
|
+L-Iben t'Alla sar Bniedem Frar 2010 numru 522
Sħabu iktar skantaw imma Renato żamm kelmtu u fis-sajf tas-sena ta’ wara bagħat 10 ħaddiema kif kien wiegħed. Kollha kienu komunisti ferventi. Meta ġew lura tmienja minnhom tilfu kull interess fil-komuniżmu għax skond huma: “Fir-Russja l-ħaddiema għandhom pagi baxxi, ibatu ferm iktar minna fuq ix-xogħol, rajna nisa b’xi 7 xhur tqala jikinsu t-toroq, u ħadd minnhom ma kellu dar tiegħu.” Is-sena ta’ wara Renato kien lest jibgħat 10 ħaddiema oħra u kollox imħallas imma l-partit ma ħallihomx japplikaw għal din il-vaganza b’xejn għax beża’ li jiġu lura konvertiti flok komunisti. Sistema li fiha twarrab Alla ma tistax tirnexxi bħalma ma tistax iddur rota li jitkissrilha l-fus. U dan jgħodd għal ħajjitna. Nagħqdu kemm nagħqdu jekk ma nsibux biċċa żgħira li fiha npoġġu lill-Mulej Sidna ħajjitna tkun vojta. Illum issib ħafna li jippridkaw din it-tip ta’ ħajja imma min jipprova jgħixha ħareġ diżappuntat għax bħalma kienu jgħidu l-antiki: ‘bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti’. IEQAF FTIT U STRIEĦ FI PJAN TA’ TARAĠ IL-ĦAJJA
Dorothy
Thompson kienet ġurnalista ta’ ħila u kittieba prolifika. Ħasra li x-xorb kissrilha l-karriera li bniet b’tant dedikazzjoni matul snin ta’ ħidma fil-ġurnaliżmu.
Kienet impenjata bi sħiħ u forsi dan qajla kien iħallilha ħin li titlob. Saret bniedem li għaliha r-reliġjon ftit li xejn kienet tfisser.
Iżda darba ġiet wiċċ imb’wiċċ ma’ xi nies Lhud li kienu qattgħu xhur u forsi snin f’kamp ta’ konċentrament u dawn bdew jirrakkontaw stejjer tal-biża’.
Kienu raw lil sħabhom jiddaħħlu f’sala kbira u hemm jispiċċaw iggassjati u wara ġisimhom jintefa’ fil-fran biex ma jibqa’ tiegħu l-ebda traċċa. Kienu raw swat u vjolenza li kien rrendew il-kamp kolossew ieħor li fih in-nies flok mikula mill-bhejjem kienu meqruda minn bnedmin oħra.
U Dorothy ikkonkludiet l-artiklu hekk: “Dawn il-kapijiet Ġermaniżi kellhom f’darhom swali bl-isbaħ pittura, librerija bl-isbaħ kotba xkafef bl-iktar diski melodjużi opri ta’ kompożituri kbar u mdendlin fl-istudju tagħhom diplomi li juru ħilithom fl-iskola. Iżda minkejja dan il-patrimonju xorta kienu saru qishom bhejjem għax f’darhom ma sabu qatt post fejn idendlu kurċifiss li ma kienx iħallihom jaqgħu f’dan l-abbiss kieku sabu darba ftit ħin li jħarsu lejh u jgħidulu talba.” Kliem qawwi li ħareġ minn id kittieba li għad li ma kinitx reliġjuża għarfet x’qawwa għandha r-reliġjon fuq għemil il-bniedem.
