+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Gunju 2007 numru 490

San Ġorġ Preca itlob għalina 

Mur għidlu lil dan il-qassis umli u twajjeb li ismu kellu jixxandar mad-dinja. Ftit qabel miet xtaq li ma jibqa’ xejn li lil ta’ warajh jfakkarhom fih. Riedhom jaħarqu kollox biex ismu jmut ma’ ġismu. U talabhom bil-ħerqa biex jagħmlulu funeral sempliċi.

Qatt ma kellu pretensjonijiet. Jilbes ta’ qassis fqajjar b’suttana nadifa iżda mkemmxa u mkagħbra. Jimxi għajnejh baxxi lejn l-art imma jkellem lil kull min ikellmu, lest li jgħin lil kulħadd. Anki tfajjel iġorr iż-żibel kiseb l-għajnuna tiegħu.

Uħud kienu jgħadduh bi żmien. Jaħsbuh moħħu magħluq. Jew agħar minn hekk... miġnun. Mur għidilhom li dan il-qassis kellu f’qalbu rivoluzzjoni ta’ ħsieb. Lill-ħaddiema tat-tarzna għallimhom it-teoloġija u l-morali. Għamilhom familjari mal-Bibbja. Ħeġġiġhom biex dak li kienu tgħallmu jgħadduh lil ħaddieħor. U l-istess għamel bix-xebbiet. Ħariġhom mill-qoxra li kienu jgħixu fiha u għamilhom katekisti.

Iddedika ħajtu, ħinu, flusu u saħħtu biex ixandar il-kelma t’Alla. U aħna wkoll, bħala wliedu, nippruvaw nimitawh f’dan ix-xandir. Għax barra t-tagħlim fil-klassijiet tagħna nippubblikaw ukoll kull xahar dan il-fuljett. Jalla meta jasal f’darek taqrah. Ktibnieh għalik biex jipprovdilek ftit paġni ta’ qari nisrani li jista’ jgħinek tara aħjar it-triq li l-Mulej ħejjielek. U ninqdew bih kull xahar biex inwasslulek l-istedina tagħna għal-laqgħa li ilha ssir għexieren ta’ snin. Jiddependi minnek tibqax issir. Aħna nistgħu biss intennu mal-fundatur tagħna: `Ħobb it-tagħlim għax it-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid’.

U fil-kartiera, fejn is-sodda, fil-but... x’imkien fejn ħarstek tiltaqa’ ma’ ħarstu, żomm xi santa sabiħaq ta’ dan il-qaddis li kellu mħabba speċjali lejn żgħażagħ bħalek. U sib ħin biex kuljum ittenni xi talba qasira:

“San Ġorġ Preca għinni ngħix it-tagħlim li rċivejt fi tfuliti u żgħożiti.”

Mis-sema nitolbuh iberikna lkoll.

 


 

XENI MINN TREJQET IL-HAJJA

Kont ilni nosservahom

deħlin u ħerġin mill-isptar.

Raġel ta’ madwar tletin

u tfajjel ta’ mhux aktar minn sitt snin.

Il-kurżità għelbitni

u staqsejt dwarhom.

“Dawk missier u iben

iż-żgħir għandu cancer

ilu ħafna jtabbablu.”

 

Ħadt xokk

imma naf li llum ix-xjenza

għamlet passi ta’ ġgant

u meta l-marda jilħquha kmieni

bosta jeħilsuha

minn mewt li dari kienet żgura.

 

Mort ħdejhom.

Ridt ngħidilhom kelma ta’ kuraġġ

messaġġ ta’ tama u faraġ

għad li qajla kienu jidhru

li għandhom bżonnhom

għax meta wasalt rajthom it-tnejn jidħku.

Anqas qatt kont tbassar

li ż-żgħir qed jilgħabha ma’ mewt bikrija.

“Qed nidħku għax id-daddy bħali

rasu qargħa basila

ma baqagħlux xagħra waħda

u kellu jilbes il-beritta.”

