
| + L-Iben
t'Alla sar Bniedem
Frar 2008 - Harga Nru 498 Bevilacqua kien żagħżugħ fuq tiegħu. Jiġri u jilgħab ma’ sħabu u dejjem b’xi praspura. U darba għamel waħda minn tiegħu. Fil-katidral ta’ beltu, Verona, kien ġie predikatur imsemmi… ċertu Patri Semeria. Kellu isem u l-katidral kien mimli biex jisma’ l-kelma tiegħu. Giovanni mar ukoll imma miegħu ħa l-kelb li kellu għax meta kien iħallih waħdu kien jibqa’ jingħi u l-ġirien kienu jgergru.
Ħadu miegħu u meta daħal
fil-katidral poġġieh fil-konfessjonarju. U l-kelb raqad għax kien jaf li sidu
kien qrib tiegħu. Iżda waħda mara fetlilha tmur tqerr proprju x’ħin
il-predikatur kien qed jippriedka meta l-konfessjonarju kien vojt. Bdiet
tparla weħidha u meta rat li ħadd ma kien qed iweġibha għolliet il-purtiera u
l-kelb qabeż u ħarab imbeżża’. U l-mara beżgħet iktar U nħolqot konfużjoni. Addio priedka. U l-predikatur tilef ħafna ħin biex reġa’ ġabar l-attenzjoni tal-ġemgħa. L-għada Bevilacqua ħass li għandu jmur jitlob maħfra lill-predikatur. Mar sabu waħdu u stqarr ħtijietu. Patri Semeria flokk għajjat miegħu beda jidħak. Saru ħbieb u minn dakinhar dak iż-żagħżugħ beda jqerr għandu. Baqa’ arjuż u fuq tiegħu imma f’qalbu nibtet vokazzjoni biex hu wkoll ikun bħal Patri Semeria. Ried li bħalu jwassal messaġġ ta’ ġid lill-oħrajn. Illum dan iż-żagħżugħ xjieħ u ħalliena. Imma ħolmietu twettqet għax mhux biss sar patri imma wkoll kardinal... il-Kardinal Bevilacqua. Kos hux il-Mulej jinqeda b’kollox biex iwassal il-vuċi tiegħu f’qalbna. Il-ħażin li kultant tant inkunu mħabbtin u aljenati li qajla nintebħu li jrid ikellimna. EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISĦTU D-DLAM David kellu tfulija hienja… jiġri fil-wesgħat donnhom bla tmiem jieħu ħsieb il-merħliet li kellu missieru jixxennaq biss li jtemm l-iskola biex f’dawn il-mergħat iqatta’ ħajtu bħalma qattagħhom missieru u missier missieru ġenerazzjoni wara l-oħra f’irziezet nieqsa forsi mill-kumditajiet tad-djar beltin iżda mimlija ħajja u nifs il-hena tal-kampanja fil-għoljiet Skoċċiżi.
U l-ikbar ħabib
tiegħu kien Teddy il-kelb li hu ddobba fi tfulitu kiber miegħu u saru qishom biċċa waħda fejn tara ’l wieħed tara lill-ieħor.
Dejjem flimkien tul il-vaganzi u jistennieh b’għajnejh donnhom milwiena meta David kien ikun l-iskola u jaqbeż ferħan meta x-xarabank twasslu lura wara jum ieħor ta’ firda.
Iżda l-ħolm kollu ta’ David sfuma meta bdiet il-gwerra l-kbira u ma’ bosa żgħażagh oħra kellu jitlaq l-għoljiet għeżież Skoċċiżi u jmur jitqabad f’isem artu u ġensu fl-għelieqi u t-trunċieri ta’ nofs l-Ewropa.
Għaddew ġimgħat u xhur u David kien jikteb sikwit lill-familtu jistaqsi dwarhom u ma jinsiex lil Teddy. U ommu tgħidlu li kulħadd tajjeb u li Teddy jintasab kuljum fuq l-għatba ta’ darhom jistennieh bħal ma kien jistennieh meta kien jiġi lura mill-iskola.
Kienet għaddiet sena meta tawh jiem ta’ btala u David ħassu ser itir bil-ferħ sejjer lura lejn dar ommu u missieru.
