|
Frar 2007 - Harga numru 486 +L-Iben t'Alla sar Bniedem
Ħafna skantaw bil-bidla li raw f’John. Minn żagħzugħ kwiet u ta’ l-affari tiegħu li kont issibu dejjem minn ta’ quddiem kull meta kien ikun hemm xi laqgħa reliġjuża jew xi quddiesa taż-żgħażagħ issa rari kien għadu jersaq lejn il-knisja. U ma kienx jiddejjaq jgħid li anqas għadu jemmen.
Din il-bidla bdiet ftit wara John daħal l-Università. Forsi għax issa kellu ħafna x’jagħmel. Kellu wkoll ħafna ħbieb… ħafna attivitajiet… ħafna impenji. Ma kienx baqagħlu ħin għal dak li għalih kien għażiż qabel. Issa kien kiber u kellu għażliet oħra. U Alla u r-reliġjon kien tahom il-ġenb. Ma kienx baqagħlu post għalihom f’ħajtu.
Nannuh sar jaf bil-biċċa u darba
f’tarf il-ġimgħa talbu jmur miegħu jaqtgħu ż-żebbuġ. John ma setax jgħidlu le.
Iżda meta mar ma’ nannuh qajla seta’ jgħinu għax kien hemm xemx qawwija li
kienet tagħmih kull meta jerfa’ ħarstu ’l fuq biex jaqta’ xi żebbuġa. Nannuh
intebah u
F’ħin minnhom in-nannu qallu: “Kos hux… ix-xemx hi tant qawwija u mbagħad pizz żgħir jneħħi qawwietha.” In-neputi qabel u n-nannu kompla: “Naf oħrajn li jħallu tentufiet żgħar itellfuhom il-qawwa tal-ħallieq u jgħixu bħallikieku ma jafuhx. Il-ħmerijiet ikunu għattewlhom wiċċ il-Mulej.”
John siket. Kien intelliġenti biżżejjed biex jifhem. Tbissem u qallu: “Nann, din l-aħjar priedka li smajt fl-aħħar xhur.” “Jalla tgħixha!”
Tgħid f’ħajjitna għandna tentufiet li qed jgħattulna wiċċ il-Mulej? Titlef quddiesa tal-Ħadd bl-iskuża ta’… għajjien… irrid immur nonsob… sejjer il-ground… ħiereġ għall-kaċċa… U t-telliefa l-kbar inkunu aħna għax Hu jgħaddi mingħajrna imma aħna le.
|
|
XENI MINN TREJQET IL-ĦAJJA
Sabiħa ċ-ċerimonja li tgħaqqad għal dejjem ir-raġel u l-mara. U f’pajjiżna din il-festa tieħu bixra solenni b’ilbies sabiħ, fjuri, elf ritratt u video mistednin, mużika, kant, xorb u ħelu. Ħafna iktar minn żwiġijiet ta’ dari. Iżda forsi uħud jintilfu fix-xejxi u x-xintilli u jinsew li l-kelma li jagħtu f’riġlejn l-artal torbothom b’imħabba għal dejjem.
U naf storja li turina li fejn hemm l-imħabba xejn u ħadd ma jirfred ir-rabta tal-jum li jwaħħad lir-raġel ma’ martu.
Ġrat fl-Amerika Ħafna snin ilu fi knisja żgħira li fiha l-kappillan kien daħħal drawwa xejn tas-soltu.
Ried li f’jum it-tieġ ikun hemm xi ħadd li jirrakkonta ġrajjiet ħajtu, is-sabiħ u l-ikrah tagħhom biex juri t-triq lill-koppja l-ġdida u hekk ma taqtax qalbha.
U darba fuq l-artal
tela’ raġel Li beda jfaħħar sħiħ lil martu u jgħid li kienet l-iktar mara twajba b’qalb tad-deheb li lilu u lil uliedu kienet tathom kollox u mlitilhom ħajjithom b’hena u ferħ.