 

Il-missier għemeżni

u meta t-tifel ħaduh għal xi injezzjoni qalli:

“Qaxxart xagħri

biex ibni ma jistħix meta tiegħu jaqa’

effett tal-kimoterapija.”

U għajnejh kienu jgħumu fid-dmugħ.

 

U fhimt x’imħabba kellu l-missier lejn ibnu

u għidt bejni u bejn ruħi:

“Jekk missier ta’ l-art

jasal li jagħmel tant għal ibnu

x’ma jagħmilx Missierna tas-sema

għalina lkoll... uliedu!”

 

U bqajna ħbieb

jien, iż­żgħir u missieru

u nsellmu lil xulxin bil-qalb

meta niltaqgħu.

Addio brieret għax illum

hemm xuxiet sbieħ ta’ xagħar

jittajru ma’ kull żiffa

fejn qabel kien hemm biss qoxra lixxa bajdanija.

 

Iżda proprju fil-qargħa fejn donnu xejn ma seta’ jikber

jien rajt tikber kontranija

l-imħabba.

 


 

DR CORONATO GRECH JIBDA ARTIKLU BL-ISEM

LIEMA REALTA?

Aħna kif aħna, neżistu fil-limiti ta’ ċerti parametri, bħal per eżempju, daqs, massa, densità, pressa, temperatura, u veloċità u viżta, parametri li fil-varjazzjoni kif nafuhom, għalina huma normali. Din hija l-eżistenza familjari għalina: dik ta’ daqs minn millimetri għal kilometri, ta’ żmien minn sekonda għal ftit għaxriet ta’ snin, ta’ temperatura ta’ ftit għaxriet ta’ gradi ċentigradi, ta’ veloċità minn dik bil-mixi għal supersonika, ta’ massa minn gramma sa mijiet ta’ kilogrammi, ta’ pressa ta’ atmosfera (insensibbli), u ta’ viżta dik biss bid-dawl viżibbli. Imma maż-żmien, ix-xjentisti sabu li kull waħda minn dawn il-parametri hija biss tieqa żgħira fuq varjazzjonijiet tremendi li jeħduna f’reġjuni tan-natura li huma ferm differenti, reġjuni fejn l-instrumenti xjentifiċi u l-moħħ u l-immaġinazzjoni umana huma l-uniċi għodda biex nesplorawhom. Huma reġjuni affaxxinanti u wara din il-mawra qasira lejhom, u l-ftit eżempji mogħtija, forsi nirritornaw lura lejn id-dinja familjari tagħna b’iktar sens ta’ apprezzament u meravilja (u forsi qtugħ ta’ nifs). U forsi wkoll iġegħluna nikkonfondu daqsxejn liema hija l-vera realtà!

Rigward id-daqs hemm żewġ vjaġġi mid-daqs familjari ta’ metru: dak lejn iż-żgħir ħafna u dak lejn il-kbir ħafna.

Lejn iż-żgħir ħafna. Qabża sostanzjali mill-metru familjari hija dik ta’ elf iżgħar, il-millimetru, daqs li ħafna jsibu daqsxejn diffikultà jarawh. Dan huwa d-daqs ta’ per eżempju partiċelli ta’ ħafna mir-ramel u l-ħamrija, ta’ l-iżgħar insetti u araknidi u l-ikbar protisti (eżempju ċerta amoeba). Għall-kreaturi ta’ dan id-daqs, biċċa għalqa mimlija ġebel u ħaxix hija pajjiż kbir b’ħafna foresti għoljiet, widien u għerien; anki għadira tax-xita fit-triq, hija biċċa baħar kbir. Lilna jarawna dellijiet suwed enormi, dellijiet li mimlija bil-problemi tad-dinja umana tagħna, rari nittendu bil-ħerba li nagħmlu lil din id-dinja ta’ madwar millimetru.

