu, Pawlu lmenta b’uġigħ f’riġlu u dlonk Salvu wieġeb li anki hu jbati mill-istess uġigħ. Ftehmu li jmorru flimkien fejn speċjalista li kien jiġi fi gżiritna kull ħmistax. Kellu fama tajba u bosta kienu jgħidu li bil-massaġġi tiegħu ħassewhom ħafna aħjar. Bil-kuraġġ ta’ xulxin marru għall-kura għand dan l-ispeċjalista.
Daħal Pawlu u wara xi kwarta ħareġ mill-kamra
wiċċu isfar Din l-istorja rrepetiet ruħha ħafna drabi... kull darba li jmorru għand l-ispeċjalista, Pawlu kien joħroġ mifni u Salvu qisu mhux hu. Fl-aħħar Pawlu ma setax iżomm iktar u nfaqa’ u qallu: “Dan kif Salv jien noħroġ mill-klinika muġugħ għall-mewt bil-massaġġi li jagħmilli l-ispeċjalista u int toħrog minn hemm frisk daqs ħassa?” Salvu tbissem: “Għax jien inħaddem moħħi Pawl. Jien flok noffrilu r-riġel li juġagħni, nagħtih ir-riġel b’saħħtu u allura jagħfas kemm jagħfas ma jweġġagħnix.” Għeluq is-sena, Pawlu kien reġa’ beda miexi bla tbatija imma Salvu kien għadu jzappap xorta waħda. Kemm bnedmin jagħżlu t-triq ta’ Salvu meta jintebħu li għandhom bżonn il-kura. Jinsew li l-fejqan ifisser morr u tbatija u jagħżlu li jibqgħu fi triq li qabdu għax jibżgħu mis-sagrifiċċju marbut mal-ħajja t-tajba. U jitilfu serħan il-qalb marbut magħha.
|
| XENI MINN TREJQET IL-HAJJA Sħabu kienu laqqmuh Sparky. Ma kienx tajjeb għall-iskola u qatt ma bbrilla fl-isports.
Kien meqjus fjask mhux biss mill-għalliema imma wkoll mill-familja. U din il-mentalità daħlet f’moħħu u kien jgħid ta’ spiss “Ma jien tajjeb għal xejn u biex tagħqad, xortija ħażina.”
Spiċċa l-iskola. Bosta minn sħabu komplew l-istudju, oħrajn sabu mpieg tajjeb. Hu kien għadu jittama li jinfetaħ xi bieb imma meta kienu jistaqsuh x’jaf jagħmel kien iwieġeb, “Xejn parikulari imma lest nitgħallem.” Iżda donnu ħadd ma kellu żmien jgħallmu u spiċċa bla xogħol u bla ħabba.
U ddeċieda li jagħtiha għall-pittura. Kien jaf li kellu idu tajba iżda kellu dubju kemm seta’ jdawwar ir-rota b’din il-ħila. Beda jibgħat il-cartoons lil diversi ġurnali, cartoons lid-ditti ta’ pubblikazzjonijiet mensili iżda dejjem l-istess tweġiba: “Ma jilħqux il-livell mixtieq.” Sparky ma qatax qalbu. Beda jaħdem minn jum għall-ieħor ħalli almenu jkollu biex jitrejjaq u bil-lejl imur l-iskola. Ried jitgħallem sengħatu b’mod professjonali.
Wara snin ta’ studju reġa’ ttenta xortih. Din id-darba kiteb lid-ditta Disney iżda anke dawn għalqulu l-bieb f’wiċċu.
Sparky ħassu ser jiddispra imma baqa’ jittama u ddeċieda li jikteb ħajtu ħajja ta’ fjaski... U ħoloq karattru bil-cartoons karattru ta’ tellief iżda n-nies għoġobha forsi għax fil-fjaski tiegħu rat il-fjaski tagħha.
Illum il-cartoons
‘Peanuts’ li fihom il-karattru Charlie Brown li rari tiġih waħda tajba sar magħruf mad-dinja. U miegħu magħruf ukoll min ħalaqhom Sparky... jew aħjar kif jafuh illum Charles Shulz. Meta Charles miet fi Frar 2000, mewtu kien aħbar dinjija.