U min kien hemm beda jħares ’l hawn u ’l hemm ħa jara din il-mara mbierka Sabiħa, b’qalb tajba… teżor li bħalu rari jidher.
U ma rawhiex. Kien biss wara li ntebħu meta raw ir-raġel viċin martu u magħhom żewġ ulied… jidħku ferħana jidhru li qed jgħixu f’dinja żgħira it-tfal wieħed kull naħa imissu ’l ommhom u r-raġel jimbotta l-wheelchair.
U issa saru jafu li martu kienet mardet. Ma kienx fadlilha saħħa timxi u r-raġel għal dawn l-aħħar 5 snin kien ikollu jġorrha. Imma minkejja s-slaleb u t-tbatija kienu ferħana u r-raġel lissen b’qawwa sinċiera “Jekk nitwieled mitt darba Lilha nerġa’ niżżewweġ!”
Fejn hemm l-imħabba, is-sagrifiċċji jdubu iżda fejn hemm biss xejxi u xintilli ċ-ċurkett li suppost għaqqad imħabbithom malajr idub quddiem il-prova.
|
|
Dr Coronato Grech M.D. jiktbilna
IL-BIR,
ID-DELLIJIET U D-DAQS TAD-DINJA
Illum nafu li d-dinja hija sfera kbira, b’dijametru ekwatorjali ta’ 12,714 km u ċirkumferenza ta’ 40,090 km1. U bħala globu sabiħ, blù-abjad-kannella, rajnieha minn tant ritratti minn tant satelliti…. kif ukoll tiela’ minn fuq l-orrizont griż tal-qamar. Però mijiet ta’ snin ilu, xi ħassieba Griegi waslu wkoll għal din il-konklużjoni u wieħed minnhom sa rniexxielu wkoll ikejjel id-daqs tad-dinja bi preċiżjoni kbira.
Eratostene (m304-m250) kien jgħix fil-belt ta’ Lixandra, l-ikbar metropoli ta’ dak iż-żmien. Huwa kien astronomu, matematiku, storiku, ġografu, filosofu, poeta, u kritiku tat-teatru. Xi ħadd daqsxejn għajjur kien laqqmu ‘Beta’ għax kien it-tieni l-aħjar f’kollox, imma ta’ l-inqas fl-astronomija u matematika huwa kien ‘alfa’2.
Darba Eratostene sema’ li fil-belt
Eġizzjana ta’ Sijene, qrib Abu Simbel tallum, f’nofs in-nhar fil-21 ta’ Ġunju,
ix-xemx ma tagħmilx dellijiet u r-riflessjoni tagħha tista’ tidher minn ġo bir
fond; fi kliem ieħor ir-raġġi tax-xemx qed jaqgħu dirett preċiż minn fuq
(f’angolu ta’ 90 grad ma’ l-art). Minn naħa l-oħra fl-istess ġurnata, u wkoll
f’nofs in-nhar, f’Lixandra, Eratostene kien jaf li x-xemx tagħmel dellijiet -
ma’ bastun, kollonni tat-tempju eċċ. eċċ. Dawn kienu osservazzjonijiet li forsi
ħaddieħor, fit-tahbit tal-ħajja, faċilment seta’ injorahom – bir jirrifletti
x-xemx, dellijiet jiqsaru u jisparixxu f’post u mhux f’ieħor! Imma Eratostene
kien alfa u baqa’ jħammem u jaħseb. L-unika soluzzjoni li sab kienet li
d-dinja ma hijiex ċatta kif tant tidher, imma tonda, kif wara kollox kien
ikkonkluda, minn osservazzjonijiet oħra3 u ħafna snin qabel, Pitagoru
(sitt seklu QK), ħassieb Grieg. Eratostene kejjel l-angolu tad-dell (7 gradi) u
minn raġunar matematiku kkonkluda li jekk 7 gradi jassarrfu, (f’kejl tallum) fi
800 kilometru ( huwa bagħat nies ikejlu d-distanza minn Sijene sa Lixandra),
allura 360 gradi (li huma l-gradi totali fi sfera jew ċirku) jissarrfu
f’ċirkumferenza ta’ 40,000 km, li kif rajna, huwa qrib ħafna tad-daqs li nafu
bih illum. Eratostene kien l-ewwel bniedem li kejjel bi preċiżjoni stupenda,
id-daqs ta’ pjaneta. U dan tant snin ilu u bi kwazi ebda għodda għajr moħħ
brillanti.
