+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Dicembru 2007  numru 496

L-iskola sekondarja ta’ Little Falls fi New York għandhom isemmu l-istorja taż­żagħżugħ Tom. Tirrakkonta kif is-surmast ta’ din l-iskola – is-sur Rankin – kien ħajjar lit-tfal biex għall-Milied tas-sena 1952 jippruvaw jagħtu xi ħaġa minn tagħhom għall-bżonnijiet ta’ studenti li qed isibuha iebsa biex ilaħħqu ma’ l-ispejjeż… li rari jbiddlu ż-żarbun u l-uniformi, għax il-familja tagħhom ma kinitx f’pożizzjoni li tixtri l-ġodda. L-istudenti daħlu fl-ispirtu ta’ din l-inizjattiva u ħafna minnhom organizzaw attivitajiet bejniethom u taw kontribut finanzjarju sabiħ.

Tom ma tantx kellu minn fejn jagħti imma xorta kien qed jagħmel ħiltu biex joffri xi ħaġa. Ried li almenu jgħaqqad dollaru bħala kontribuzzjoni. Imma anqas daqshekk ma kellu. Baqa’ jistinka sa l-aħħar ġurnata tal-ġbir tal-fondi u rnexxielu jgħaqqad mitt ċenteżmu… dollaru. Iżda proprju fl-aħħar ġurnata nqalgħet maltempata kbira... tant kbira li s-servizz tat-trasport pubbliku ma kienx jaħdem. Tom inkwieta bi sħiħ. Ried li jagħti sehmu imma kif seta’ jagħmel dan bis-servizz maqtugħ? Kien joqgħod iktar minn 5 mili bogħod mill-iskola.

Iżda x-xenqa li jagħti s-sehem tiegħu kienet ikbar mid-distanza u mill-bard u l-ksieħ ta’ dak il-jum. U għalhekk libes kowt qadim u telaq bil-mixi biex jippreżenta dak li kien irnexxielu jfaddal. Wasal l-iskola u s-surmast skanta bih meta sar jaf li kien mexa dik id-distanza proprju biex iwassal il-kontribuzzjoni tiegħu. Imma iktar ta’ skantament għas-surmast kien il-fatt li fost l-istudenti li l-iktar li kellhom bżonn din l-għajnuna kien proprju Tom innifsu u s-surmast kien għażel il-familja tiegħu biex tingħata dak li kien inġabar.

Tom ma kellux ħafna imma mill-ftit li kellu ried li hu wkoll jagħti sehmu. Dan hu l-ispirtu tal-Milied... li ninfetħu għall-oħrajn biex fejn naraw il-ħtieġa nagħtu l-għajnuna tagħna anki jekk aħna ma aħniex sinjuri. Il-Mulej ma jarax il-kemm nagħtu imma s-sentiment wara l-għotjiet tagħna. Dawk bħal Tom jifirħu l-iżjed f’din il-festa sabiħa. Jalla aħna nkunu man-numru tagħhom.


 

XENI MINN TREJQET IL-HAJJA

Għal dawk li kienu jafuh

Beethoven

il-ġenju mużikali

li tana sinfoniji mmortali

kien stramb.

Forsi għax id-difett li kellu

li kważi kien ittarrax għal kollox

kien jagħmlu suspettuż

ma jħallihx jitħallat mas-soċjetà.

Inqata’ biex jgħix waħdu.

 

Iżda darba rawh ħiereġ

imleflef f’ilbies sewdieni

u telaq iħaffef lejn dar

li kellha fuqha starr ta’ dieqa

għax f’dawk il-ġranet kienet tilfet

tfajla ta’ età żgħira

mietet ħesrem fl-aħjar ta’ ħajjitha.

 

U Beethoven

li kien ħabib tal-familja

ħass li għandu jmur u jagħti l-kondoljanzi

imma ma sabx kliem biex isabbar dik l-omm imnikkta.

Minflok, intasab fuq il-pjanu

u għal ħafna ħin

daqq fuqu biċċiet mużikali

li kienu jsabbru kull qalb muġugħa.

 

Ried jaqsam mal-familja n-niket li kienet qed iġġarrab

u rnexxielu

għax meta telaq ħalla warajh

arja ta’ sabar.