Ieqaf ftit ħabib fi pjan it-taraġ tal-ħajja u ifli meta l-bniedem isir qisu bhima tal-ġungla. Aktarx li jkun warrab id-dehra tal-imsallab li b’ħajtu għamilna lkoll aħwa. Kif tista’twettaq tant moħqrija lill-għażiż ħuk? F R A R jikteb Dr Coronato Grech M.D. Frar huwa t-tieni xahar tas-sena u l-iqsar, bi 28 ġurnata, tal-inqas sakemm ma hijiex sena biżestili meta jkollu 29 ġurnata. Għar-Rumani kien Februrarius, imsemmi għal Februa, festival tal-purifikazzjoni li kien isir f’nofs ix-xahar. U minn hemm ġej Frar tagħna. Fil-klima tagħna Frar huwa xahar kiesaħ u xitwi. Ħafna qwiel jirriflettu dan: “Frar fawwar jimla l-bjar” u “ Frar fawwar kull xitla nwar” u Frar fawwar, il-bidwi għana d-dar”. Madankollu Frar jaf ma jagħmilx xita: ‘Frar daqqa fawwar u daqqa qattar’ jew tagħmel iżżejjed ‘ Meta Frar ikun ħafna fawwar, il-biedja tmur fl-ibjar’. U barra x-xita u l-maltemp ikun għadu jagħmel il-ksieħ: ‘Fi Frar kull laqxa ttella nwar’, ‘Frar jiġbor lil kulħadd id-dar’ u Frar jgħakkes ix-xjuħ u ż-żgħar’. F’dan iż-żmien tas-sena, il-kampanja tkun mimlija ħdura u kkulurita wkoll, bl-isfar tal-ingliża u l-lellux fost l-iktar li jispikka. Bħax-xhur l-oħra Frar għandu l-festi tiegħu. Fost dawn insibu l-Gandlora li ssir fi 2 tax-xahar li hija l-festa tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù u tal-Purifikazzjoni tal-Madonna. Fiha wkoll jitbierku x-xemgħat li jintużaw matul is-sena. Lill-fidili jagħtuhom ukoll biċċa xemgħa żgħira li dari kienu jdendluha mal-ħajt id-dar u jixegħluha waqt xi maltempata jew xi griżma tal-morda. Kien maħsub li l-kwiekeb ma jibqgħux jidhru ċari u kienu jgħidu ‘Mal-gandlora, stilel fora, l-ajru jtella’ imma jiċċora’.
Fil-14 ta’ Frar mbagħad tigi l-festa ta’ San Valentinu, il-festa tal-maħbubin. Fl-istorja tal-martri insibu żewġ Valentini, mill-istess żmien, is-seklu 3wK. Wieħed isqof ta’ Ruma u l-ieħor ta’ Terni, qrib Ruma. Jekk dawn humiex l-istess persuna jew le, diffiċli tgħid. Intant il-festa tiegħu (jew tagħhom) ilha sekli sħaħ issir fl-14 ta’ Frar. U għal xi raġuni jew oħra, l-assoċjazzjoni mal-maħbubin ilha wkoll ħafna snin. William Shakespeare (1564-1616) fid-dramm Hamlet għandu lil Ophelia li tgħid:
Good morrow! ‘This St Valentine’s Day All in the morning bedtime, And I a maid at your window, To be your valentine! L-użu tal-kartolini valentini beda madwar is-seklu tmintax u llum saret użanza kummerċjali, inkluż issa l-posta elettronika. Festa varjabbli hija dik ta’ Ras ir-Randan. Dan għaliex din tiġi 40 ġurnata qabel l-Għid li jsir fl-ewwel Ħadd wara l-ekwinozju tar-Rebbiegħa. Ir-Randan, tal-inqas dari, kien żmien ta’ sawm u skarsezza, u għalhekk kienu jgħidu: ‘Eħġem la ssib, għax jasal ir-Randan’. U aktarx ukoll li jkun il-maltemp: Ras ir-Randan, ras il-maltemp’. Jekk is-sawm u t-tbatija tar-Randan marru, mhux hekk il-ġenn tal-ftit ġranet ta’ qablu… il-karnival. Għax ‘fi Frar jindaqqu l-ġlieġel’. Il-karnival huwa żmien ta’ bluha liċenzjata u sakemm hija moderata u diċenti hija zvog tajjeb ħafna mis-serjetà u t-tribulazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Għal xi raġuni dan il-ġenn sistematiku u aċċettabbli jispikka l-iktar fin-Nadur. U speċjalment jekk il-karnival jiġi partikularment tard, ix-xita tibda tiskarsa: ‘f’Ħadd il-bluh ix-xita tibda tfuħ’. U b’hekk bejn xogħol, u festi, (u daqsxejn bluha), ftit ftit ikun għadda xahar ieħor, u b’daqsxejn sorpriża, naqilbu l-paġna tal-kalendarju għal fuq ix-xahar sabiħ ta’ Marzu.
