+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Gunju 2008                        numru 502

Doug Schmitt – illum jgħodd kważi sittin sena – inħasad meta rċieva nota fuq l-email tiegħu li Ted Nyman – raġel minn Logan Utah – kien ried ikellmu. Ma kienx jafu minn Adam u ma setax jobsor x’riedu. Imma x’jitlef ma kienx hemm u għalhekk ċempillu.

U Ted informah li kien sab fil-kexxun ta’ petrol station li sid tagħha kien missieru, kartiera li kienet ta’ Doug. Kien ħalliha hemm bi żball 40 sena qabel. Fiha kellu xi flus u ritratti. Ted xtaq jibgħatlu kollox imma ma kienx jaf l-indirizz. Ted kien nesa dik il-kartiera imma xi karti li kienu fil-kartiera malajr fakkruh fiha u billi kien hemm xi ritratti xtaq li jakkwistaha lura. Għalhekk irringrazzja ħafna lil Ted u ftit wara rċieva kollox. Bl-istorja magħha wkoll.

Doug kien student f’Utah u mar biex jimla l-karozza bil-petrol. Bi żball ħalla l-kartiera warajh. Sid l-istazzjon tal-petrol poġġieha f’kexxun bit-tama li xi darba sidha jiġi għaliha imma dan qatt ma mar lura biex jiġborha għax qatt ma basar li kien tilifha hemm. U l-kartiera baqgħet moħbija taħt il-karti tistenna lil sidha.

Is-sid ta’ l-istazzjon miet u ibnu Ted kien qed inaddaf il-kxaxen. Kien hawn li ltaqa’ mal-kartiera u mid-dettalji li sab fiha rnexxielu, permezz ta’ l-internet, isib lil Doug. Sar jaf li għadu ħaj u ried li jagħti lura dak li ma kienx tiegħu.

Meta Doug rċieva l-kartiera fl-indirizz tieghu f’Pennsylvania (distanza ta’ 3472 kilometri) stqarr hekk: ‘Kemm kemm għaraft lili nnifsi. Dakinhar kelli ras xagħar… illum ftit li xejn baqa’ minnu. Ma kellix ħafna flus fil-kartiera imma l-fatt li Ted ħa dak ix-xogħol kollu wrieni li fid-dinja għad baqa’ ħafna tajjeb.’

Iva, baqa’ ħafna tajjeb imma dan ftit jagħmel ħsejjes u rari jispiċċa fil-paġni ta’ quddiem tal-gazzetti. Imma fi ktieb il-ħajja għandu importanza kbira. U fl-aħħar mill-aħħar dan li jgħodd għax fuq dak li jinkiteb f’dan il-ktieb tiddependi d-destinazzjoni aħħarija u dejjiema tagħna.


EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISĦTU D-DLAM

In-nies kienu jafuh

miżmum bħala bniedem għaref

li kiteb kotba tqal

u sab tarf isawwar dizzjunarju ta’ lsien artu.

Imma issa rawh f’nofs il-pjazza

fil-post fejn darba kien jarma bil-kotba missieru

ħafna u ħafna snin qabel.

Kien hemm waħdu

f’xita kontinwa bla jitħarrek.

Ħasbuh qed jiġġennen.

Imma donnhom stħaw imorru għalih u jeħduh lura.

U baqa’ hemm siegħa sħiħa.

Sar għasra.

Imbagħad telaq iċeklem lejn il-lukanda.

U bosta bdew jistaqsu

l-għaliex ta’ din il-ġrajja.

U r-raġel għaref qalilhom.

 “Bħal-lum ħamsin sena

jien għidt le lil missieri.

 

Talabni bil-ħniena biex niġi miegħu hawn

ħalli flimkien inbiegħu l-kotba.

Iżda jien ma ridtx u minkejja li talabni u reġa’ talabni.

Bqajt insostni li ma kelli l-ebda ħsieb li mmur ngħinu.

U missieri miskin mar waħdu

jbiegħ il-kotba biex b’li jaqla’

jmantni lili, lil ommi u lil ħuti.

 

Missieri llum miet

imma meta nħares lura lejn din il-ġrajja

nibki f’qalbi għall-qalb iebsa

lejn dak li bata ħafna biex jien tgħallimt l-iskola

u lħaqt fejn wasalt illum.

Illum ridt nifdi dnubi.

Mort fil-post eżatt fejn kien jarma

u domt hemm daqs kemm kien idum hu

ibiegħ il-kotba.

U l-ilma li niżel fuqi ħassejtu qed jaħsel dnubi.”

 

Hekk spiċċa jirrakkonta Samuel Johnson.

Kittieb prolifiku

u awtur ta’ dizzjunarju

li dam jissawwar bosta snin

u għadu sal-lum miżmum b’għożża

minn min iħobb il-lingwa Ingliża.