Elf darb’oħra iżgħar, għad-dinja ta’ mikrometri. Mikrometru huwa wieħed minn elf ta’ millimetru, u hawnhekk niġu fid-dinja totalment inviżibbli għalina. Anki ħafna miċ-ċelloli tal-ġisem huma ikbar minn hekk. Per eżempju l-ispermatożun, li huwa f’forma ta’ marżebb, fih madwar 2 mikrometri (ir-ras) u dan huwa l-iżgħar ċellula fil-ġisem, waqt li l-bajda umana, waħda mill-ikbar ċelloli fiha madwar 140 mikrometri. Kemm huwa żgħir dan id-daqs jidher mill-fatt li ċ-ċelloli ħomor tad-demm, f’forma ta’ diski b’dijametru ta’ 7.7 mikroni u 3.7 mikroni ħxuna, f’millimetru kubu, joqogħdu madwar 5 miljuni minnhom. Ħafna mill-bakterja huma f’dan id-daqs, per eżempju E Coli fiha madwar 2 mikroni, waqt li xi organelli fiċ-ċelloli, bħal mitochondrion, fihom madwar mikron. F’dan id-daqs żgħir jibda jinħass l-effett tal-bumbardament tal-molekoli tal-madwar u partiċelli ta’ dan id-daqs, ħajjin jew le, juru movimenti u ċaqliq irregolari u kontinwu, fenomenu msejjaħ Brownian motion1.

 1 Robert Brown 1773-1858 kien botanist Skoċċiż li osserva li trab id-dakra fl-ilma huwa dejjem f’ċaqliq irregolari kontinwu. Huwa ħaseb li għax huwa ħaj imma partiċelli oħra bla ħajja, bħal dawk tad-duħħan fl-arja juru wkoll dan iċ-ċaqliq. Iktar tard Albert Einstein 1879 – 1955 kien ta spjegazzjoni preċiża ta’ dan il-fenomenu, li inċidentalment kien l-ewwel xhieda tajba li l-atomi u l-molekoli tassew jeżistu.

[Dr Grech ikompli dan l-artiku fil-ħarġa ta’ Lulju]  

 


 

FORSI JINTERESSAWK

Tgħid jien?

Bernard Shaw kien jikkritika bl-għama lill-karikaturisti għax kien jgħid li tagħhom mhix arti imma imbeċillaġni. U iktar ma kien jgħidilhom hekk, iktar kienu jpittruh ikrah. Imma darba kien f’dar ta’ karikaturista u waqaf iħares lejn l-immaġni tiegħu. Qallu:

             “Din karikatura li togħġobni. Veru min għamilha kien krudil u għamilni ikreh milli jien imma nintgħaraf sew. Prosit!”

“Ħabib,” qallu l-karikaturista, “dik mera mhux karikatura!”

 


 Aħseb ftit

 Jekk int issib x’tiekol meta tasal id-dar, jekk għandek saqaf fejn toqgħod u torqod, jew għandek x’tilbes int wieħed minn 4 fil-mija li għandu dan kollu. 75 persuna minn kull 100 m’għandhomx dawn l-affarijiet bażiċi.

 Jekk għandek xi ftit flus fil-kartiera u xi ħaġa żgħira l-bank int wieħed minn 8 fil-100 li għandhom dawn. Mela tinsiex li 92 minn kull 100 persuna li hawn fid-dinja m’għandhomx dak li għandek int.

 Jekk int għandek mobile phone u computer tinsiex li 92 ruħ minn kull 100 fid-dinja m’għandhomx.

 Ma jidhrilekx li ma għandekx teqred dwar xortik meta minn kull 100, 99 m’għandhomx dak li għandek int?


Mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm  


Kristoferu Kolombu kien devot ħafna tat-Trinità tant li fit-tielet vjaġġ tiegħu semma l-ewwel art li lemaħ... Trinidad. U għadha jisimha hekk sal-lum. Aħna ġeneralment nafu dwar il-Missier u dwar Ġesù imma forsi qajla insemmu lill-Ispirtu s-Santu. Hu forza tremenda li biddel id-dixxipli minn nies beżżiegħa għal appostli li ma jibżgħu minn ħadd u minn xejn biex jgħixu twemminhom. Idraw għidu talba qasira fil-bidu ta’ kull jum ġdid. 