Wasal tard fil-pjazza ta’ beltu. Il-karozzi ma kinux għadhom iservu. Ma riedx joqgħod sa filgħodu jistenna telaq għal għonq it-triq… ferħan isaffar.
Terraq u terraq għax razzett missieru kien imbiegħed imma hu ferħan isaffar it-triq anqas raha. Kien qed jara biss il-laqgħa l-kbira ma’ ommu, missieru, ħutu u Teddy.
U f’daqqa waħda nqata’ għax quddiemu, għad li fi dlam ċappa ra riesqa lejh b’ħeffa ta’ l-għaġeb ċappa sewda li hu ma għarafx mill-ewwel li għoliet għal fuqu bħalma kienet togħla miegħu fi tfulitu malli jinżel mill-karozza ta’ l-iskola.
Kien sema’ it-tisfira u għaraf leħen sidu nesa l-ksieħ tal-lejla u ġera lejh biex jilqgħu.
Eżatt bħalma jagħmel Missierna tas-sema meta aħna niddeċiedu li mmorru lura għandu wara żmien ta’ firda. It-tgħanniqa ta’ David u l-kelb tiegħu Teddy kebbset xemgħa fi żmien iebes, krudil u qattiel tal-gwerra l-kbira.
DR CORONATO GRECH M.D.
ikompli
l-artiklu LIEMA REALTA'? Qabża ta’ elf sena teħodna għal elf sena jew millennju.
Fl-istorja umana issa jibdew jidhru sew tibdiliet. Elf sena ilu l-imperu Biżantin kien fl-aqwa tiegħu u ftit wara l-Knisja Kattolika u dik Ortodossa nfirdu. Il-Vikingi kienu qed jinżlu mill-Iskandinavja għall-Ewropa jħarbtu u jisirqu, waqt li wieħed minnhom (Lief Ericcson) wasal sa l-Amerika. Fiċ-Cina d-dinastija Song kienet fil-poter, u fl-Amerika Ċentrali kien hemm it-Tolteki. F’Malta kien hawn l-Għarab, fil-fatt madwar il-Mediterran l-Islam kien fl-aqwa tiegħu, bit-Torok Seljuki mil-Lvant jibdew iqumu fuq tagħhom. Hekk kif qorob il-millennju, is-sena 1000 AD, ħafna kienu ċerti li wasal tmiem id-dinja. Intant, il-Kruċjati, il-katidrali, l-Inkwiżizzjoni, kienu fil-futur qrib, waqt li l-Assedju l-Kbir tagħna, Kolombu, Galileo, Luteru u Magellan kienu għadhom kollha xi nofs millennju fil-futur. F’elf sena d-dawl ikun ilu li ħalla l-kwiekeb familjari ta’ madwar ix-xemx għalkemm baqagħlu madwar 30 elf sena biex jasal saċ-ċentru tal-Galassija. Qabża ta’ elf sena u niġu għal miljun sena, perjodu twil wisq għal esperjenza umana. Intant miljun sena ilu kien hawn Homo Erectus fi gruppi żgħar nomadi u probabli għadu ma sabx l-użu tan-nar. Il-perjodi tas-silġ kienu għadhom ma bdewx. L-annimali kienu daqsxejn differenti, b’iljunfanti b’nejbiet twal kbar u tat-tigri qishom xwabel; iż-żiemel kien iżgħar milli hu llum, b’ħafna mill-pjanti imma jixbhu ħafna lil dawk tropikali ta’ llum. Il-kontintenti kienu kważi l-istess forma li għandhom illum. Ix-xmara Colorado kienet bdiet tħaffer dak li llum huwa l-Grand Canyon ta’ Arizona fl-Istati Uniti.
