
| + L-Iben
t'Alla sar Bniedem
Awissu 2008 numru 504 Il-pittur Jean Millet għandu ġrajja sabiħa marbuta ma’ ħajtu. Kien bin il-foqra imma xorta kien iqatta’ ħin filgħaxijiet ipitter fuq xi biċċa tila li kien jiddobba. U darba rah pittur famuż u ntebaħ li kien ġuvni ta’ talenti kbar. Ħeġġeg lil missieru jibagħtu Pariġi. Missieru ma kellux flus imma l-ġirien ikkonkorrew bi sħiħ u ġabru somma sabiħa li biha Jean seta’ jmur jitgħallem fil-belt ta’ l-arti.
Imma l-ħajja
tal-belt dejqitu għax qatgħetu min-natura li hu kien tant iħobb u għaliex
kien jara li sħabu warrbu dak kollu li hu reliġjuż. Wara li spiċċa l-kors
telaq lura lejn l-għelieqi tan-Normandija. U hemm ma’ martu u wliedu qatta’ l-bqija ta’ ħajtu. Jaħdem fl-għelieqi bin-nhar u bil-lejl ipitter xeni lijkunu waħlu ma’ moħħu matul il-jum. Pitter għexieren minn dawn il-pitturi li llum huma miżmuma b’għożża mill-mużewijiet jew individwi li kisbuhom. U fost dawn il-pitturi hemm waħda meqjusa l-isbaħ. Turi familja bidwija – ġenituri u wlied – tieqaf mix-xogħol biex tlissen it-talba tat-tmienja… l-Angelus. Jgħidu lijekk tħares fiss lejha tisma’ leħen il-qanpiena jistiednek tieqaf ftit mill-ġirja tal-ħajja biex tlissen talba. Qed nieqfu xi ftit kuljum biex aħna wkoll nisimgħu leħen din il-qanpiena? EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISĦTU D-DLAM Jirrakkonta H Ganado… F’Malta ta’ 150 sena ilu f’ħanut il-Belt taħt il-loġoġ ta’ Strada Rjali
kien
ipoġġi Taljan – Cicco Crispi li kien ġie Malta għax kien imfittex f’pajjiżu mhux għax għamel xi ħaġa ħażina iżda minħabba ħsibijietu. Kien jidher bniedem ta’ klassi edukat u mgħallem. Imma riedu jeliminawh għax ma kinux jaqblu miegħu. U spiċċa Malta bla ħbieb u xott mill-flus għal darba.
U hemm dejjem fl-istess ħanut fuq siġġu ħdejn il-bieb. Qatt ma ordna xejn għax bwietu xotti imma sid il-ħanut kien iħenn għalih u kuljum joffrilu ftit kafè u xi pastizzi. It-Taljan kien iroddlu ħajr u jikolhom bil-qalb. Aktarx li dik kienet tkun l-ikla sa tard filgħaxija.
Kuljum l-istess storja. Kuljum l-istess ħniena.
Iż-żmien għadda u t-Taljan telaq lura lejn pajjiżu għax issa fis-setgħa kien hemm min kien jaqbel ma’ fehemtu. Ġrajjietu ntesiet hawn Malta għax kienu għaddew is-snin minn meta telaq. Imma darba nstemgħet l-aħbar li żgur ħadd qatt ma basar u stenna. Għax dan il-fqir, barrani kien spiċċa Prim Ministru ta’ pajjiżu.
U sid il-ħanut ried imur ikellmu fil-palazz minn fejn kien imexxi. U meta wara ħafna krib u talb ħerqan tal-bieb wasslu tislijietu il-Prim Ministru niżel ħdejh u ħaddnu miegħu u laqgħu bil-ferħ u tah vaganza li l-Malti baqa’ jiftakar għomru kollu.
Poġġieh f’lukanda lussuża u ried li jagħtuh trattament speċjali.
Kos hux… kemm isbaħ tkun il-ħajja meta nuru ftit tal-ħniena… ħniena li kapaci tixgħel dawl fejn ikun isaltan dlam sfiq li nifsek jaqta’.