Intant kif nafu, wara dan il-bidu stupend ta’ l-era Griega (mhux biss fix-xjenza imma wkoll fil-filosofija, arti, letteratura u politka) mal-waqa’ ta’ l-Imperu Ruman4, il-kultura intelletwali Ewropeja marret lura ħafna. Lanqas mar-Rinaxximent jew sal-bidu ta l-Era ta’ l-Esplorazzjoni ma ħafna kienu jafu preċiż id-daqs tad-dinja. It-Taljan Kristofru Kolombu (1451-1506) meta kien qed jipprova jipperswadi lill-awtoritajiet Spanjoli biex jagħtuh bastimenti għal spedizzjoni biex isib l-Indja billi jbaħħar għal Punent, kien uża figuri ferm iżgħar minn dawk ta’ Eratostene u li kieku ma sabx il-kontinent ta’ l-Amerika fin-nofs, kien jisparixxi fl-oċean5.
U Eratostene? Ta’ tmenin sena, għama u għajjien, jingħad li miet billi irrifjuta jiekol iktar.
1 U peress li bid-dawrien hija kemxejn ċatta, id-dijametru polari huwa 42 km inqas, għalkemm din id-differenza tant hija żgħira aħna narawha perfettament tonda. 2 Beta u alfa huma t-tieni u l-ewwel ittri ta’ l-alfabet Grieg. 3 Per eżempju minn ekklissi tal-qamar, fejn it-tondjatura tad-dinja tidher sew fuq il-qamar. U biex juri li dawn il-ħassieba Griegi kellhom tagħhom ukoll, dan Pitagoru ipprojbixxa lis-segwaċi tiegħu li jieklu l-ful, iħawdu n-nar b’biċċa ħadida, jew li jiddiskutu ċerti numri rrazzjonali, li għalihom ma kellux spjegazzjoni. L-istudenti tallum jafuh l-iktar mit-teorma msemmija għalih. 4 Il-kawżi tal-waqgħa ta’ l-Imperu Ruman kienu ħafna u diskutibbili. Listoriku Ngliż Edward Gibbon (1737-94) kiteb sitt volumi kbar ċelebri fuq hekk. 5 Kienet fl-ispedizzjoni tal-Bask Ferdinand Magellan (m1480-1521) li l-ewwel darba li d-dinja ġiet iċċirkondata, dawra li ħadet tlett snin (1519-12) għalkemm Magellan u xi 250 minn ekwipaġġ ta’ 270 ma spiċċawx id-dawra (u lanqas erba’ minn ħames bastimenti).
|
|
FORSI JINTERESSAWK
Ma riedx jiddiżappuntahom
Il-politiku Pierre Mendes-France qalulu li ħdejn il-bieb prinċipali ta’ l-istazzjon tal-ferrovija kien hemm numru ta’ Indjani lesti biex jibbuwjawh għal dak li kien qal fil-parlament. Kienu ilhom jistennewh ħafna għax it-tren kien iddawwar b’sagħtejn. Ta’ madwaru ħajruh jgħaddi minn bieb ieħor biex jevitahom imma Pierre wieġeb: “Ilhom hawn tant imsieken jistennewni fil-ksieħ biex jibbuwjaw u jipprotestaw għal dak li għidt. Mhux xieraq li niddiżappuntahom.”
Kbar jew żgħar
Mistoqsija tar-reliġjon kienet tgħid: “Semmi l-profeti l-kbar u ż-żgħar ta’ l-Antik Testment.”