Iż-żmien l-aħjar għalliem Albert Einsein ma tkellimx qabel kellu erba’ snin u ma bediex jaqra qabel ma kellu 7 snin. Isaac Newton ma setax jinġabar fil-klassijiet tal-Primarja u Walt Disney tkeċċa minn editur ta’ ġurnal għax min ken iħaddmu qal li ma kellux ideat. Wernher Von Braun, missier il-programm spazjali Amerikani f’sena skolastika weħel fil-matematika. Ħadd minnhom ma qata’ qalbu u llum kisbu isem ferm ikbar minn dawk li qajla raw il-kwalitajiet li kellhom fihom.
Telefonata
li kissret kollox Mary ċemplet lil ħabiba tagħha f’jum għeluq sninha u bla ma qaltilha isimha bdiet tkanta ‘happy birthday to you’. Meta spiċċat il-vuċi minn naħa l-oħra informatha li ma kinitx għalqet sninha. Deher ċar li kienet qabdet numru ħażin. U min irċieva t-telefonata kompla: “Li kont minnek nitħarreġ ftit ieħor fil-kant għax veru stunata.” U t-telefonata li bdiet b’sentiment ta’ ħbiberija spiċċat bi ġlieda. Kelma żejda ħsara tagħmel. Immaġina t-tmiem ta’ din it-telefonata kieku min irċeviha wieġeb: “Naħseb li għandek numru ħażin. Imma xorta rroddlok ħajr talli kantajtli ‘happy birthday’ għad li baqagħli ftit xhur oħra biex nagħlaq snini.” Aktarx li kienet tkun bidu ta’ ħbiberija ġdida.
Kienu żminijiet oħra meta n-nisa jsuqu kienu rari. Mara xtrat karozza iżda wara ftit bdiet tilmenta li filgħodu qed tbati biex taqbad. Xi ħadd informaha li dan jiġri għax il-karozza kienet kiesħa ħafna f’dawk ix-xhur xitwin. U biex jiġbdilha saqajha qalilha li hu jgħatti quddiem b’żewġ kutri u ma jkollux problema filgħodu. Hekk għamlet hi wkoll u sabet li s-sistema kienet taħdem. Raddet ħajr lil min taha l-parir iżda dan tgħidx kemm daħak meta warrbet għax il-karozza ta’ dik il-mara kellha l-magna fuq in-naħa ta’ wara. Kultant il-problema noħolquha aħna stess. U nsolvuha aħna wkoll meta f’qalbna nħossu li għandna nsolvuha.