Mhux bilfors lil min ngħinu jsir Prim Ministru imma żgur li kull għajnuna li nagħtu qisna tajnieha lil Dak li hu ferm ikbar minn dawk li jilħqu l-ogħla postijiet tal-poter u s-setgħa. AWISSU jikteb Dr Coronato Grech M.D. Għalkemm Awissu huwa t-tmin xahar tas-sena, pero’ għar-Rumani kien is-sitt wieħed bi 30 ġurnata u kien jismu Sixtilis, is-sitt wieħed; ta’ l-inqas sakemm bidluh għal Augustus u żidulu ġurnata1. Awissu huwa x-xahar tas-sajf – ta’ sħana, vaganzi u festi.
Barra bis-sħana qiegħda mgħaxxa l-ħajja, Taħt xemx tikwi – l-eħrex xemx sajfija....... Filgħaxijiet in-nies jippassiġġaw f’postijiet ta’ villeġġjatura, jew inkella jintasbu fi gruppi matul il-kosta jagħmlu l-barbeques. Il-festi issa jkunu fl-aqwa tagħhom, b’San Lawrenz tipikament bi sħana kbira, għalkemm ma’ Santa Marija u wara jibda jidher xi sħab (Santa Marija jibdew l-għarajjex); jekk mhux ukoll xi bexxa xita friska (Awissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu). Anzi jekk jagħmel xi maltempata aktarx tkun bir-ragħad u s-sajjetti. Dari kien osservat li meta l-għansal jagħmel il-ward f’Awissu ix-xita tkun bikrija. U anki l-baħar jaf jitqalleb daqsxejn (f’Awissu l-baħar tisma’ ħossu). Għal min iħares lejn is-sema bil-lejl, Awissu huwa xahar interessanti ħafna. Fost il-konstellazzjonijiet prominenti nsibu ċ-Ċinju, l-Ajkla, l-Arpa u Saġitarju, waqt li f’iljieli bla qamar tkun prominenti ‘it-triq ta’ Sant’Anna’ għaddejja minn ġo ħafna minnhom2. U madwar it-tnax tax-xahar, l-iktar wara nofs il-lejl, aktarx li jidhru ħafna kwiekeb feġġejja – id-Dmugħ ta’ San Lawrenz3. Ċensu Mifsud Bonnici (1871-1929) għandu poeżija ħelwa b’sensiela ta’ mistoqsijiet lill- kewkba feġġa: Kewkba feġġa li bħal vleġġa, tgħaddi tiġri ġos-smewwiet, nindaħallek jekk nagħmillek jien dal-mistoqsijiet? Storikament, f’Awissu ġraw xi avvenimenti importanti fl-istorja tad-dinja. Nsibu li Kristofru Kolombu salpa minn Spanja għal ġo l-Atlantiku fit-3 ta’ Awissu 1492 bil-ħsieb li jasal sal-Lvant Imbiegħed imma minflok sab l-Amerika. Fil-24 ta’ Awissu 1572 seħħ il-massakru infami ta’ San Bartilmew meta f’Pariġi u bliet oħra Franċiżi nqatlu eluf ta’ Protestanti minn gwerriera Kattoliċi.