Għan-niżla kull qaddis jgħin U l-bnazzi ma jagħmilx baħrin gwappi. Kultant fjaski u diffikultajiet Jimbuttawk iktar mis-suċċess. U dan ma jgħoddx biss għal Charles Shulz imma jgħodd ukoll għalik u għalija. Mela kuraġġ!
|
| DR CORONATO GRECH M.D. jkompli l-artiklu interessanti... LIEMA REALTA'?
Lejn il-kbir ħafna.
Qabża moderata ta’ mija, minn metru għal mitt metru,
teħodna ’l barra sew mid-daqs ta’ l-ikbar
Għaxar darbiet ikbar, u niġu għal kilometru (mill-Grieg ’kiloi’ għal elf). Huwa kejl familjari – mixja ta’ ftit minuti (avolja hawn min jippreferi l-karozza). Huwa kejl ta’ ċerti rħula żgħar bħal Santa Luċija Kerċem, jew anki gżejjer bħal Kemmuna. Fit-teknoloġija għadna lura li nibnu għoli ta’ kilometru, jew vapuri b’dan it-tul, għalkemm mhux pontijiet jew mini. Fl-ispazju hemm asterojdi f’dan id-daqs, per eżempju Icarius li tgħaddi partikularment qrib ix-xemx. Qabża ta’ għaxra, għal għaxar kilometri, teħodna għal strutturi ġeografiċi. Per eżempju Għawdex twil 14.5 kilometru. L-ogħla muntanja, Everest fil-Himalayas, hija 8.8 kilometri għolja ’l fuq mill-baħar (u jekk il-muntanja vulkanika Mauna Loa fil-Hawaii hija mkejla minn qiegħ il-baħar, allura din hija għolja 10 kilometri avolja titfaċċa biss 4.16 ’il fuq mill-ilma. L-iktar baħar fond, il-Marianas Trench fil-Paċifiku, huwa madwar 11 kilometru. Fl-astronomija ta’għaxar kilometri nsibu Deimos, qamar żgħir ta’ Mars (ta’ l-inqas l-iżgħar dijametru, għax dan il-qamar mhux tond perfett). Meta ġiet imfassla s-sistema metrika, iktar minn mitejn sena ilu, ma kinux għamlu prefiss għal iktar minn kilo jew elf. Għal elf kilometru llum hemm il-megametru (mill-Grieg ’mega’ għal kbir – mega bħala prefiss dejjem tfisser miljun). Megametru allura huwa miljun metru, il-qabża li wasalna għaliha. Din hija qabża twila mhux ħażin. Hija d-distanza ta’ bejn bliet kbar ta’ pajjiżi differenti, per eżempju Pariġi u Vjenna, jew Moska u Stokkolma, għalkemm vjaġġar bl-ajru jagħmilhom ftit sigħat biss bogħod minn xulxin. Fis-sistema solari hemm żewġ qmura b’dijametru ta’ madwar megametru – Thethys idur mal-pjaneta Saturn u Titiana jdur ma’ Uranus.
Il-qabża li tmiss, dik ta’ għaxra, (għal
għaxar megametri), twassalna għad-daqs tad-dinja bħala pjaneta. Fil-fatt
il-metru (Dr Grech ikompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Settembru)
|
| FORSI JINTERESSAWK Il-ħajja tal-lum Ġeneral Ingliż li kien qatta’ ħafna żmien fuq il-front fil-gwerra ġie mistoqsi, meta għalaq tmenin sena, meta l-iktar li beża’ f’ħajtu. “Meta ġejt biex naqsam it-triq ħdejn Marble Arch fl-eqqel tat-traffik,” qalilhom bid-daħka. Bħalhom Meta tkun qed tisma’ l-vanġelu pprova idħol fiż-żarbun tal-persunaġġi li kellhom xi darba xi laqgħa ma’ Ġesù. Żakkew… mur malajr ħejji d-dar għax il-Mulej ġej għandek biex jimliek bil-paċi tiegħu.
Xmun Ċirinew… għin lil min hu batut fi triq il-ħajja u kun ċert li l-għajnuna tiegħek ma tibqax bla ħlas. Marija l-Madaliena… ibqa’ miexi wara l-Mulej anke jekk tintebaħ li ħafna minn sħabek ilhom li ħallewh waħdu. Ħdejn bini kbir ta’ uffiċini Taljan fetaħ ħanut imdaqqas tax-xorb u semmieh ‘Office’. Mistoqsi għaliex qalilhom: “Biex dawk li jkunu jixorbu ma jkollhomx għalfejn jigdbu lil marthom meta fuq il-mobile ssaqsihom fejn huma. Jgħidulha ‘l-Office’.” Villeġġjatura L-għaref mar għand is-sultan u talbu jagħtih rokna fit-tinda tiegħu.
