
|
+L-Iben t'Alla sar Bniedem Frar 2009 numru 510 JP Mcevoy kien bniedem ta’ talent imma kien iħobb il-qatra u ħbiebu kienu jibżgħu li għad jispiċċa alkoħoliku. Tawh ħafna pariri imma dawn daħlu minn widna u ħarġu minn oħra. Sakemm ġurnata waħda rċieva ittra mingħand predikatur evanġelista, ċertu Paul W Alvin li kien imexxi kumpanija kontra x-xorb, li kienet tgħid hekk:
Għal dawn l-aħħar snin jien mexxejt kampanja kontra x-xorb żejjed. Biex iktar inkun effettiv miegħi kelli dejjem raġel jismu Herman Forsyth. Kien żagħżugħ intelliġenti, bin familja sinjura imma x-xorb żejjed kien kissirlu ħajtu, xejħu qabel il-waqt u għamlu bniedem patetiku. Issa dan Herman miet u xi ħbieb qaluli biex navviċina lilek ħalli, jekk jogħġbok, tieħu postu u tkun qed tgħin lill-oħrajn ma jiġrilhomx hekk.’ Mcevoy ħa s-saħna ta’ ħajtu u kiteb ittra iebsa lil Paul Alvin. Imma tant impressjona ruħu bl-ittra li kien irċieva, li ħbiebu jgħidu li naqqas ħafna mix-xorb u seta’ jgawdi saħħtu ferm iktar. Bla ma ħalla lil Mcevoy jintebaħ, l-evanġelista kien rebaħ ġlieda oħra bil-pulit. Aħna ma hemmx għalfejn nirċievu ittra bħal dik ta’ Mcevoy. Għajnejna f’wiċċna u moħħ biex naħsbu għandna. Ħafna minn dawk li bdew it-triq tax-xorb spiċċaw patetiċi… idaħħku lil ta’ madwarhom, ikissru l-familja u jixjieħu kmieni. L-għażla f’idejna. COFFEE BREAK - waqfa qasira fil-ġirja tal-ħajja mal-awtur Paulo Coelho (Għaddejjin b’pass mgħaġġel wisq li kultant anqas iħallilna żmien nirriflettu. Dawn il-ħsibijiet qosra huma għal dawk li kapaċi jieqfu biex jiflu skop il-ħajja.) Paulo Coelho jirrakkonta kif darba kien f’Kazakhstan, pajjiż fl-Asja Ċentrali u kien ma’ xi kaċċaturi li ma kellhomx armi f’idejhom imma kellhom falkun li kien jinħeles minn kull xkiel u wara ftit iġib lura xi priża li jkun qabad u ferħan jagħtiha lil sidu li min-naħa tiegħu jitimgħu ikel li l-falkun iħobb biex jurih l-apprezzament tiegħu.
kif il-gwerrier Genghis Khan kellu falkun imsemmi li kuljum kien joħorġu miegħu u rari ġie lura bla priża. Iżda darba f’ġurnata ta’ sħana kbira il-falkun ma seta’ jara xejn biex iġib lil sidu u kontra qalbu rritorna b’saqajh vojta.
Genghis Khan ma nkwetax x’jiekol id-dar jew aħjar fil-palazz kellu. Kien iktar jixtieq li jsib xi nixxiegħa għax ix-xemx kienet nixfitu.
Fettex u għarrex u meta kważi qata’ qalbu ra traċċa ta’ ilma nieżla ħelu ħelu minn fuq blata. Bilġri telaq biex jaqta’ n-nixfa li kienet tkiddu imma malli pprova jagħmel ħalqu ħdejn l-ilma l-falkun tar lejn wiċċu u ma ħalliehx jixrob.
Genghis
Khan ipprova jwarrbu ħalli jaqta’ n-nixfa li kienet qed tkiddu imma għal darba tnejn tlieta u iktar il-falkun beda jtir lejh u ma jħallihx imiss ħalqu mal-ilma.
Genghis Khan iddispra u f’mument ta’ rabja bla kontroll qabad il-lanza u nifdu. Imma kif kien ser jersaq biex jixrob jilmaħ li fuqu kien hemm serp mejjet... serp li l-velenu tiegħu kien tant qawwi li kien joqtol il-vittma fi ftit mumenti.
U l-kbir Genghis Khan li f’ħajtu min jaf kemm ra ġlied u mwiet beda jibki għax intebaħ li kien qatel lil min salvalu ħajtu... belgħa waħda minn dak l-ilma kienet tibagħtu f’qabar.