 

U din il-ġrajja fakkritni

f’dik it-tifla żgħira

li għebet għal xi ħin mid-dar

u ommha u missierha ġġennu jfittxuha

sakemm rawha ġejja tiġri tiġri

“Fejn kont għażiża tiegħi?”  staqsietha ommha.

“Mummy naħseb li taf li Mrs Davis

għadha kemm mititilha t-tifla tagħha

u jien ridt immur naqsam magħha d-dieqa.”

“U xi stajt għidtilha biex issabbarha?”

“Ma għidtilha xejn.

Tlajt fuq ħoġorha u qgħadt nibki magħha.”

 

Ħadd minna ma jħobb jidħol

f’dar id-dieqa.

Ilkoll nixxennqu sħiħ li mmorru biss fejn l-hena ssaltan.

Imma l-ħajja mhix biss kuluri sbieħ u għana

kultant taf titleflef b’kuluri skuri

u meta tkun hekk imlefilfa

tgħidx kemm tħalli sabar

kelma ta’ kuraġġ lil dawk

li jkunu jpassu

minn triq in-niket.


 

DR CORONATO GRECH M.D. ikompli l-artiklu...

LIEMA REALTA'?

F’ġurnata l-qalb tkun ħabbtet madwar 11,000 darba u ippumpjat 9,100 litri ta’ demm, waqt li l-moħħ ikun tilef 100,000 ċellola1. Il-mudullun ta’ l-għadam ikun ifforma 20,000 miljun ċellola ħomor, u daqshekk ieħor neħħa. F’ġurnata suppost tkun daħħalt madwar 2500 kalorija enerġija mill-ikel u daqshekk ieħor ħlejt. L-ikel issa għaddej sew mill-imsaren u dak mibdul f’ippurgar qed joqrob sew lejn il-musrana t’isfel. Il-kliewi jkunu ffurmaw bejn litru u tnejn awrina li l-ġisem f’intervalli konvenjenti jgħaddi ’l barra.

Katavru issa jkun ibbies kollu għalkemm xi partijiet bħall-wiċċ, il-muskoli eċċ ikunu bdew jintreħew. Fl-intern il-mikrobi jkunu diġà bdew il-proċess ta’ diżintegrazzjoni.

F’ġurnata l-ivjaġġar bl-ajru jieħdok sa l-ibgħad postijiet fid-dinja, waqt li jekk tkun sejjer lejn il-qamar, (bil-veloċità li marru l-missjonijiet Apollo), tkun għamilt madwar terz tat-triq. Ġurnata wkoll tieħu biċċa tal-baħar li tkun għerqet biex tasal sal-qiegħ ta’ l-ifnad ibħra.

Ġimgħa wkoll huwa perjodu konvenjenti ta’ ħajjitna, għalkemm tant jistgħu jgħaddu affarijiet sbieħ jew koroh f’ġimgħa! F’ġimgħa ġismek ikun ħela madwar 20,000 kalorija (u ta’ min jispera li mill-ikel akkwista daqshekk biss). Mir-ras tkun tlift madwar mitt xagħra (u ta’ min jispera li mhux permanenti). Id-difrejn ta’ l-idejn ikunu kibru madwar millimetru, waqt li dawk tas-saqajn xi erba’ darbiet inqas. F’ġimgħa wkoll tkun ipproduċejt madwar 15-il litru awrina u madwar 5 kilos ippurgar.

Katavru f’ġimgħa bilkemm ikun jingħaraf għax jintefaħ, jiħdar u jinten ħafna.

F’ġimgħa b’vapur taqsam l-oċeani kollha (u jekk tkun fuq xi cruise liner – u jekk bħall-awtur – tkun altru li kilt iktar milli hemm bżonn!).

Fid-dinja tal-pjanti, ġimgħa wkoll tibda tagħmel differenza. F’dan il-perjodu ħafna żrieragħ jinbtu u jitfaċċaw sew f’wiċċ il-ħamrija; blanzun jinbidel fi fjura sabiħa; frotta tintefaħ, teħla u tieħu l-kulur; waqt li pjanta li tixxabbat timxi biċċa sewwa. Ta’ min jinnota li dawn il-movimenti tal-pjanti huma kontinwi imma fuq kejl ferm bil-mod għalina, għalkemm l-effett huwa drammatiku jekk tarahom fuq film mgħaġġel.