Fl-astronomija nsibu li xi wħud mill-ibgħad
kometi perjodiċi għandhom irbiti Għaxar darbiet oħra tul ta’ żmien niġu għal mitt miljun sena, u għal dinja issa xejn familjari, anki l-kontinenti għandhom għamla differenti. F’pajsaġġ ta’ siġar kbar insibu felċi qishom mostri tal-waħx; id-dinosawri Tyranosaurus jiekol b’ħalq snien ta’ 20 ċentimetru l-waħda, Brontosaurus li biex jimxi jriegħed l-art, Plesiosaurus daqstant allarmanti fl-ilma, u Pteranadon daqs ajruplan żgħir itir fl-ajru, u b’ħafna vulkani attivi. Jiġru ’l hemm u ’l hawn jistaħbew minn dawn il-ġganti hemm xi mammiferi żgħar li meta dawn il-mostri għebu ħesrem madwar xi 40 miljun sena fil-futur, kienu huma li saru l-annimali prominenti u li minn fergħa minnhom ħarġet l-ispeċi umana. Huwa l-fatt li l-evoluzzjoni taħdem fuq kejl mhux familjari għalina u għalhekk domna daqshekk ma ndunajna biha. Anzi sal-lum, parikularment fl-Amerika, hemm movimenti qawwija kontra l-evoluzzjoni. Xi kwiekeb (per eżempju dawk imsejħa Spectral Class B) li huma massivi ħafna jdumu jixegħlu għal madwar mitt miljun sena biss fejn imbagħad jintfew jew jesplodu. Għalhekk nistgħu ngħidu li l-kwiekeb li naraw illum fis-sema huma daqsxejn differenti minn dawk li kienu jaraw id-dinosawri. U jerġa’ differenti wkoll għax il-kwiekeb ilkoll mexjin, movimenti li fuq medda ta’ miljun sena jbiddlu d-disinji tagħhom fis-sema u allura kostellazzjonijiet differenti minn dawk familjari għalina bħalissa. Id-dawl issa ħalla l-Grupp Lokali tal-galassiji u minn hawnhekk anke l-Galassija tagħna tidher żgħira bix-xemx totalment inviżibbli ġol-bjuda ġenerali tal-kwiekeb. (Dr Grech itemm l-artiklu fil-ħarġa ta’ Marzu)
FORSI JINTERESSAWK X’differenza!
Mitt sena – u tnejn – wara dan il-parir hu mejqus bħala dagħwa minn ħafna li jridu jżommu dieta b’saħħitha. Kemm jitbiddlu ż-żminijiet imma l-kelma tal-Mulej għadha l-istess u tibqa’ għax qalilna hu stess: “Is-sema u l-art jgħaddu imma kliemi ma jgħaddix.” Ħasbitha
Kien jinsa bi sħiħ dak li
tgħidlu martu u għalhekk fakkritu iktar minn darba Ħareġ u mar sa l-istazzjon tat-trejn u fil-fatt nesa l-ittra għal kollox. U skanta mhux ftit meta xi ħadd, li hu qatt ma kien ra qabel, qallu: “Ħabib, tinsiex timposta l-ittra!” Ir-raġel skanta u dlonk mar jimpostaha. Imma l-kurżità għelbitu u reġa’ lura lejn fejn kien ir-raġel. “Grazzi li fakkartni għax veru kont insejt. Imma kif taf li kelli nimposta l-ittra?” “Għax fuq dahrek għandek tabella żgħira bil-kliem: ´Fakkruh jimposta l-ittra’”. Għamel hekk ukoll
“Hemm biżżejjed djar biex uliedi kollha joqogħdu f’Salzburg?” “Ma tafx. Anqas li għandek xi familja kbira.” “Familja kbira ħafna. Li tgħodd il-mijiet ta’ l-eluf għax għalija kull min joqgħod fi Vjenna hu parti mill-familja tiegħi. Dawn dejjem qasmu miegħi l-ferħ u n-niket. Ma jixraqx li nħallihom weħidhom f’din is-siegħa diffiċli.” Naf sultan ieħor li ma jħallina qatt weħidna speċjalment meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Nemmen li int tafu wkoll. Fil-Qorti Il-maġistrat lil wieħed li deher daqsxejn ´fidil’: “Lil min int miżżewweġ Pawl?” staqsa bid-daħka l-maġistrat. “Lill-mara,” qallu Pawlu innoċenti, innoċenti. “Mhux bilfors lill-mara Pawl. Ma naħsibx li tista’ tkun miżżewweġ raġel!” “Mhux biex immerik sur Maġistrat… imma fil-fatt oħti lir-raġel miżżewġa tafx!” Kien hemm xi tlieta jew erba’ li weħlu multa fuq disprezz tal-Qorti! Meta l-Mulej ikun ser jagħmel xi ħaġa meraviljuża aktarx jibda bi problema.