 Kliem ta’ għerf

L-għaref kien għaddej mir-raħal u n-nies daret miegħu u bdiet toffendih imma hu baqa’ għaddej jitbissem u ma jagħtix kas tagħhom. Xi ħadd waqqfu u qallu:

“Kif tissaporti tant insulti?”

“Għax jien għadni ġej minn raħal ieħor li tgħidx kemm offrewli rigali. U jien ma aċċettajt xejn minnhom u għidtilhom jaqsmuhom bejniethom. F’dan ir-raħal flok rigali qed jagħtuni insulti u f’qalbi qed ngħid l-istess... aqsmuhom bejnietkom.”

 Dun Ġorġ kien jgħid: “Min la jagħti każ tat-tifħir u anqas taż-żebliħ issib li għandu f’qalbu paċi kbira.” 


Kieku jien...!

Daniel Moyniham – politiku Amerikan – waqt meeting, xi ħadd li ma kienx jaqbel miegħu tefagħlu cake tal-krema li ħadu f’nofs wiċċu. Daniel neħħa l-krema minn quddiem għajnejh u qal bid-daħka: “Prosit tassew. Cake verament tajjeb.”

U kompla jitkellem. 


 

AHBARIJIET TA' INTERESS

IŻŻEWĠU

Mariella Camilleri ta’ Triq tal-Ħali lil Luciano Grech (Kerċem).

Infakkruhom biex fil-ħajja taż-żwieġ tagħhom isibu ħin għat-talb. Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien.

 

IL-LAQGĦA TA’ MEJJU

Kellemna Dun Eddie Vella mill-parroċċa ta’ l-Għarb u għoġobna ħafna s-suġġett ta’ l-imħabba ta’ Alla għalina u l-mod ta’ kif itrattah.  Alla lilna ħabbna minn qabel ma konna neżistu. Meta l-ġenituri tagħna xtaqu tarbija żgur li ma setgħux jixtiequ lilna. Ma setgħux jagħżlu lilna bil-karattru u dak kollu li jagħmilna aħna. Imma Alla ħabbna minn dejjem u għalhekk aħna qegħdin hawn. Dan hu ħsieb li għandu jserraħna ħafna. Dak kollu li nagħmlu, bħal kull bniedem ieħor, hu biex inkunu ferħanin. Sfortunatament anki min jagħmel il-ħażin, dan jagħmlu għax jaħseb li ser jagħmlu ferħan. Dun Mikiel Attard kien iħobb jirrakkonta ġrajja meta kien fuq vapur u staqsa lil xi ħadd: “What is happiness?” Dan wieġbu, filwaqt li wrieh il-birra li kien qed jixrob “Happiness is drinking beer.” Iżda qam il-maltemp u meta dan l-individwu għamillu d-deni xi ħadd – b’ilsienu ma tantx ħelu - qallu, “What happened to your happiness?” Għax il-ferħ imur ’il hemm minn dak li hu fiżiku. Hemm bżonn li nagħrfu dak li tana Alla u ngħożżuh bħad-djamant li min isibu meta jkun għadu mhux raffinat jaħsbu ġebla daqsxejn differenti iżda f’idejn dak li jifhem jiswa ħafna flus. Hekk il-fidi, tagħmilna nies u permezz tagħha nagħrfu kemm iħobbna Alla.

Ħajr lil Fredu Attard tar-rigal li tellajna wara l-laqgħa li mess lil Martin Buttigieg ta’ Triq Duru. Grazzi mill-qalb lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa.

 

STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ ĠUNJU

Ser tkun laqgħa speċjali dwar Dun Ġorġ Preca lejliet il-kanonizzazzjoni tiegħu. Imħeġġin biex tattendu. Nhar is-Sibt 2 ta’ Ġunju fit-8.15p.m. Ejja int u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll.