U student wieġeb hekk: “Niddejjaq niddistingwi bejn kbar u żgħar. Fl-aħħar mill-aħħar min jaf min hu veru kbir jew żgħir quddiem Alla?”
Ir-risposta kienet tajba imma ma naħsibx li ngħata punti tagħha!
“Kemm għandek xagħar sabiħ,” qal il-ġuvni lit-tfajla. “Naħseb li writtu mingħand ommok għax anke hi għandha xagħar sabiħ.” “Naħseb li għandek żball. Urittu mingħand missieri. Xagħar ommi għadu kollu f’postu imma xagħar missieri għosfor kollu.”
Kuxjenza ta’ ġurnalist
Arthur Brisbane kien ilu aktar minn 50 sena jaħdem fil-ġurnaliżmu. L-editur tiegħu ħajru jieħu vaganza twila wara 50 sena ħidma. Imma Brisbane wieġeb: “Le, ma niħux vaganza twila għax jekk il-gazzetti li fihom nikteb jien jonqsu fiċ-ċirkulazzjoni minħabba l-assenza tiegħi nħossni ħati. U jekk ma jonqsux inħossni li qiegħed hawn għal xejn.”
“Ħati!”
Fid-daħla ta’ fabbrika kbira kien jintasab raġel li ħafna kienu jaħsbu li tilef rasu għax dan kien joqgħod iħares fiss lejn il-ħaddiema ħerġin mix-xogħol u kuljum jaqbad ma’ wieħed minnhom u jgħajjat: “Ħati!”
Kienu jeħduh biċ-ċajt iżda wieħed minnhom meta ġie ndikat beda jaħseb u qal: “Kos xi darba jien ukoll irrid ngħaddi minn ġudizzju… imma allaħares nispiċċa bl-istess sentenza!”
Jgħid li l-kelma tal-miġnun bidlitlu ħajtu.
Tkun qaddis ma jfissirx li ma taqa’ qatt fid-dnub jew li ma għandekx difetti imma li fik hemm tama biżżejjed li kull darba li taqa’ ddur lejn il-Mulej u titolbu maħfra.
|
|
AĦBARIJIET TA’ INTERESS
IŻŻEWĠU
Maureen Xuereb ta’ Triq l-Isqof Buttigieg lil Hubert Saliba (Xewkija);
Alison Mifsud ta’ Triq il-Qala lil Josef Carl Vella (Għajnsielem).
Filwaqt li nixtiqulhom futur hieni flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.
IL-LAQGĦA TA’ JANNAR
Bħas-soltu kellna l-farsa ta’ Spiru li din is-sena kien jisimha ’Spiru u l-ħares’. Ħadna gost naraw numru sabiħ ta’ ġuvintur u old boys laqgħu l-istedina u mlew is-sala tagħna għar-rappreżentazzjoni li saret għalihom. Id-daħk kontinwu wera kemm intlaqgħet tajjeb – bħall-oħrajn ta’ qabilha. Ħasra li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ narawhom biss għal din il-laqgħa ta’ Jannar. Kull xahar ikollna laqgħa interessanti, xi drabi b’kelliema li jiġu apposta minn Malta. Iżda meta mqabbla ma’ din il-laqgħa l-attendenza tkun fqira. Ejja matul din is-sena, li fiha qed infakkru l-ewwel ċentenarju mit-twaqqif tas-Soċjetà tal-MUSEUM, nagħmlu proponiment li ma nitilfux okkażjoni ta’ tagħlim li ssir għalina. Kompli jew ibda ejja u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll.