Sultan: Palazz bħal dan u int issejjaħlu tinda!
Offendejtni! Għaref: Min kien joqgħod hawn qabel ġejt int? Sultan: Missieri l-għażiż, Alla jaħfirlu. Għaref: U qabel missierek? Sultan: In-nannu. U qablu l-bużnannu u l-bużnannu ta’ missieri. Dan il-palazz ilu għandna mijiet ta’ snin. Għaref: Mela sewwa sejjaħtlu tinda għax int qiegħed fih għal ftit taż-żmien. Id-dar tiegħek mhix hawn… imma dik ’l hemm mill-qabar għax dik ser tkun darek għal dejjem. Difiża personali Xi skjavi ntbagħtu jixtru t-tin mis-suq imma waqt li kienu ġejjin lejn id-dar kielu kollox u ftehmu li jwaħħlu fi skjav seħibhom li kien jismu Esopu. Meta dehru quddiem sidhom Esopu talab li jiddefendi ruħu. Xtaq li jġibulu ftit ilma. Xorbu u dlonk daħħal sebgħu f’ħalqu u rrimetta… ilma. Talab lil dawk li kienu qed jixluh jagħmlu l-istess imma meta rrimettew deher ċar min kien kiel it-tin. Il-verità, issa jew imbagħad, titla’ f’wiċċ l-ilma. U jekk ma titlax hawn titla’ ’l hemm mill-qabar. “Uritt biċċa pittura u vjolin u tgħix kemm ħadt gost meta qaluli li kelli opri ta’ Rembrandt u Stradivarius. Ħadt pjaċir immens u ħsibt li sirt sinjur imma wara qaluli li Stradivarius ma tantx kien jinqala’ biex ipitter u Rembrandt ma kellu l-ebda grazzja biex jagħmel vjolin.” Tommy Cooper
|
| AHBARIJIET TA' INTERESS IL-LAQGĦA TA’ LULJU Kellemna Dun Loreto Tabone u peress li l-laqgħa saret ġimgħa biss wara l-festa tal-parroċċa tagħna s-suġġett kien dwar l-importanza ta’ dawn id-dati fil-ħajja tan-nisrani. Il-Knisja tpoġġielna quddiem għajnejna lil dawn in-nies li għexu l-ħajja nisranija b’mod erojku biex nimitawhom. Kienu nies bħalna, San Pietru u San Pawl fl-ewwel għexieren ta’ snin tal-Knisja filwaqt li San Ġorġ Preca ftit ta’ għexieren ta’ snin ilu f’pajjiżna stess. Ilkoll ħadna gost meta ġie ddikjarat qaddis u dan hu s-sens tal-festi. Naraw x’kienu jagħmlu f’ħajjithom u nippruvaw nagħmlu bħalhom. Juruna li l-qdusija hija possibli f’kull stat ta’ ħajja, f’kull pajjiż u f’kull żmien. Allura jkun hemm bżonn li l-ammirazzjoni li jkollna lejhom insarrfuha f’azzjoni. Kull wieħed minna jista’ jkun appostlu fl-ambjent tiegħu. Jekk m’aħniex kapaċi nippridkaw bil-kelma bħal dawn il-qaddisin li semmejna almenu nkunu ta’ eżempju... xi ħaġa li d-dinja tal-lum għandha bżonn ħafna. B’hekk inkunu qed nagħmlu sens miċ-ċelebrazzjonijiet tagħna għax b’mod estern inkunu qed inqimu lil dawn in-nies li llum qed igawdu lil Alla u jkunu qed iħajruna nagħmlu bħalhom biex naslu fejn huma qegħdin. Jekk iċ-ċelebrazzjonijiet ikunu qed isiru b’mod estern biss inkunu bħax-xemgħa ta’ quddiem il-vari titulari. Bosta drabi dawn ikunu sbieħ minn barra imma vojta, xemgħa jkun hemm biss il-ftit pulzieri ta’ fuq. U nisrani awtentiku mhux hekk, ma jagħmel xejn biex jidher. Jalla dawn li fis-surveys jidhru li għadhom jiffrekwentaw il-knisja jagħmlu hekk għax konvinti. L-istatistika tagħhom fil-figuri hija aktar minn numru... iżda nisrani ieħor li jagħmel unur lill-qaddis jew qaddisin protetturi tiegħu. Ħajr lil ħabibna Robert Borg li għal darb’oħra pprovdielna bi drinks li qassamna wara l-laqgħa. Offerta ġeneruża li jagħmilha kull xahar. David Mifsud ta’ Triq Dun Grezz Buttigieg tela’ fit-tifkira ta’ San Ġorġ Preca.