 

IL-YOUNGSTERS

Dan kien staġun stupend għall-Youngsters proprju fl-istaġun ta’ qabel il-50 wieħed li fih twieled dan il-club. Staġun li fih il-Youngsters tellgħu lejn il-club erba’ mill-ħames tazzi li joffri l-football Għawdxi fl-ogħla diviżjoni. Rebħu t-Tazza Indipendenza, Tazza Ħelsien, il-Kampjonat u s-Super Cup. Żgur li ħadd ma kien jistenna daqstant fil-bidu ta’ l-istaġun. L-iktar meta fit-tim hemm ħafna u ħafna żgħażagħ mir-raħal. Players li madwarhom idur il-pern tas-suċċess. 

Iżda s-suċċess ma kienx biss għat-tim tal-kbar. Anki l-under 19 tellgħu magħhom it-tazza tal-kampjonat u dan jawgura ferm għall-futur. L-under 14 rebħu t-tazza u tilfu l-kampjonat b’decider ma’ Għajnsielem. U l-under 12 tellgħu l-kampjonat. 

Żgur li dan is-suċċess ma kienx ikun possibli mingħajr l-entużjażmu u l-impenn tal-players u tal-kumitat li stinkaw u ħadmu flimkien biex ħolqu mekkaniżmu ta’ rebħ u trijonf. U magħhom ħaqqhom kelma ta’ ħajr is-supporters li dejjem kienu wara t-tim meta dan kien jeħtieġ il-wens tagħhom. Prosit lilhom u lil coaches tal-kategoriji kollha li tawna dawn is-suċċessi u bnew il-qafas għal iktar suċċessi fis-snin li ġejjin.

U issa dawn l-istess elementi ta’ kumitat, players u supporters iridu jerġgħu jingħaqdu flimkien biex jibdew minn issa jippreparaw għall-istaġun li jmiss. Staġun li jaħbat il-50 wieħed tal-Youngsters. Staġun li jekk fih jirbħu l-kampjonat ikunu jistgħu jxiddu l-istilla fuq il-jersey tagħhom għax ikun l-10 kampjonat.

Minn qiegħ qalbna nawgurawlhom.


 

IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM

“…malli waslu r-reffiegħa ta’ l-arka

ħdejn il-Ġurdan...

waqaf l-ilma li nieżel

minn naħa ta’ fuq

u qam gods wieħed,

’il bogħod ħafna,

...hekk għadda l-poplu biswit Ġerko.”

{Ġożwè 3: 15-16}

 

Il-qsim tal-Baħar l-Aħmar u l-Ġurdan

nistgħu nqisuhom

bħala ż-żewġ naħat ta’ l-istess munita.

Il-qsim tal-baħar

jindika l-ħruġ tal-Lhud minn art il-jasar

filwaqt li l-qsim tax-xmara

jimmarka d-dħul f’art il-ħelsien.

L-insara naraw dawn iż-żewġ qsim

fl-ilma tal-magħmudija –

ħruġ minn art il-jasar tad-dnub

u dħul fil-ħelsien tar-rieda ta’ Alla.

 

Kif nifhimha jien il-frażi ta’

Frederich Rest

li jgħid li ‘fil-magħmudija

nieħdu d-direzzjoni

u mhux il-konferma tal-wasla’?

 

Parti mir-rit tal-magħmudija

tal-knisja fl-Indja hi

li min ser jitgħammed jagħmel idejh

fuq rasu u jgħid:

“Miskin jien jekk ma nxandarx il-messaġġ ta’ l-Evanġelju!”

E PAUL HOVEY


 

IL-BRIMBA ALJENATA

F’jum sabiħ ta’ Settembru, il-ħjut leqqiena qishom ħarir, kienu jittajru fl-arja. Kienu ġejjin mill-bogħod u jmorru ’l bogħod. Waħda minn dawn il-ħjut weħlet ma’ tarf siġra għolja u l-astronawta, brimba safra u sewda, irħiet bil-mod u weħlet ma’ xi weraq. Imma dak il-post ma kienx lest għal waqtiet bħal dawn u niżlet fuq arbuxell imxewwek. Iżda mill-bqija kien hemm friegħi u zkuk bl-abbundanza biex tagħmel għanqbuta. U hekk għamlet… taħdem u tistinka bla tieqaf għall-mistrieħ u żżomm il-ħajta li magħha niżlet bħala t-travu li miegħu torbot kollox.