Dakinhar minkejja x-xita

Samuel Johnson kien xegħel xemgħa

li dawlet il-madwar kollu.


ĦSEJJES LI MA JINSTEMGĦUX

jikteb Dr Coronato Grech M.D.

Kultant naħsbu li qed ngħixu f’dinja storbjuza b’ħafna ħsejjes ta’ kull xorta.  Imma barra l-fatt li mill-ħsejjes kollha ta’ l-ambjent, il-moħħ jirreġistra biss dawk il-ħsejjes li huma importanti għalina. Hemm ukoll ħafna ħsejjes li widnejna u moħħna, qatt ma jisimgħuhom.  U tajjeb li ma nisimgħux dak kollu li jipproduċi ħoss madwarna, għax li jkollna per eżempju nisimgħu l-ġisem jaħdem, (tant ċaqliq ta’ muskoli jew ġiri ta’ demm),  kieku niġġennu.

Il-ħoss huwa vibrazzjoni jew mewġiet li jgħaddu mis-sors, hu x’inhu, għal widnejn fejn imbagħad jiġu interpretati fil-moħħ.  U biex jiġu trasmessi il-vibrazzjonijiet tal-ħoss irid ikun hemm xi materjal biex jgħaddi minnu - gas likwidu jew solidu, anzi f’dan ta’ l-aħħar jgħaddi iktar bis-saħħa;  per eżempju, il-veloċità tal-ħoss fl-arja hija ta’ 330 metri fis-sekonda, (pjuttost baxxa, effett li jidher anke meta tara xi ħadd isammar ftit bogħod), fl-ilma 3,650 metri fis-sekonda, u fl-azzar 5,200 metri fis-sekonda.  Huwa minn ġo vakwu li l-ħoss ma jgħaddix, u dawk il-ħsejjes tal-vetturi spazjali tal-films huma finta.

Widna normali umana tisma’ vibrazzjonijiet ta’ frekwenza (vibrazzjonijiet fis-sekonda) minn madwar 20 sa 20,00 hertz. Dawn ġew imsemmija għall-Ġermaniż Heinrich Hertz 1857-94 li inċidentalment studja mhux il-ħoss imma vibrazzjonijiet elettromanjetici li huma totalment differenti, per eżempju jgħaddu minn ġo vakwu u għalhekk inħossu s-sħana tax-xemx imma ma nisimgħux il-maltempati li fiha. Annimali differenti mbagħad jisimgħu frekwenzi differenti; per eżempju hemm suffara tal-klieb li tipproduċi tisfir li jisimgħuh biss il-klieb.

Dawk il-ħsejjes ta’ frekwenza iktar kbira (kultant miljuni ta’ herts) minn dik  li tista’ tisma’ l-widna umana jissejħu ultrasound.  Xi annimali, bħal ċerti friefet il-lejl, ċerti għasafar li jgħixu f’għerien fondi u delfini, jipproduċu ultrasound biex jikkomunikaw ma’ xulxin, isibu d-direzzjoni u l-ikel u jevitaw l-għadu.

U l-bniedem ivvinta magni li jipproduċu ultrasound u li għandhom ħafna użi differenti. Forsi l-iktar familjari hija dik li tinvestiga l-intern tal-ġisem u użata per eżempju biex tara l-progress tat-tqala; jew dik li tinvestiga mard tal-qalb u ċirkulazzjoni (arterji u vini) jew tumuri jew ġebel fil-marrara jew kliewi. Kultant użati biex ifarrku dan il-ġebel. Dawn ma jidhirx  li fihom periklu għas-saħħa (mhux bħal X-rays), almenu f’doża kbira.

Barra fil-mediċina l-ultrasound għandu użi oħra importanti bħal testijiet għal xi tixqiq fil-metalli (anke X-rays jintużaw għal dan) - ħaġa ovvjament importanti fl-ajruplani; tindif ta’ strumenti delikati bħal arloġġi, taħlit ta’ kimiċi u anke f’forma ta’ welding.  Użu ieħor huwa s-sonar (sound navigation and ranging) li bih is-sajjieda jkunu jafu b’xi qatgħa ħut fil-baħar ta’ taħthom; jew fil-militar biex jindunaw bis-sottomarini.

Intant, illum nafu sew fuq ħsejjes, (dawk li jinstemgħu u dawk li le) minn meta il-Grieg Pitagoru (madwar 500 QK) għamel studju fuq il-ħsejjes, jew aħjar noti, fil-kordi.  U forsi fil-futur għad nikkomunikaw ma’ xi kreaturi spazjali (jekk jeżistu!) permezz ta’ dawn il-ħsejjes li  ma jinstemgħux.