AĦBARIJIET TA’ INTERESS IŻŻEWĠU Jason Muscat ta’ Triq Telegrafu lil Natalie Muscat ta’ Triq Binġemma Carmen Falzon ta’ Triq il-Mithna l-Qadima lil Redeemer Galea (Sannat). Filwaqt li nawgurawlhom futur sabiħ flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien. IL-LAQGĦA TA’ JANNAR Bħas-soltu, il-laqgħa ta’ Jannar kienet tikkonsisti fil-farsa ta’ Spiru li din is-sena kien jisimha ‘Vanganza minn fuq dahar Spiru’. Ħadna gost naraw numru sabiħ ta’ ġuvintur u old boys jilqgħu l-istedina tagħna u jimlew is-sala tal-qasam għar-rappreżentazzjoni li saret għalihom. Id-daħk kontinwu wera kemm intlaqgħet tajjeb – bħall-oħrajn ta’ qabilha. Ix-xewqa tagħna hi li dan in-numru sabiħ narawh matul il-laqgħat tas-sena kollha għaliex hija ħasra li ħafna minn dawn iż-żgħażagħ narawhom biss għal din il-laqgħa ta’ Jannar. Ikunu qed jitilfu l-ġid li jistgħu jiksbu mil-laqgħat l-oħra ta’ matul is-sena. Aħna nagħmlu l-ħila tagħna kollha biex kull xahar ikollna laqgħa interessanti, xi drabi saħansitra nġibu kelliema li jiġu apposta minn Malta. Iżda meta mqabbla ma’ din il-laqgħa, l-attendenza tkun fqira. Ejja matul din is-sena nagħmlu proponiment li ma nitilfux okkażjoni ta’ tagħlim li ssir għalina. Xieraq li fis-skala tal-valuri tagħna, it-tagħlim ikun jokkupa post minn ta’ quddiem nett. Kompli jew ibda ejja u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll. Ħajr speċjali lil kast ta’ din is-sena: Toni Debono, Antoine Theuma, Darren Vella, Michael Debono, Jeremy Vella u Andrew Muscat. Biex stajna ntellgħu din il-farsa ddedikaw ħafna mill-ħin liberu tagħhom jistudjaw il-versi u jippruvawha. Ħajr mill-qalb. Bdejna s-sena b’daħka bejnietna. Awgurju sabiħ. STEDINA Peress li l-ewwel Sibt ta’ Frar ser ikun Sibt il-Karnival il-laqgħa tal-ġuvintur ser issir it-tieni Sibt 9 ta’ Frar 2008 fis-7.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa li tibda fis-6.30p.m. Żommu dan l-appuntament mensili magħna, u xi ħaġa ta’ ġid tieħdu żgur magħkom. Nofs siegħa lezzjoni magħna isebbħilkom id-divertiment tal-weekend – sat-8.00 nkunu lesti. Jifdal ħin biex toħorġu mal-ħbieb. Tieħdu gost tkunu tafu li matul ix-xahar ta’ Diċembru 2007, il-website tal-fuljett tagħna www.il-hbiebisejhu.com kellha 4632 hits – figura li żgur qabżet kull aspettattiva tagħna. Fil-website għamilna wkoll il-fuljetti tas-sena 2001 u nisperaw li fil-ġimgħat li ġejjin nixħtu wkoll dawk tas-sena 2000. Għaddu dan l-indirizz lil ħbiebkom u tkunu qed tgħinu fit-tixrid tal-kelma t-tajba. Il-kelma t-tajba hija bħal żerriegħa li meta tinżera’ tagħmel il-frott bla ma taf kif u fejn. Ħajruhom jagħmlu bookmark biex kultant żmien jaqraw xi ħaġa minnu. Il-ħsieb tagħna hu li l-fuljett ikun online fl-aħħar weekend tax-xahar ta’ qabel. Grazzi ta’ kull għajnuna li qed tagħtu fit-tixrid tal-fuljett tagħna. ĦSIEB: Tħallix dan ir-randan jgħaddi mingħajr ma tkun ersaqt aktar lejn Ġesù. Ħu ħsieb li tqerr u titqarben regolari matul dawn il-ġimgħat ta’ grazzji speċjali. B’hekk tkun ippreparat aħjar għall-misteru tal-Għid.