Ħajta wara oħra u għoqda ġġib aktar irnexxiela toħloq ġmiel ta’ għanqbuta. Bdiet taqbad għexieren ta’ nemus u dubbien. Il-qtar tan-nida għodwija kienu qishom perli fuq biċċa satin u erħilha l-brimba tintefaħ bil-kapulavur tagħha. Kuljum kienet iddur l-irkejjen kollha tal-għanqbuta u l-piż tal-brimba beda jiżdied sew – kibret u ħxienet. Irnexxielha tinseġ l-aħjar u l-aqwa għanqbuta tal-bosk.

Iżda għodwa waħda, qamet b’burdata ħażina għax forsi niżlet minn friexha bl-erba’ saqajna l-ħżiena. Bdiet iddur ir-renju tagħha biex tieħu l-kolazzjon iżda ma sabitx insetti. Bil-lejl kienet niżlet il-borra u din kompliet kessħet il-burdata tagħha. Anqas nemusa ma kien hemm ittir. Kompliet l-ispezzjoni u tiġbed ħajta minn hemm, iżżid oħra ’l hawn u ttawwal fejn ikun hemm bżonn sa ma waslet fejn ħajta ħoxna f’nofs l-għanqbuta. Ma kienet tidher imwaħħla ma kien. Kienet qisha nieżla mis-sħab. Aktar ma ffissat fuqha aktar bdiet titmasħan: “Eh dik għalhekk qiegħda hawn. Minnha jinżlu l-konkorrenti tiegħi u jikluli dak li nkun qbadt jien. Dak li jinqabad tiegħi u ta’ ħadd iżjed! Ħajta li lili ma qiegħda tagħtini xejn... anzi teħodli!”

U b’daqqa soda minn ħalqha msinn qatgħet din il-famuża ħajta. L-għanqbuta kollha ċediet u daret magħha bħallikieku maktur umdu. Kien tard wisq meta l-imsejkna ftakret li dik kienet l-istess ħajta li niżlet magħha tant ġimgħat qabel u kemm kienet importanti għaliha biex setgħet tinseġ dak li ħaxxanha u paxxiha.

Kemm hu faċli ninsew lil dawk li jridulna l-ġid u flok inkunu grati lejhom narawhom żejda!


 

AQRAHOM BIL-MOD U ERGA' AQRAHOM

Tħallix l-inkwiet jeqirdek. Ftakar li Mosè beda ħajtu f’basket tal-qasab ġo xmara.

 

Xi nies huma tajba, qalbhom tajba u ħelwin

sakemm jippruvaw joqogħdu fil-bank tiegħek.

 

Ħafna nies iridu jservu lil Alla…

iżda bħala konsulenti.

 

Hija ħaġa eħfef li tagħmel għaxar priedki

milli tgħix waħda.

 

In-nies huma tad-daħk

iridu n-naħa ta’ quddiem

tal-karozza tal-linja

in-nofs tat-triq

u naħa ta’ wara tal-knisja.

 

L-opportunità darba biss tħabbatlek

Iżda t-tentazzjoni tipprova taqla’ l-bieb.

 

Tibqax tgerger fuq il-knisja tiegħek.

Kieku kienet perfetta, postok mhux fiha.

 

Jekk tixtieq kappillan aħjar

itlob għal dak li għandek.

 

Il-paċi tibda minn tbissima.

 

Aħna msejħin biex inkunu xhud ta’ Kristu mhux imħallfin u avukati.

 

Kunu sajjieda tal-bnedmin. Intom taqbduhom Hu jnaddafhom.

 

Koinċidenza meta Alla ma jridx juri lilu nnifsu.