Genghis Khan ħa l-falkun miegħu u ried li jagħmlu figura bħalu ta’ deheb mastizz u miegħu sentenza qasira “Malli tħalli l-qilla tmexxik twasslek fejn ma tixtieqx.”
Għaddew mijiet ta’ snin minn din il-ġrajja imma s-sentenza taħt il-falkun għadha sal-lum tippriedka għal min fil-ġirja sfrenata tal-ħajja isib mument żmien biex jieqaf jismagħha. Mnieħer Kleopatra
jikteb
Dr Coronato Grech M.D. Darba l-ħassieb Franċiż Blaise Pascal (1623-62) kien qal li, li kieku mnieħer Kleopatra kien differenti, kieku l-istorja kienet tkun differenti. Kleopatra (69-30 qK) kienet reġina Eġizzjana li ġennet għal warajha u li politikament immanipulat lil, fost l-oħrajn Ġulju Ċesri1 (m100-44 qK) u Mark Antonju2 (m83-30 qK) u li mid-deskrizzjonijiet li wasslulna (eż. ta’ Plutarku 46-120 wK), kienet mara sabiħa. Li aktarx ried jgħid Pascal huwa li kieku mnieħer Kleopatra kien ikrah, kieku l-istorja Rumana żvolġiet mod ieħor. U milli jidher fl-istorja hemm xi każijiet fejn avvenimenti, azzjonijiet, jew deċiżjoniiet kellhom influwenza qawwija kif żvolġiet l-istorja. Fost dawn insibu: Il-battalja ta’ Maratona fis-sena 490 qK, meta l-Persjani, li kellhom imperu kbir, attakkaw lill-Griegi b’armata, skond l-istoriku Grieg Erodotu (m484-425 qK) ta’ madwar 20,000 suldat, waqt li l-Griegi kellhom inqas min-nofs. L-armati ltaqgħu fil-pjanura ta’ Maratona xi 24 mil bogħod minn Ateni. Kienet rebħa kbira għall-Griegi u sinifikanti ħafna fl-istorja għax kien ukoll it-trijonf taċ-ċivilta’ Griega bl-ideat ġodda ta’ demokrazija u ħsieb ħieles, kontra d-despotiżmu Orjentali. Inċidentalment it-tiġrija ‘maratona’ tallum, li fiha ftit iktar minn 24 mil, ġejja preċiżament minn din il-battalja. Il-waqgħa ta’ Ġerusalemm fis-sena 70 wK. Din kienet riżultat ta’ ribelljoni li l-Lhud ppruvaw jagħmlu kontra l-ħakma Rumana. Kienet qerda kważi totali ta’ Ġerusalemm, bil-Lhud jispiċċaw imferrxa madwar id-dinja. Li huwa sinifikanti għall-iżvilupp tal-Kristjaneżmu huwa li dak iż-żmien din ir-reliġjon, li kienet għadha fil-bidu tagħha, kellha żewġ friegħi - waħda bbażata f’Ġerusalemm madwar Ġakbu, ħu Ġesu’, u li iktar kienet meqjusa fergħa tal-Ġudajiżmu, u l-oħra ppriedkata minn Pawlu li nsista li din ir-reliġjon kellha tkun miftuħa għal kulħadd. U għalkemm kien intlaħaq xi ftehim, il-waqgħa ta’ Ġerusalemm tat spinta kbira lill- missjoni ta’ Pawlu, li tant tferrxet u rnexxiet li sas-sena 380 saret ir-reliġjon uffiċjali tal-imperu Ruman. U kieku ma waqgħetx Ġerusalemm? Kieku forsi l-Kristjaneżmu kien jibqa’ fergħa fil-Ġudajiżmu u ma kienx ikollna Kruċjati, Inkwiżizzjoni u antisemitizmu, imma lanqas mużika sagra, katidrali barokki u gotiċi, u lanqas il-Kappella Sistina. Il-ħarba