F’ġimgħa d-dawl ikun ilu li telaq mis-sistema solari, għalkemm fadallu ħafna (madwar 4 snin u 4 xhur oħra!) sa ma jasal sa l-eqreb kewkba.

Xahar ukoll huwa perjodu konvenjenti fl-esperjenza umana. Xejn xejn għal min jaħdem tidħol il-paga!

Il-proċessi fiżjoloġiċi tal-ġisem ikunu għaddejjin sewwa (nisperaw), waqt li dak iċ-ċiklu tan-nisa, il-mestrazzjoni, jieħu madwar xahar. Jekk ikun hemm tqala, fl-embriju, f’xahar, ir-ras, l-idejn u s-saqajn ikunu diġà ħadu daqsxejn il-forma, waqt li l-qalb (bħalissa f’forma ta’ tubu biss) tibda l-ewwel taħbitiet. Min-naħa l-oħra f’raġel ikunu iffurmaw (u b’xi mod jew ieħor għaddew għal barra) madwar 2 biljun sperma.

(Dr Grech ikompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Jannar)

1 Għalkemm tidher figura allarmanti, però l-moħħ fih madwar 100 biljun ċellola (u iktar minn 100 trilljun ta’ konnessjoni bejniethom) u jridu jaslu s-sebgħin sena biex jonqos 5% tal-volum.

 


FORSI JINTERESSAWK

Bla kollox

 Waqt programm li l-Isqof Fulton Sheen kien qed jagħmel fuq it-televiżjoni xi ħadd qallu:

             “Father, bniedem bla Alla qisu kejk bla żbib!”

             “Le ħabib, bniedem bla Alla hu kejk bla dqiq u ħalib għax jonqsu l-ingredjenti essenzjali!”


L-inkwiet

Nipprova ma nħallix l-inkwiet jirbaħli għax nemmen li min jinkwieta jkun beda l-mixja ta’ dawk li ma jemmnux f’Alla.

U San Ġorġ Preca kien jgħid:

             “Ħsieb ta’ nkwiet mhux ġej minn Alla għax Alla tagħna hu Alla tal-paċi.”

U x-xjentist Alessandro Volta meta mistoqsi jekk jemminx f’Alla wieġeb:

 “Mhux biss nemmen fih imma iktar ma jgħaddu snin iktar qed narah ċar f’kull ħaġa li nilmaħ!”

U San Pawl qalilna li aħna ngħixu f’Alla bħalma ħuta tgħix fl-ilma.

Mela la darba hu tant qribna... u nafu li m’għandniex ninkwetaw, aħjar inkabbru fina l-fidi milli nirrikorru għall-kalmanti. Niftakru li l-bżonnijiet kollha tal-bnedmin ma jistgħux jaħlu l-provvista tal-Mulej.


Politika dinjija tal-klieb

Jgħidu li f’laqgħa li kien hemm bejn Bush u Gorbachev, il-President Amerikan ried juri lil Gorbachev żewġt iklieb żgħar li kienu għadhom kemm twieldu:

             “Ara ħabib… dawn bħalek komunisti.”

Għadda ż-żmien u Gorbachev darba ftakar fil-klieb komunisti u staqsa dwarhom.

“Dawk issa ma għadhomx komunisti… issa fetħu għajnejhom.”


Talba bibblika

 Mulej irrid nibqa’ nittama fik bħal Abraham

             irrid nieħu paċenzja bħal Ġob

irrid nibki ħtijieti bħal Pietru

irrid inwassal lill-oħrajn għandek bħal Indrì

irrid nibqa’ miexi warajk sa l-aħħar bħal Madalena.

 

Għalhekk sabiħa l-Bibbja. Ma tiqdiem qatt.


Staqsietu… u qalilha

 Kienu għaddejjin labranzetta u staqsietu:

             “X’tippreferi… mara sabiħa jew mara intelliġenti?”

             “Jien la rrid sbuħija u anqas intelliġenza. Jien irrid biss lilek.”