Ħajr speċjali lil kast ta’ din is-sena: Toni Debono, Antoine Theuma, Darren Vella, Michael Debono, Jeremy Vella, Keith Camilleri u Andrew Muscat li ngħaqdu maż-żgħażagħ tagħna Joseph Attard, Timothy Portelli, Kenneth Grima, Gary Hili, Christian Azzopardi, Matthew Refalo, Matthew Axiaq u Sammy Portelli biex saret din il-kummiedja. Kellhom biex xogħol biex jitgħallmu l-vrus!! Ħajr u grazzi mill-qalb. Nirringrazzjaw lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna waqt il-laqgħa. Sammy Bugeja ta’ Triq it-Tramuntana tela’ fir-rigal.
STEDINA ...għal-laqgħa tal-ġuvintur ta’ nhar is-Sibt 3 ta’ Frar fis-7.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa li tibda fis-6.30p.m. Ser jiġi jkellimna Dun Manwel Cordina tal-Fundazzjoni OASI li żgur ser jagħtina tips importanti għal ħajjitna. Dun Manwel ilu bosta snin jaħdem ma’ żgħażagħ u individwi li jkunu għaddejjin minn ċerti problemi. L-esperjenza vasta tiegħu sservi ta’ tagħlim għalina.
úommu dan l-appuntament mensili magħna u xi ħaġa ta’ ġid tieħdu żgur magħkom. Nofs siegħa lezzjoni magħna isebbħilkom id-divertiment tal-weekend – sat-8.00 nkunu lesti. Jifdal ħin biex toħorġu mal-ħbieb.
MELA NISTENNEWKOM ...Is-Sibt 3 ta’ FRAR fis-7.15p.m.
Aqra bil-mod biex tifhem:
Kien jiftaħar li ma jemmen b’xejn… il-bibbja mimlija ħmerijiet, il-priedki bla sens u l-qari t-tajjeb frott l-imħuħ magħluqa. Imbagħad jibża’ min-numru 13 jitwerwer jekk ikisser mera jinfixel jekk jaqagħlu ż-żejt jaqra u jimxi fuq l-oroskopju u jiċċassa jekk tidħollu xi baħrija sewda f’daru.
Jgħid sewwa awtur Franċiż… min iwarrab il-fidi f’Alla jibda jemmen fil-ħmerijiet.
|
|
IL-BIBBJA FIL-ĦAJJA TAL-LUM
[Wara d-dulluvju, l-arka waqfet fuq muntanja tar-reġjun ta’ Ararat.] “Noe’ bena artal lill-Mulej… ir-riħa tfuħ tas-sagrifiċċju għoġbot lill-Mulej.” {Ġen 8: 20-21}
Il-fundamentalisti bibbliċi ħallsu għal għexieren ta’ spedizzjonijiet biex tinstab l-arka ta’ Noe’. Fl-1955 sabu travu f’forma ta’ L 13,500 pied ’il fuq fil-muntanji. Bil-proċess ta’ carbon-14 dating ix-xjentisti waslu għal konklużjoni li tmur lura għas-sena 700A.D. L-istudjużi jaħsbu li t-travu kien parti minn kappella f’forma ta’ arka mibnija minn patrijiet bikrin. Illum bosta studjużi huma tal-fehma li l-istorja tad-dulluvju hija parti mill-preistorja bibblika u għalhekk irridu ninterpretawha bħala simbolika. Trid tgħallimna li d-dnub iwassalna għall-qerda. Nispiċċaw f’distruzzjoni bla sens tagħna u tad-dinja. Alla biss jista’ jsalvana.