ta’ Muhammed minn Mekka għal Medina fil-622 Muhammed (570-632) jingħad li kellu rivelazzjonijiet mill-arkanġlu Gabriel u għall-ewwel qal bihom biss lil martu Khadja (li kienet ikbar minnu xi 15-il sena) u lil xi ħbieb. Imma meta ġabar iktar segwaċi u beda moviment ġdid reliġjuż, ħafna nies ta’ Mekka, l-iktar n-negozjanti, li ħassewhom mhedda mit-tagħlim ġdid, qamu kontrih. Muhammed ma’ xi ħbieb, ħarab (il-Ħeġira) lejn Medina fejn kien iktar milqugħ. Iktar tard hu mar b’armata lejn Mekka u rebaħha. Il-futur tar-reliġjon ġdida Islam issa kien assigurat. U li kieku n-neguzjanti rnexxielhom joqtlu lil Muhammad? Kieku aktarx ma kienx ikun hemm l-Islam li għandu jinfluwenza bil-kbir l-istorja kontemporanja. (Dr Grech M.D. ikompli l-artiklu fil-ħarġa ta’ Marzu) 1. Ġulju Ċesri, l-ikbar ġeneral Ruman, ma kienx ġdid fl-arti tas-seduzzjoni lanqas, għax barra minn martu, kien poġġut ma’ oħra u kellu sensiela ta’ konkwisti oħra. Meta ltaqa ma’ Kleopaatra kellu 52 sena (hi 20 sena u teknikament miżżewġa lil ħuha) u minnha kellu tifel Caesarion li sfortunatament spiċċa maqtul fl-intriċċi politiċi mill-imperatur Awgustu. 2. Mark Antonju kellu tewmin minn Kleopatara (hi kella 29 sena) imma kważi dritt wara telaqha u żżewweġ lil oħt l-imperatur Ottavju, li imma meta kisirha miegħu reġa’ mar lura għand Kleopatra u reġa’ taqqalha. Ftit wara imma, il-forzi armati ta’ bejniehtom tilfu lill-imperatur Ruman u kkommettew suwiċdju. FORSI JINTERESSAWK
Storbju
sħiħ Min kien jirkeb magħha fil-karozza kien jinqata’ meta kien jisma’ taħbit kontinwu ġej minn x’imkien għad li ma kienx jintebah minn fejn. Dlonk kien jgħidilha u hi tibqa’ għaddejja qisu ma ġara xejn. Tieqaf imbagħad ħdejn stazzjon tal-petrol u wara li timlieha u tkompli triqtha ma kienx jinstema’ iktar taħbit. Min kien jirkeb magħha skantat kien jistaqsi kif jista’ l-petrol ikollu x’jaqsam ma’ dak it-taħbit. “Għax it-tifel tefagħli boċċa tal-golf fit-tank. Meta l-petrol jonqos sew il-ballun jibda jaħbat mal-qiegħ u jagħmel l-istorbju. U hekk nintebaħ li rrid nimlieha bil-petrol. Sibtu ferm aħjar mill-minutiera ta’ quddiemi għax din turini bla ma tfakkarni u l-boċċa bl-istorbju tkellimni biex tfakkarni.” Jgħidu li kull deni ħudu b’ġid… u dan ma jgħoddx biss għall-boċċi tal-golf fit-tank tal-petrol. Għomor
“Kemm għandek snin Dun?” “Ma nafx.” “Kif jista’ jkun ma tafx! Mhux kulħadd jaf meta twieled?” “Meta twelidt naf imma intom staqsejtuni kemm għandi snin. Is-snin li għaddew mhux tiegħi. Fadalli biss dawk li baqagħli ngħix u billi ma nafx meta ser immut ma nistax ngħidilkom kemm għandi snin!” Għax il-passat għadda. Fadal biss il-preżent u l-futur. Ejja nużawhom tajjeb.