 U qala’ daqqa ta’ ħarta… li sal-lum għadu ma fehemx għaliex qalagħha… u l-għarusa telqet ’l hemm imbikkija.


 

AHBARIJIET TA' INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ NOVEMBRU

Bħalma avżajna fil-fuljett ta’ Novembru l-laqgħa kienet quddiesa għall-erwieħ ta’ dawk iż-żgħażagħ li mietu tul dawn l-aħħar 17-il sena. Ħadna gost nilqgħu fostna bosta familjari ta’ dawn iż-żgħażagħ. Qaddes l-Arċipriet Mons Salv Muscat u għamel ħsieb tassew sabiħ waqt l-omelija li nzertat fil-31 Ħadd ta’ matul is-sena. L-evanġelju kien ta’ Żakkew u ħa spunt minn din l-istorja u xebbaħ is-sejħa ta’ Żakkew biex jibdel ħajtu, mas-sinjal li jagħtina Alla fil-mewt ta’ xi ħadd żagħżugħ. Faċli li meta nisimgħu li xi ħadd qed jilgħabha mal-mewt f’età bikrija, inġibu skuża li għax marad, għax kellu inċident eċċ... u donnu kulħadd jaħseb li dawk ikunu okkażjonijiet rari li diffiċli jmissu lil xi ħaddieħor. Imma rridu nkunu għajnejna miftuħa għas-sejħa tal-Mulej għax dawn ukoll huma sejħat. It-toroq tal-Mulej huma misterjużi u minn dak li jidher bħala diżgrazzja Alla kapaċi joħroġ ħafna ġid. Tkun qanpiena ta’ alarm għalina jekk ma nkunux qed ngħixu l-ħajja spiritwali tagħna kif suppost. F’riġlejn l-artal tal-qasam għamilna kuruna tal-ward bil-lista ta’ l-ismijiet taż-żgħażagħ li b’suffraġju tagħhom konna qed nagħmlu dik il-quddiesa. Il-familjari ta’ dawn iż-żgħażagħ apprezzaw ħafna l-ħsieb wara din il-quddiesa u l-kuruna. Kienet okkażjoni tassew sabiħa fejn tlabna flimkien għall-erwieħ għeżież ta’ dawn iż-żgħażagħ.


STEDINA

...GĦAL-LAQGĦA TA’ DIĊEMBRU

Ser issir nhar is-Sibt 1 tax-xahar fis-7.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Tkun laqgħa relatata max-xahar tal-Milied. Ejja int u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll.

Mela tinsiex... nhar is-Sibt 1 ta’ Diċembru 2007 fis-7.15p.m. Tieħu miegħek xi ħaġa ta’ ġid u jifdal ħafna ħin biex toħroġ tiddeverti ma’ sħabek. Narawkom.


Nawguraw il-Milied it-tajjeb lill-qarrejja kollha tal-fuljett tagħna IL-ĦBIEB ISEJĦU. Jalla l-paċi li ġabitilna t-tarbija ta’ Betlem tgħammar f’qalbkom u f’darkom tul il-jiem kollha tas-sena. Bl-isbaħ xewqat lilkom u l-għeżież tagħkom.

Il-Bord Editorjali


IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM

…Ġesù, wara li tgħammed,

kien qiegħed jitlob,

infetaħ is-sema,

u niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu,

għamla ta’ ġisem ta’ ħamiema,

u nstema’ leħen mis-sema:

“Inti Ibni l-maħbub;

bik nitgħaxxaq.”

Lq 3: 21-22

 

Henry Ford talab l-għajnuna ta’ espert

biex jara kif il-kumpanija tista’ tmur aħjar.

L-espert tah rapport sabiħ ħafna

ħlief għal ħaġa waħda.

- “Kull darba li għaddejt mill-uffiċċju

f’tarf il-kuritur nara ħaddiem

iħares barra mit-tieqa,

b’saqajh fuq l-iskrivanija.

Dak qed jaħlilek flusek!” –

“Dak ir-raġel,” qallu Henry,

“darba tani idea li frankatli l-miljuni.

Dakinhar ukoll kien

b’saqajh fuq l-iskrivanija

u jħares ’il barra mit-tieqa...

eżatt kif inhu issa!”