U fis-6 ta
Awissu 1945, ajruplan Amerikan tefa’ l-ewwel bomba atomika fuq il-belt
Ġappuniża
ta’ Hiroshima. Eluf kbar mietu. Fl-istorja ta’ Malta nhar Santa Marija tal-1942 wasal konvoj Ingliż li salva lil Malta mifnija mill-attakki Ġermaniżi. U jerġa’ iktar qrib fl-istorja tal-MUSEUM tan-Nadur, Awissu huwa marbut mal-ftuħ tal-qasam, mal-bidu tal-laqgħa tas-Sibt, u ma’ din il-pubblikazzjoni li qed taqra. 1. Traċċi ta’ dan it-tibdil jidhru mill-ismijiet tax-xhur li jiġu wara Awissu - Settembru s-seba’, Ottubru t-tmienja eċċ. 2. Din tidher bħala faxxa bajdanija irregulari li b’teleskopju tidher li hija magħmula minn miljuni ta’ kwiekeb (kif skopra għall-ewwel darba Galileo fil-1609). Din hija l-veduta tagħna tal-Galassija, ir-rota enormi ta’ kwiekeb li x-xemx tagħna tinsab f’tarf minnhom. 3. Dawn ma humiex kwiekeb imma sħab irqiq ta’ frak zgħir ħafna (ftit millimetri) ta’ kometi li d-dinja tgħaddi minnu waqt li ddur max-xemx u li jixgħel meta jaħbat u jaqa’ fl-atmosfera.
FORSI JINTERESSAWK Fuq keffa ta’ miżien… xejn Kien hemm polemika qawwija bejn Arnold Lunn – kittieb kattoliku u Haldane li kien jgħid li ma jemmen b’xejn. Darba waqt li s-segretarja ta’ Lunn kienet qed tittajpja risposta għall-artiklu ta’ Haldane qaltlu: “Sur Lunn, kemm targumenta aħjar minn Haldane!” “Le, le, ma nargumentax aħjar. Imma jien warajha hemm il-verità u wara Haldane hemm biss il-baħħ. U l-verità hi ferm isbaħ mill-baħħ.”
Motto
li aqrah sa l-aħħar Fil-kartiera ta’ Henry Ford sabu kartuna żgħira li fuqha kien hemm il-kliem stampat: ‘Għin lill-oħrajn.’ Imma taħthom Ford żied il-kliem: ‘Jgħinu lilhom infushom.’ Għax bħal ma jgħid qawl barrani ‘jekk tagħti ħuta lil xi ħadd titimgħu għal jum imma jekk tigħallmu jistad titimgħu għal għomru’.
Ir-Reġina ta’ l-Ingilterra hi sovrana fuq il-pajjiż kollu. Imma ma tistax tidħol fis-sala tal-Parlament bla permess għax hemm liġi antika mis-sena 1642 li tgħid biex il-Parlament jaqdi l-funzjonijiet tiegħu sewwa ma jistax iħalli lir-re jew reġina jirfsu fejn ikun qed jiltaqa’ jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni ta’ l-istess parlament. U din il-liġi Ngliża għadhom iżommuha.
Dak għerf Raġel qagħad bilqiegħda fuq bank fi ġnien fejn kien hemm miġbura ħafna rġiel oħra. Ma kien jaf lil ħadd minnhom imma ried joħloq diskursata. Ipprova ħafna suġġetti imma qajla kellu rispons. Fl-aħħar qal: “Jaqaw f’dan ir-raħal għamiltu xi wegħda li ma titkellmux!” “Le,” qallu wieħed minnhom. “Imma għamilna wegħda li ma nitkellmux jekk ma nkunux ċerti li dak li ser ngħidu hu aħjar mis-skiet li jkun hawn.” Direzzjoni spartana
“Good morning, friend.” “Good morning friend. Tista’ jekk jogħġbok turini t-triq lejn l-oasi ta Siwa?” “Illum il-Ħadd. Ibqa’ sejjer bid-dritt kif int sejjer sa nhar it-Tlieta. Imbagħad ikser fuq il-lemin u ibqa’ sejjer fuq il-lemin sa nhar il-Ħamis. Nimmaġina li l-Ħamis filgħaxija jew l-iktar il-Ġimgħa filgħodu tkun hemm – dejjem jekk tmidd pass ħafif.” Għall-bedwin, ġimgħa mixi fid-deżert kienet xi ħaġa tas-soltu imma għat-turist kienet martirju. Mhux faċli tifhem lil min ikun għaddej minn triq it-tbatija jekk ma tkunx kapaċi tidħol fiż-żarbun tiegħu. Jekk tidħol f’kamra u ssib lampa tixgħel tifhem li xi ħadd xegħelha. Kif allura tqum filgħodu u tara lampa bħal dik fis-sema u ma tintebaħx li xi ħadd xegħelha? San Ġorġ Preca AĦBARIJIET TA’ INTERESS