Nikkwotaw
kif jaqblilna Qassis kattoliku kien mogħti ticket għax kien ipparkjat ħażin quddiem il-knisja fejn kien iservi. Kull ma kellu kien biss biċċa mit-tyre fuq is-sinjal tal-parking line. Talab lill-maġistrat jaħfirlu u biex iħeġġu fetaħ il-Bibbja u qara l-kliem: “Imberkin dawk li jaħfru għax huma jsibu ħniena.” Il-magistrat milli jidher kien familjari mal-Bibbja għax talabhulu u malajr sab il-kliem: “Mur u la tidnibx iżjed għax jiġrilek agħar.” Diplomazija
Artista
popolari bagħtet għall-fotografu famuż Casson u qaltlu: “Irridek teħodli xi ritratti u qis li ġġibni sabiħa bħalma ġibtni 12-il sena ilu meta r-ritratt tiegħek xtered mad-dinja!” U l-fotografu bl-ikbar diplomazija qalilha: “Nipprova imma nibża’ li ma jirnexxilix għax, taf int, jien illum xjaħt bi tnax-il sena! U ma tibqax tajjeb għar-ritratti daqs meta tkun għadek żgħir!” Iżda hi qaltlu: “Agħmel li tista’ mbagħad jekk ma ġġibnix kif kont tnax-il sena ilu nifhem li għamilt ħiltek kollha u nagħdrek.” Kuċċarina tattika tiswa mitqlu deheb. Qisha ftit żejt f’rota żżaqżaq. Alla mhux ser jistaqsik x’tip ta’ karozza kellek imma kemm tajt lifts lil nies. AĦBARIJIET TA’ INTERESS IL-LAQGĦA TA’ JANNAR Issa ilna nagħmluha snin kbar. Il-laqgħa ta’ Jannar tkun il-farsa ta’ Spiru li fil-ġranet oħra tal-bidu ta’ sena ġdida nkunu ser nagħmluha għall-bqija tan-nies. Nieħdu gost naraw numru sabiħ ta’ ġuvintur u old boys jattendu għal din il-laqgħa. Li nixtiequ hu li kemm dawn iż-żgħażagħ kif ukoll l-old boys jattendu wkoll daqstant numerużi għall-bqija tal-laqgħat li nagħmlulhom matul is-sena. Hi ħasra li nieħdu ħsieb li nkellmu ċerti nies esperti f’oqsma partikulari biex jiġu jkellmuna u mbagħad ikunu ftit dawk li jattendu. Il-laqgħa qatt ma ttul aktar minn nofs siegħa u wara żgur li jifdal ħafna ħin biex toħorġu ma’ sħabkom. Il-farsa ta’ din is-sena kien jisimha ‘Spiru… il-bidwi tas-sena’ u ntlaqgħet tant tajjeb li anke x’ħin marrilna d-dawl kulħadd baqa’ f’postu biex jara kif ser tispiċċa. Minħabba d-dawl ġbidna sagħtejn biex għamilnieha – naħseb li l-aktar laqgħa twila fi 43 sena tagħha!! – imma kulħadd kien sodisfatt. U żgur li dawk preżenti ħajru lill-familjari tagħhom biex jattendu għar-rappreżentazzjonijiet l-oħra. Ħajr lil Toni Debono li għal darb’oħra kellu skript pjuttost impenjattiv x’jistudja u lill-old boys tagħna Darren Vella, Andrew Muscat, Antoine Theuma u Joe Portelli tas-sehem li kellhom. Magħhom grazzi wkoll lil Michael Debono, Luke Theuma, John Grech u Chris Borg li kien ilhom ġimgħat jistudjaw u jippruvaw il-parti tagħhom. STEDINA Il-laqgħa ta’ l-ewwel Sibt 7 ta’ Frar ser jagħmilha s-Sur Albert Buttigieg, konsulent fl-Aġenzija SEDQA, li ser jitkellem dwar problemi u esperjenzi li ltaqa’ magħhom fl-aħħar snin u li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina lkoll. Il-laqgħa tibda bħas-soltu fis-7.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Ejja u ħajjar lil ħbiebek jiġu wkoll.
Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Frar jibda żmien ta’ grazzji speċjali għalina. Hu ras ir-Randan u tibda l-mixja ta’ preparazzjoni għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir. Ħu ħsieb li ma tħallix dan iż-żmien jgħaddi qisu xejn. Li konna nitgħallmu meta konna żgħar – sagrifiċċji (l-aktar dawk pożittivi: meta hemm xi ħaġa tajba li ma għandix aptit nagħmilha iżda nagħmilha xorta waħda), quddies u tqarbin ta’ spiss, qrara sinċiera eċċ għadhom validi anke llum. B’dan il-mod inkun qed napprofitta kif suppost minn dan iż-żmien qaddis. FUQ IL-PASSI TA’ SAN PAWL
[San Pawl jikteb:] Issa jien ferħan bit-tbatijiet li nbati għalikom u ntemm f’ġismi dak li jonqos lit-tbatijiet ta’ Kristu għal Ġismu, li hu l-Knisja… (Kolossin 1:24)
W. O. Saunders jikteb dwar missieru, “Rajtu jsewwi ż-żarbun tiegħu u jistinka għal siegħa sħiħa jaqla’ msiemer imsadda minn injam qadim biex bihom jirranġa r-remissa jew iċ-ċint tal-ġnien… biex b’hekk jien nilbes żarbun aħjar minn tiegħu, u jkolli l-ħin li hu qatt ma sab.”
Kollha kemm aħna kapaċi nsibu waqtiet ta’ saġrifiċċji li l-ġenituri għamlu għalina. U dawn għamluhom bil-ferħ. Bl-istess mod Pawlu kien qed isofri kuntent għan-nies li lilhom wassal il-messaġġ.