Raġel ta’
klassi Il-pjanista Arthur Schnabel kien qed jagħti kunċert u osserva li proprju fl-ewwel filliera kien hemm mara anzjana li raqdet appena bdiet is-serata u baqgħet rieqda tul il-kunċert kollu. Meta spiċċa, is-sala dwiet b’ċapċip li jtarrax u l-mara qamet maħsuda ma tafx eżatt x’ġara. Il-pjanista resaq qrib tagħha u qalilha: “Mhux jien qajjimtek imma ċ-ċapċip. Min-naħa tiegħi tgħidx kemm qgħadt attent biex indoqq b’volum baxx biex ma ntellfikx.” Kien kbir bħala pjanista u ikbar bħala ġentlom. AĦBARIJIET TA’ INTERESS IL-LAQGĦA TA’ JANNAR Ħadna gost naraw numru sabiħ ta’ żgħażagħ u old boys li mlew is-sala tagħna għall-farsa ta’ Spiru li għamilna bħala parti mil-laqgħa ta’ Jannar. Wara ħsieb qasir tal-okkażjoni assistejna għall-kummiedja ħelwa li niżlet għasel fl-ewwel ġranet tas-sena l-ġdida għax ħajritna nidħku ftit flimkien u nħarsu lejn il-ħajja b’inqas ansjetà u tensjoni. Bosta jgħidulna kemm ikunu jistennew din il-laqgħa. Is-sensiela ta’ Spiru issa daħlet sew fil-kalendarju tal-laqgħa. Ix-xewqa tagħna hi li persentaġġ imdaqqas minn dawk li ġew għall-farsa jiġu wkoll għall-bqija tal-laqgħat li nagħmlu matul is-sena. Ilna żmien issa li nistiednu wkoll lill-old boys u l-missirijiet għal din il-laqgħa. Nieħdu gost li x’uħud qed jattendu għal kull laqgħa. Imma dejjem nixtiequ li jiġu iktar. Nippruvaw invarjaw il-laqgħat minn darba għall-oħra biex żgur nolqtu l-gosti ta’ kulħadd u taċ-ċajt li nġibu nies esperti fil-qasam tagħhom u ma jkollniex numru sabiħ. Għalhekk, għażiż ħabib, ipprova ejja għal-laqgħa ta’ Frar (ara avviż f’paġna 9) u ibqa’ ċert li ma tkunx l-unika waħda li tattendi għaliha. Nirringrazzjaw lil Toni Debono li bħas-soltu kellu l-parti prinċipali tal-farsa u lil ħbiebna Darren Vella, Antoine Theuma, Joseph Camilleri, Joe Portelli u William Vella li ngħaqdu ma’ sħabna Michael Debono u Michael Camilleri biex tawna din il-produzzjoni. STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ FRAR Għal-laqgħa ta’ Frar għandna mistieden speċjali. Ġej għalina apposta. David Azzopardi hu magħruf sew mhux biss miż-żgħażagħ tal-lum iżda wkoll mill-old boys u missirijiet. Ġej jaqsam magħna esperjenza sabiħa relatata mal-aħħar CD li ħareġ. Lezzjoni mħawra b’ħafna mużika iżda b’messaġġ utli għal kulħadd. Ejjew intom u ħeġġu lil sħabkom jiġu wkoll. Il-laqgħa tibda fis-7.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Nieħdu gost ngħidu kelma flimkien u xi ħaġa ta’ ġid jiksbu wkoll. Wara l-laqgħa ntellgħu żewġ pizez li qed jagħtina Anġlu Muscat għal din l-okkażjoni mensili. Inroddulu ħajr. Ħsieb għar-Randan Nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar jibda żmien ta’ grazzji speċjali għalina. Hu ras ir-Randan u tibda l-mixja ta’ preparazzjoni għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir. Ħu ħsieb li ma tħallix dan iż-żmien jgħaddi qisu xejn. Li konna nitgħallmu meta konna żgħar – sagrifiċċji (l-aktar dawk pożittivi: meta hemm xi ħaġa tajba li ma għandix aptit nagħmilha iżda nagħmilha xorta waħda), quddies u tqarbin ta’ spiss, qrara sinċiera eċċ għadhom validi anke llum. B’dan il-mod inkun qed napprofitta kif suppost minn dan iż-żmien qaddis. GĦADU JSEJJAĦ ANKI LLUM
[Id-dixxendenti ta’ Noè qalu:] “Ejja nibnu belt u torri, li rasu tilħaq sas-sema, u nagħmlu għalina isem…” Ġenesi 11:4
Il-mużika li toħroġ minn radju tiddependi mir-radju. Meta tixgħel ir-radju, toħroġ il-mużika. Meta titfieh, tieqaf il-mużika. Nimmaġinaw li xi darba l-mużika tgħid lir-radju li trid tkun indipendenti. “Mil-lum ’il quddiem nagħżel jien meta ndoqq jew le mingħajr ebda bżonn ta’ radju.” Narawha bla sens u taċ-ċajt. Hekk għamlu n-nies ta’ wara żmien Noè u hekk jagħmel il-bniedem tal-lum meta mingħalih ser jgħaddi bla Alla. Mingħajr Alla l-bniedem ma hu xejn.