Dr James Galea B.Ch.D ta’ Triq ir-Rabat lil Marice Grech ta’ Triq il-Knisja; Sharon Muscat ta’ Triq Ġużè Ellul Mercer lil Jason Cefai (Victoria); Pamela Said ta’ Triq Dun Ġorġ Preca lil Stephen Sultana (Xagħra). Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien. IL-LAQGĦA TA’ LULJU
Ħajr lil Robert Borg – barman tal-każin tal-Youngsters – tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. STEDINA SPEĊJALI Il-laqgħa ta’ Awissu dejjem tkun speċjali għaliex taħbat ma’ l-attivitajiet ta’ l-anniversarju. Għaliha jkunu mistednin ukoll l-old boys tagħna għad li nieħdu gost narawhom matul il-laqgħat tas-sena kollha u nixtiequ ferm li n-numru tagħhom jiżdied. Din is-sena qed infakkru il-61 sena mill-bidu tal-MUSEUM (subien) fin-Nadur. Ser ikollna messaġġ qasir ta’ l-okkażjoni u peress li din is-sena l-Youngsters qed jiċċelebraw il-50 sena mill-bidu tal-club Naduri u r-rebħ ta’ l-għaxar kampjonat ser naraw ukoll dvd dwar dan l-anniversarju. Wara, bħas-snin l-oħra f’Awissu, ser ikollna żewġ partiti football... waħda bejn dawk li għalqu l-erbgħin kontra dawk li għalqu t-tletin u mbagħad partita oħra bejn iż-żgħażagħ tal-bieraħ u ż-żgħażagħ tal-Qasam tagħna. Tkun okkażjoni fejn l-old boys jiltaqgħu maż-żgħażagħ tal-lum. Għalhekk tinkwetax jekk ilek ma tmiss ballun... ejja u fuq il-ground ta’ l-artificial turf tagħna tieħu gost żgur – almenu b’inqas ħsieb li jekk taqa’ ser tweġġa’! J Wara l-laqgħa ntellgħu rigal sabiħ ġentilment mogħti lilna minn Ta’ Frenċ Restaurant. Mela ejja u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll – anke old boys u ħbieb tiegħek miżżewġa – għal-laqgħa ta’ dan ix-xahar huma mistiedna wkoll. Bil-preżenza tiegħek tkun qed tieħu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Tinsiex nhar is-Sibt 2 ta’ Awissu fit-8.15p.m. KELMET IL-BIBBJA LLUM [Kristu qal:] “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jiena wkoll inħobbu u nuri lili nnifsi lilu.” (Ġw 14: 21)
San Wistin, fil-bosta kitbiet sbieħ u profondi tiegħu għandu silta li hi tassew prattika. Jibda billi jistaqsi “Kif inhi l-imħabba?” Ma jagħtix immaġinazzjoni tat-tfal u jxebbaħha ma’ warda inkella raġġ ta’ dawl. Iżda jgħid: L-imħabba għandha l-idejn biex tgħin lill-oħrajn. Għandna r-riġlejn biex tħaffef għal għand il-fqir u l-bżonnjuż. Għandha l-għajnejn biex tara l-miżerja u n-nuqqas. Għandna l-widnejn biex tisma’ l-karba u t-talba. Hekk hi l-imħabba. San Wistin jirrifletti l-ħsieb ta’ Kristu fis-silta tal-bidu.
Meta nxebbah kliem Kristu u kliem San Wistin ma’ ħajti fejn nasal? Għadni ħafna ’l bogħod.
L-istess ċint li jħallili n-nies barra qed jagħlaq lili ġewwa. DR MICHAEL GALEA PhD jibda sensiela ta’ artikli interessanti fuq suġġetti li nisimgħuhom ta’ spiss imma x’aktarx ftit narawhom imfissra b’dan il-mod. X’inhuma LEARNING DISABILITIES?