Kemm jien kapaċi nbati għal dawk li nħobb? Sakemm lest li nasal biex ngħin lil min hu fil-bżonn?
Min jgħin lil għajru jkun jgħin lilu nnifsu. SENECA DR MICHAEL GALEA PhD itemm l-artiklu dwar il-problemi tal-attenzjoni fit-tfal li jistgħu jkunu wkoll f’min ma għadux daqstant żgħir. Problemi fl-Irqad u fid-Dieta Tfal bl-ADD jista’ jkollhom diffikultajiet u bdil fir-rutina tal-irqad tagħhom (iqumu kmieni ħafna, ma jkunux jistgħu jorqdu bil-lejl, biża’ kbir mal-lejl, eċċ.). Jistgħu jsofru minn tibdil fl-aptit tagħhom (jieklu iżjed mis-soltu, jew kważi ma jieklu xejn, preferenzi differenti mis-soltu, eċċ). Problemi ta’ Tagħlim Billi tfal bl-ADD ibatu mill-Memorja Qasira, dawn jitolbu li jsirilhom ripetizzjoni spissa fit-tagħlim edukattiv u anke dak fid-dar. Minħabba li l-integrazzjoni u l-għaqda (bejn dak li naraw u nisimgħu, ma’ informazzjoni qadima) spiss ikun imfixkel minn din il-kundizzjoni, tfal bl-ADD jitolbu tagħlim speċjalizzat b’iktar attenzjoni, paċenzja, ripetizzjoni u b’enfasi fuq l-affarijiet l-iktar importanti tal-lezzjoni. Teżisti xi kura ghal persuni bl-ADD? Iva. Hemm diversi interventi li jgħinu tfal u persuni bl-ADD. Bażikament, dawn it-tfal jitolbu rutina għall-attivitajiet ta’ kuljum, u ħafna ripetizzjoni. Fost l-interventi li nsibu, hemm Behavior Therapy (li tgħin persuna tibdel perċezzjoni u fehma ta’ esperjenzi negattivi għal dawk pożittivi), edukazzjoni rimedjali u korrettiva (fejn tiġi enfasizzata t-talenti tal-persuna, mhux id-dgħufija), Speech Therapy (li tgħin fejn hemm problemi ta’ lingwaġġ u espressjoni personali), dieta u eżerċizzju fiżiku, u mediċini. Hawnhekk tajjeb jingħad li m’hemmx mediċini li jikkuraw u jfejqu mill-ADD, imma li jgħinu l-adattament u l-aġir tat-tfal, fejn isiru iktar kalmi u b’hekk jikkonċentraw u jitgħallmu aħjar. Kelma ta’ l-aħħar lill-familja Ambjent familjari stabbli jgħin ferm għal iktar suċċess bl-immaniġġjar ta’ kundizzjonijiet bħal ADD. Bosta drabi, ġenituri ta’ tfal bl-ADD (u kundizzjonijiet simili) jgħaddu minn fażi ta’ ‘dieqa u telfa’ għax uliedhom m’humiex ‘normali u perfetti’. Dan il-proċess hu uniku għal kulhadd. Importanti li persuna ma tippretendix li issuperatu, imma tieħu ż-żmien sa ma taċċetta r-realtà, anke jekk iebsa, għaliha. Tfal bl-ADD m’għandhom qatt jiġu mwarrba minħabba xi kundizzjoni simili. Għandhom jingħataw l-attenzjoni li għandhom bżonn. Għalkemm xi adulti xorta jibqa’ jkollhom sintomi tal-ADD, ikun iktar faċli għalihom li jgħixu serenement u b’suċċess biha, milli meta jkunu għadhom tfal żgħar. Letteratura fuq l-ADD/ADHD Għal qari adatt ħafna għal min hu interessat fuq dan is-suġġett tal-ADD/ADHD, ara: Monastra, V.J. (2001). Parenting children with ADHD: 10 lessons that medicine cannot teach. Serfontein Gordon, (1990). The Hidden Handicap. NSW: Simon Schuster.
Edmund Gosse u ħabibu William Rossetti telgħu f’xarabank li kienet mimlija nies b’xi erbgħa bilwieqfa. Malajr il-ħbieb ħolqu ġlieda bejniethom. Qabdu għonq xulxin u wieħed lill-ieħor heddu li ser joqtlu. Ħafna nies, biex jevitaw li jispiċċaw xhieda, niżlu fl-ewwel stage u Gosse u ħabibu Rossetti qagħdu komdi bilqiegħda bil-bqija tal-passiġġiera jidħku bil-qalb. |