KELMET
IL-BIBBJA LLUM “...Imbagħad Pilatu tahulhom biex isallbuh. Mela ħadu lil Ġesù, u mgħobbi bis-salib, ħareġ lejn l-imkien jgħidulu Qorriegħa... fejn sallbuh... u mejjel rasu u radd ruħu.” (Ġw 19: 16-18, 30)
Qassis kien qed jipprepara għall-Ġimgħa Mqaddsa. Irranġa sellum biex ikun jista’ jagħmel biċċa drapp sewda fuq salib quddiem il-knisja. Tela’ s-sellum, xeħet id-drapp fuq is-salib. Kif kien qed jagħmel hekk is-sellum żelaq minn taħtu. Fil-fixla qabad mal-għuda tas-salib u salva lilu nnifsu minn waqa’ li żgur kienet tkorrih. Wara qal lil ħabib tiegħu: “Dik l-esperjenza għenitni napprezza b’mod ġdid kif jien kont meħlus bis-salib ta’ Kristu.”
Nista’ naħseb f’xi esperjenza li għallmitni napprezza aktar il-mod ta’ kif salvani – kuljum għadu jsalvani – Ġesù?
Xejn ma nżomm f’idi biex salibek jifdini. AUGUSTUS TOPLADY, ´Rock of Ages’ CHECK-UP
Meta Ġesù qiesli l-pressjoni sabni nieqes mill-ħniena; Meta ħadli t-temperatura sabli 40º ta’ ansjetà; Meta għamilli electrocardiogram sab li għandi bżonn ħafna bypasses ta’ mħabba peress li l-arterji tiegħi kienu blukkati bl-egoiżmu li ma kienx qed iħalli demm jgħaddi f’qalbi vojta; Meta mort fis-sezzjoni ta’ l-ortopedija, peress li ma stajtx nimxi maġenb ħija u ma stajtx ngħannaq lill-ħbiebi għax kont kissirt xi għadam meta waqajt fl-għira – sab li kelli vista qasira għax ma kontx attent għall-bżonnijiet ta’ ħuti;
Meta staqsejt għaliex ma
tantx kont għadni nisma’, id-dijanjożi kienet li B’dan kollu, Ġesù għamilli viżta bla ħlas – grazzi għall-ħniena tiegħu – u qalli biex malli noħroġ mill-klinika tiegħu nieħu dawn ir-rimedji naturali li tani b’fommu mimli mħabba: Kull filgħodu ixrob tazza ta’ gratitudni Int u sejjer għax-xogħol ħu mgħarfa ta’ paċi Kull siegħa ħu pillola tal-paċenzja, kikkra mħabba ta’ l-aħwa u tazza umiltà Meta tasal id-dar, ħu doża ta’ mħabba X’ħin tmur fis-sodda, ħu żewġ pilloli ta’ kuxjenza kwieta.
Toqgħodx tiddejjaq u tiddispra għal dak li int għaddej minnu llum… Alla jaf kif qed tħossok… Alla jaf bi preċiżjoni dak li int għaddej minnu f’dan il-waqt partikulari. Il-ħsieb ta’ Alla għalik hu perfett. Irid jurik il-ħwejjeġ li int tista’ tifhem fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum billi tkun fil-post eżatt fejn int qiegħed.
Jalla Alla jagħtik għal kull maltempata… qawsalla; għal kull demgħa… tbissima; għal kull xewqa... tama; u barka ... f’kull tiġrib. għal kull problema fil-ħajja ħabib li jgħinek tirbaħha; għal kull karba... kanzunetta; u risposta għal kull talba Il-flus mhux kollox... il-karattru hu |