STEDINA Bħal dawn l-aħħar snin, għal-laqgħa li taħbat ma’ l-attivitajiet ta’ l-anniversarju tal-qasam tagħna ser ikollna taħdita qasira għall-ġuvintur u wara jkollna żewġ partiti football... waħda bejn dawk li għalqu l-erbgħin kontra dawk li għalqu t-tletin u mbagħad partita oħra bejn iż-żgħażagħ tal-bieraħ u ż-żgħażagħ tal-Qasam tagħna. Tkun okkażjoni fejn l-old boys jiltaqgħu maż-żgħażagħ tal-lum. Għalhekk tinkwetax jekk ilek ma tmiss ballun... ejja u fuq il-ground ta’ l-artificial turf tagħna tieħu gost żgur – almenu b’inqas ħsieb li jekk taqa’ ser tweġġa’! J Wara l-laqgħa ntellgħu rigal sabiħ ġentilment mogħti lilna minn Ta’ Frenċ Restaurant. Mela ejja u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll – anke old boys u ħbieb tiegħek miżżewġa – għal-laqgħa ta’ dan ix-xahar huma mistiedna wkoll. U nfakkruk li din is-sena qed niċċelebraw tliet avveniment speċjali – il-kanonizzazzjoni tal-fundatur tagħna Dun Ġorg Preca, 100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tal-MUSEUM u 60 sena mill-bidu tal-MUSEUM (subien) fin-Nadur. Bil-preżenza tiegħek tkun qed tieħu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Tinsiex nhar is-Sibt 4 ta’ Awissu fit-8.15p.m. Aħseb ftit… Min jaħli ż-żmien ikun qed jikkommetti suwiċidju. Il-ħin hu deheb... jekk tużah tajjeb isir għalik djamanti.
|
| IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM [Il-kunjata ta’ Rut, Nogħemi, kienet spiċċat weħidha. Rut wegħditha li ser tieħu ħsiebha u li tibqa’ dejjem magħha. Qaltilha:] “...fejn tmur int immur jien, fejn tgħammar int ngħammar jien, il-poplu tiegħek poplu tiegħi, alla tiegħek alla tiegħi.” {Rut 1: 16-17}
Il-film Brian’s Song hu dwar ħbiberija specjali bejn żewġ players professjonali, Gale Sayers u Brian Piccolo. Gale hu iswed Brian abjad u t-tnejn kienu jilagħbu għaċ-Chicago Bears. Meta Brian marad serjament Gale kien ikun dejjem ħdejh. Meta Brian miet, Gale qabad trophy li kien għadu kemm rebaħ, kiteb isem Brian fuqu u difnu ma’ ħabibu.
Il-ġrajja ta’ Brian u l-istorja bibblika jisfidawni neżamina l-ħbiberiji tiegħi. Jien ħabib tal-maltemp ukoll?