Is-sens tagħna ta’ dnub hu f’proporzjon ta’ kemm aħna qrib Alla. THOMAS D. BRAINARD
|
|
10 AFFARIJIET LI ALLA MHUX SER JISTAQSIK FIL-ĠUDIZZJU TIEGĦEK
1. Mhux ser jistaqsik x’tip ta’ karozza issuq. Iżda jrid ikun jaf in-numru ta’ nies li ma kellhomx trasport u int wassalthom fid-destinazzjoni tagħhom. 2. Mhux ser jistaqsik kemm hi kbira darek imma kemm ilqajt nies fiha. 3. Mhux ser jistaqsik kemm għandek ħwejjeġ fil-gwardarobba iżda kemm għint lil nies oħra ma jħossux bard. 4. Mhux interessat dwar kemm hi kbira l-paga tiegħek iżda jekk għawwiġtx il-prinċipji tiegħek biex ksibtha. 5. Mhux ser jgħidlek x’kien xogħlok iżda jekk wettaqtux skond l-aħjar sforzi tiegħek. 6. Mhux ser jgħidlek kemm għandek ħbieb iżda ta’ kemm int ħabib. 7. Mhux ser jgħidlek f’liema naħa tgħix iżda kif titratta l-ġirien tiegħek. 8. Mhux ser jistaqsik x’kulur għandha l-ġilda tiegħek iżda x’karattru għandek. 9. Mhux ser jistaqsik kemm-il kelma ta’ ġid irnexxielha tibdlek iżda kemm int irnexxielek tixħet kelma lil ħaddieħor biex anke hu jgawdi minnha. 10. Mhux ser joqgħod jistaqsik dwar kemm domt biex irnexxielek issalva. Bi mħabba kbira jwasslek f’bieb il-ġenna u jbiegħdek min-nirien ta’ l-infern.
|
|
Leġġenda antika kienet tgħid li x’imkien lejn nofs id-deżert kien hemm spiera li min jixrob mill-ilma tagħha ma jaqbdux aktar għatx. Daqshekk jixrob dak li jirnexxielu jniżżel ftit ilma minnha! Fil-verità ftit kienu jemmnuha din l-istorja.
Iżda jum minnhom raġel irnexxielu jsib mappa li kienet turi l-post eżatt fejn hemm din l-ispiera. Ħeba l-karta b’tali mod li ħadd ma jsibha u telaq bilġri jfittex dan il-post maġiku. Iżda ħadd qatt aktar ma sema’ b’aħbaru.
Għaddew is-snin u xi ħadd ieħor sab din l-imbierka mappa. Ma qal lil ħadd, poġġa l-mappa f’post moħbi, u telaq waħdu jfittex l-ispiera. Iżda anke dan għeb u ħadd iktar ma sema’ biha.
Reġgħu għaddew ħafna snin sa ma xi ħaddieħor sab din il-mappa. U l-istorja rrepetiet ruħha. Hekk għal bosta sekli sakemm fl-aħħar il-mappa waslet f’idejn xi ħadd li ma riedx li jżommha għalih u wrieha lil kulħadd. Ftit kienu dawk li emmnuh. Il-maġġoranza tan-nies qalulu li dawk kienu ħmerijiet tan-nanna. Kienu grupp żgħir li marru jfittxu din l-ispiera. Il-vjaġġ kien diffiċli. Is-sħana tad-deżert kienet tremenda. Iżda billi kienu grupp għenu lil xulxin u qasmu bejniethom l-ilma li kienu ħadu magħhom mid-dar.
Wara ġranet sħaħ ta’ mixi fid-deżert sabu l-ispiera. Iżda raw xena li baqgħet stampata f’moħħhom. Madwar l-ispiera kien hemm mijiet ta’ skeletri umani. Resqu lejn l-ispiera u ħarsu ’l isfel. Fil-fond setgħu jilmħu l-ilma jleqq iżda ma kien hemm xejn biex itellgħuh. B’hekk l-oħrajn kienu kollha mietu bil-għatx. Kulħadd kien fettex l-ilma waħdu u għalhekk weħidhom ma rnexxilhomx itellgħuh.
Bdew jaħsbu kif ser itellgħu l-ilma. La kellhom barmil u anqas ħabel. Bi ħwejjiġhom għamlu ħabel twil. Fit-tarf rabtu flixkun u ħallewh jaqa’ fl-ilma.
B’dak il-mod setgħu jixorbu l-ilma mirakuluż u b’għaġeb ta’ kulħadd qatt iktar ma tahom għatx.
Is-sigriet kien li riedu jgħinu lil xulxin. |