Ġieli ġietni din it-tentazzjoni?
Id-dnub fih 4 kwalitajiet: nafdaw fina nfusna flok fil-fidi; inwebbsu rasna flok nobdu lil Alla; infittxu lilna nfusna flok lil Alla; nimtlew suppervja flok naraw ix-xejn tagħna. ŻEWĠ TAQTIRIET ŻEJT ta’ Paolo Coelho
Iżda, flok jara l-għaref, iż-żagħżugħ tagħna daħal f’sala u jilmaħ attività sħiħa: il-ġej u s-sejjer tan-negozjanti, nies ipaċpċu fil-kantunieri u rkejjen, orkestra żgħira ddoqq melodiji ħelwin, u ra wkoll mejda mimlija bl-iktar ikel fin mill-irkejjen kollha tad-dinja.
L-għaref
kien jitkellem ma’ kulħadd u għalhekk iż-żagħżugħ kellu jistenna sagħtejn
sakemm jasal il-ħin tiegħu. U kellmu. U kellmu. L-għaref qagħad jisma’
b’attenzjoni kbira iżda qallu li f’dak il-ħin partikulari ma kellux żmien
biex jispjegalu s-sigriet tal-ferħ. Qallu biex idur dawra mal-palazz u
jerġa’ jmur ikellmu wara sagħtejn. “Iżda rrid nitolbok pjaċir,” qallu fil-waqt li liż-żagħżugħ newwellu kuċċarina li fiha xeħet żewġ taqtiriet żejt. “Int u timxi żomm din il-kuċċarina bla ma xxerred iż-żejt.” Iż-żagħżugħ beda tiela’ u nieżel ruxxmata ta’ turġien, b’għajnejh fissi fuq il-kuċċarina. Wara sagħtejn reġa’ mar iżur lill-għaref. “Sewwa,” qallu. “Rajthom it-tapiti persjani li għandi mdendla fis-sala tal-pranzu? Rajtu l-ġnien li l-aqwa ġenniena tiegħi damu għaxar snin biex joħolqu? Iggostajthom il-parċmini antiki li għandi fil-librerija?” Mistħi, mistħi, iż-żagħżugħ ammetta li ma ra xejn. Il-ħsieb tiegħu kien li ma jwaqqax it-taqtir taż-żejt li l-għaref kien afdalu.
Issa aktar mistrieħ, iż-żagħżugħ qabad il-kuċċarina u rħielha jdur fil-palazz, din id-darba japprezza dak kollu li jara mill-art sas-saqaf, minn barra sa ġewwa. Ra l-ġonna, il-muntanji li jdawru l-madwar, il-fwieħa tal-ward, u l-gost li kull opra tal-arti kienet imqiegħda f’postha. Lura fejn l-għaref irrapporta sa l-iċken dettall ta’ dak kollu li ra. “Iżda fejn huma dawk iż-żewġ taqtiriet żejt li afdajtlek?” qallu l-għaref. Iħares lejn il-kuċċarina, iż-żagħżugħ intebaħ li kien xerridhom. “Mela, dan hu l-uniku parir li nista’ ngħidlek,” qallu l-għaref tal-għorrief. “Is-sigriet tal-ferħ qiegħed filli titpaxxa bil-meravilji tad-dinja mingħajr ma tinsa t-taqtiriet żejt!” |