Ħabib hu dak li jiżfen miegħek fid-dawl tax-xemx u jimxi miegħek fid-dellijiet. ANON
|
| IL-BNIEDEM U D-DINJA Missier kellu xi xogħol urġenti. Iżda l-ġiri u l-istorbju tat-tifel ma ħalliehx jikkonċentra. X’seta’ jagħmillu lil dan l-imbierek li jdum ftit medhi u jħallih bi kwietu? Kellu atlas antik u qata’ minnu mappa tad-dinja. Qattagħha f’ħafna biċċiet. Kienet ikkumplikata u żgur li ibnu kien ser idum ħin sew biex jerġa’ jgħaqqadha. Daqshekk pajjiżi!! Lesta ruħu għal ħin twil fil-kwiet. Riedu jduru dawra sew il-munitieri sakemm ilestiha u jerġa’ jgħaqqadha! Iżda għarralu. Wara ftit minuti t-tifel ġabha kollha tape! Magħquda perfetta. Kif seta’ tifel ikollu daqshekk informazzjoni fuq pajjiżi mbiegħda! Ġenju moħbi! “Imma kif irnexxielek tgħaġġel daqshekk?” ried ikun jaf missieru. “Faċli ħafna papà. Fuq in-naħa ta’ wara tal-mappa hemm stampa ta’ raġel. Għaqqadt lilu u kollox mar f’postu!” Kemm-il darba ngergru bit-taħwid li naraw fid-dinja. Biżżejjed tara l-aħbarijiet jew taqra gazzetta ħlief qtil u mwiet ma jissemmewx. Tibda tara l-umanità tegħreq fil-ħama li vvintat hi stess. U jiddispjaċik! Alla ħalaqna biex ngħixu mħabbtu u ara fiex waqajna! Iżda fl-istess ħin dejjem irridha tgħaddi tiegħi. Kelma ma nħalliha lil ħadd. Jidhirli li l-opinjoni tiegħi biss hi tajba jew almenu dejjem hi aħjar minn ta’ ħaddieħor. Ma rrid insir tapit ta’ ħadd u xejn. L-inkwiet tiegħi hu kif ser inkun komdu u ftit nagħti kas ta’ ħaddieħor. Jekk jien sewwa, sewwa kulħadd. U fl-istess nifs ninsa li dan li qed iġib it-taħwid fid-dinja. Kulħadd egoist u ma għandu kelma ta’ kuraġġ għal ħadd. Immultiplika dan bil-miljuni u tispiċċa taqra bi qtil u mwiet. Jekk kull wieħed jipprova jirranġa lilu nnifsu, l-aħbarijiet ikunu ferm iktar pożittivi! Taqtax qalbek. Agħmel il-parti tiegħek u tara kif id-differenza tibda tinħass!!
|
|
Xi stickers fuq il-bumpers tal-karozzi joħolqu tbissima. Qed inġibu ftit minnhom:
Jekk qatt ma jirnexxilek mill-ewwel, tippruvax taqbeż b’parachute. Jekk qatt ma jirnexxilek mill-ewwel, waħħal f’xi ħadd u fittex parir legali. Jekk kapaċi taqra din, sinjal li jien tlift il-karru. Jekk il-vapur tiegħek għadu ma daħalx, mur għum biex tilħqu. Inħobbhom il-qtates. Għandhom togħma ta’ tiġieġ. Kull ġeneralizzazzjoni hi falza. Attent! Kultant nagħfas il-brake għal xejn b’xejn. M’iniex fis-sakra daqskemm qed taħsibni. Min jidħak l-aħħar ma jkunx fehem iċ-ċajta. Lotteriji: taxxi għal min mhux tajjeb fil-matematika. Heater li ma jsaħħanx, aħjar fan minnu. Iż-żmien iżomm kollox milli jiġri f’daqqa. Ġos-sħab. Lura f’ħames minuti. Imwieled ħieles... intaxxat għall-mewt. Idħak waħdek u d-dinja tgħaddik b’iblah. Ix-xogħol huwa għan-nies li ma jafux jistadu. Jekk tagħmel xi ħaġa tajba itlob rakkomandazzjoni bil-miktub… biex jekk il-ġenna bħal tat-taxxa… Għamilt test ta’ l-IQ u r-riżultat kien bin-negattiv. Ma nbatix bil-ġenn. Qed ingawdi kull minuta. Iż-żmien hu l-aħjar għalliem. Sfortunatament joqtol l-istudenti kollha tiegħu. Attent: Id-dati fil-kalendarju huma eqreb milli qed taħseb. Ftakar li int uniku, bħal kulħadd. Hemm tliet tipi ta’ nies. Dawk li jafu jgħoddu u dawk li ma jafux. Qattx waqaft taħseb u nsejt terġa’ tibda? Attent: Jien insuq bħalek. Għalfejn tgerger li nsuq bil-mod? Għadni quddiemek. Għandi ġisem ta’ alla... Buddha. Il-wiċċ nafu iżda ma nistax niftakar ismi. |