 

Id-dehra ta’ raġel mitluf f’meditazzjoni

u dik ta’ Ġesù mitluf fit-talb

iġagħluni naħseb:

- Tgħid inkun aħjar jekk matul il-jum

insib ħin biex nieqaf nitlob? –

 

Life is fragile – handle with prayer.

E C McKenzie


ITTRI TA' MHABBA

Mark u Josie ħabbew lil xulxin mill-ewwel darba li ltaqgħu. L-imħabba ta’ bejniethom kibret u ssaħħet matul kull ġurnata tan-namur qasir tagħhom – u jum it-tieġ kien jum ta’ barka smewwija. Ma setgħux ikunu iktar ferħanin u setgħu jħarsu ’l quddiem għal ħajja feliċi flimkien u l-imħabba ta’ bejniethom saħħnet iċ-ċerimonja.

Iżda l-imħabba tagħhom ma setgħetx twarrad mill-ewwel għax ir-reġiment ta’ Mark kien imsejjaħ għal gwerra ’l bogħod minn pajjiżhom. Ma setgħux isibu kwiet. Kif setgħu jaċċettaw il-fatt li ser ikunu mbiegħda minn xulxin! Meta wasal il-jum tant imnikket, Mark ipprova jtaffi l-bogħod ta’ bejniethom billi jwegħedha li jiktbilha kull jum ittra mimlija imħabba – waħda f’kull jum ta’ firda.

Josie ma setgħetx issib sabar tistenna l-ittri. Għaddew għaxart ijiem sa ma lemħet il-pustier jiftaħ il-kanċell ta’ barra. Ġriet biex tilqgħu. Għarfet il-kalligrafija. Xammet l-ittra u għafsitha ma’ qalbha. Irringrazzjat lill-pustier u ġriet ġirja lejn id-dar b’qalbha tħabbat sitta sitta. U l-ittra poġġietha fuq l-iskrivanija ta’ l-istudju. L-għada reġgħet qagħdet tistenna. Il-pustier reġa’ mar u newlilha ittra oħra ta’ l-għażiż Mark. Bisitha u ġriet ’il ġewwa biex tagħmilha fuq l-oħra. It-tielet ittra waslet l-għada. Il-pustier wassal żewġ ittri t-Tnejn għaliex il-posta ma taħdimx il-Ħadd. Kemm kienet ferħana Josie li Mark ta’ qalbha kien żamm il-wegħda u kien qed jiktbilha ittra kull jum!

Mark kien ilu xahar imbiegħed u ħabiba ta’ Josie marret iżżurha. Dak il-munzell ittri fuq l-iskrivanija imlieha kurżità.

“Dawk x’inhuma?” staqsiet.

“Dawk ittri ta’ l-għażiż żewġi Mark li qed ’il bogħod għall-gwerra,” weġbitha b’għajnejha mimlija mħabba. “Tant iħobbni li kuljum jiktibli ittra mimlija mħabba.”

“Imma għadek ma ftaħthomx! Aħseb u ara kemm qrajthom!” qaltilha ħabibtha.

“U iva ma għandix bżonn naqrahom. Jien naf li jħobbni!”

Ħafna minn dawk li jaqraw din l-ittra jaħsbu li Josie jew stupida inkella miġnuna iżda...

 

Il-Bibbja hija ittra sabiħa ta’ mħabba li Alla bagħat lilek u lili. Titkellem fuq imħabbtu għalina billi jurina lil Ġesù – Ibnu stess li twieled fid-dinja tagħna u ġab id-dawl fost id-dlam li kien hawn. Turina kif insibu l-paċi, il-ferħ u l-kuntentizza anki meta mdawra mimli uġigħ, problemi u diffikultajiet. Hu jinsab fil-BIBBJA – u dawk li jfittxuh hemm, isibuh. Din hi waħda mill-wegħdi tiegħu. Hija ħasra li ħafna nsara ma jaqrawx din l-ittra ta’ mħabba u b’hekk isiru jafu lil Alla tagħhom b’mod personali. X’uħud anqas Bibbja ma għandhom. Ħafna għandhom iħalluha magħluqa fuq l-iskrivanija!