Għalkemm is-sorsi tal-LD huma diskutibbli, jidher li hemm tlett sorsi prinċipali: a) eredità, fejn għandek LD li jiġru fil-familja; b) problemi fit-tqala u twelid (nuqqas ta’ ossiġnu, użu ta’ drogi u/jew alcohol waqt it-tqala/twelid, u c) inċidenti wara t-twelid (ħbit tar-ras, nutriment fqir, tkun espost għal sustanzi tossiċi, bħal ċomb). Il-LD m’humiex kawżati minħabba differenzi fil-kultura jew fil-qagħda finanzjarja tal-familja. Għalkemm il-LD l-iktar li jmissu hu lit-tfal zgħar ħafna, spiss ma jiġux magħrufa qabel ma t-tfal jilħqu jidħlu l-iskola. Fl-Istati Uniti, iktar minn 5% tat-tfal kollha fi skejjel pubbliċi għandhom xi tip ta’ LD speċifika. Tfal jista’ jkollhom iktar minn forma waħda ta’ learning disability. Veru li l-LD huma għal tul ħajja ta’ bniedem, ma jfissirx li b’hekk, persuna bilfors se tkun imwaqqfa milli tgħix ħajja kważi normali. Jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom it-tip u severità tal-LD. Madwar wieħed minn kull tliet persuni bil-learning disability għandu wkoll xi problemi serji fl-attenzjoni, aħjar imsejħa attention deficit hyperactivity disorder (ADHD). Hemm xi Kura? Tajjeb nenfasizza li mhux kull tifel u tifla li għandhom problemi fl-iskola, jew li qed jiżviluppaw bil-mod wisq, bilfors għandhom xi forma ta’ LD. L-ewwel kura hi li tkun taf bil- u dwar il-problema. Jekk tissuspetta li jista’ jkun hemm xi problema, iġbor kemm tista’ informazzjoni relatata mal-każ, bħal informazzjoni mill-ġenituri, għalliema, katekisti, tabib tat-tifel/tifla. L-iktar kura komuni hi edukazzjoni speċjali. Wara li ssir evalwazzjoni sħiħa minn edukaturi kompetenti fis-suġġett, l-ewwel pass ikun li dawn it-tfal jitgħallmu metodi adattati ta’ tagħlim li jibnu fuq l-abiltajiet u talenti tat-tfal infushom, filwaqt li jikkoregu u jikkumpensaw għal problemi u sfidi fihom. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ professjonisti oħrajn, bħal terapisti tal-lingwaġġ. Xi mediċini jistgħu jgħinu lit-tfal f’attenzjoni u konċentrazzjoni iktar sħiħa, sabiex jitgħallmu iktar. Għajnuna psikoloġika tista’ tkun t’użu kbir ukoll. X’futur jeżisti għal tfal b’LD? Qed isir studju vast u speċifiku fuq diversi tipi ta’ LD. Riċerka moderna tiffoka fuq żviluppi ta’ metodi avvanzanti ta’ dijanjozi biex problemi simili jinstabu iktar malajr, u b’iktar ċertezza. Avvanzi fuq kura aħjar ta’ LD qed dejjem tkun sofistikata iktar, u qed nifhmu iktar l-bażi bioloġika tal-LD. Meta nħarsu lejn problemi u sfidi mentali, jew psikopatoloġiji, hemm bżonn narawhom fit-totalità tal-persuna. Ma nistgħux ninsew it-talenti u d-dgħufijiet tal-persuna. L-anqas ma ninsew xi fatturi li jistgħu jkabbru l-impatt negattiv ta’ dawn l-isfidi fuq il-bniedem, bħal: (a) stress fil-familja; (b) tfal bi dgħufijiet ġenetiċi; u (c) ambjent li hu nieqes minn fatturi ta’ protezzjoni u riżorsi importanti. Fil-parti li jmiss, se nitkellmu dwar id-Dislekxja. |