FORSI JINTERESSAWK

Ħnienet il-qawwi

Fl-Ingilterra ta’ mijiet ta’ snin ilu kien ikun hemm ħafna ġlidiet ċivili… Ingliżi kontra Ingliżi… biex jintgħażel is-sultan li suppost ikollu taħt idejh il-pajjiż kollu. Wara waħda minn dawn il-ġlidiet is-sultan rebbieħ għamel xemgħa kbira fid-daħla tal-kastell tiegħu, xegħelha u qal lis-sudditi:

        “Kull min jiġi jitlob maħfra sakemm ix-xemgħa tkun għadha mixgħula jsib il-ħniena. Ninsa l-imgħoddi u qisu qatt ma kien hemm ġlied bejnietna. Wara li tintemm ix-xemgħa, ma hemmx aktar ħniena.”

Il-ħniena tal-Mulej hi ferm iktar ġeneruża imma xorta hi marbuta max-xemgħa ta’ ħajjitna… sakemm din ix-xemgħa għadha tlebleb il-ħniena tal-Mulej hi bla limiti. Ejja nfittxuha dment li xemgħet ħajjitna għadha ma ntfietx. Għax għad li għadna żgħar ħadd ma għandu garanzija li xemgħet ħajtu ser ittul għal 80, 90 jew 100 sena!


Sinjur f’siktu

George Peabody kien sinjur kbir Amerikan. Darba ġurnalist staqsih għaliex jaħdem tant iebes u rari jieħu vaganza.

        “Għax nieħu pjaċir immens nagħmel il-flus.”

        “Forsi dan l-ikbar ferħ ta’ ħajtek!”

        “Le, fil-fatt l-ikbar ferħ ta’ ħajti meta naqsam mal-fqar u mal-batut dak li nkun qlajt.”


Tentufiet

Fil-barracks kien hemm id-drawwa li meta xi kapural kien jara xi nuqqas żgħir kien ipoġġi nota qasira fin-noticeboard:

        ‘Waslet l-aħbar għand il-kaptan li hemm xi suldati li mhux qed jibblakkaw iż-żarbun. Il-kaptan jesiġi li dan in-nuqqas jieqaf immedjatament.’

Wara xi jumejn kien hemm rapport ieħor u dejjem fl-istess formola ta’ kliem:

        ‘Waslet l-aħbar għand il-kaptan li xi suldati mhux qed jaħslu snienhom kuljum. Il-kaptan jesiġi li dan in-nuqqas jieqaf immedjatament.’

Wara li kienu dehru xi ħames avviżi simili, darba deher wieħed mhux eżatt bħal tas-soltu:

        ‘Waslet l-aħbar għand il-kaptan li qed jaslulu ħafna aħbarijiet fuq ħmerijiet. Dan in-nuqqas irid jieqaf immedjatament.’

U qatt ma dehru avviżi simili fuq in-noticeboard.


Għaqal… imħabba lejn l-annimali…

Mara dehret tħabbat il-bibien b’borża f’idejha. Tħabbat bieb wara l-ieħor. Issaqsi jekk is-sidt għandhiex kelb u meta jgħidulha le tibqa’ sejra tħabbat bieb ieħor. Sakemm ħabtet wieħed u s-sidt qaltilha ‘iva’..

        “Aħna familja kbira. Qegħdin vaganza. Kilna ikla kbira f’ħotel fil-qrib. Ġbart il-laħam u l-għadam li kien fadal fil-platti u billi naf kemm il-klieb iħobbuhom ma ridtx narmihom.”

Għaqal… imħabba lejn l-annimali… jew biċċa mit-tnejn!


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

L-LAQGĦA TA’ MEJJU

Ġie jkellimna Noel Scerri mill-Fundazzjoni OASI dwar il-ħidmiet importanti li din l-għaqda qed twettaq ma’ bosta u bosta nies li huma maħkuma minn xi forma ta’ vizzju. Tiskanta kemm hawn tipi differenti ta’ addizzjonijiet …forsi l-aktar li jissemmew huma tax-xorb u d-drogi imma l-firxa tibqa’ sejra għal-logħob ta’ l-azzard, pornografija eċċ eċċ. L-OASI timxi fuq it-12-il punt ta’ l-AA (l-Alcoholics Anonymous) fejn fl-ewwel punt trid tammetti li għandek problema. Peress li l-problema jkollha dimensjoni spiritwali trid temmen li Alla kapaċi jgħinek toħrog mill-problema ta’ adizzjoni li għandek. Ix-xogħol ta’ l-OASI jinqasam fi 3: Prevenzjoni, interventi fejn ikun meħtieġ u terapija – b’din ta’ l-aħħar l-aktar li tiswa żmien u flus. Meta xi ħadd ġdid javviċina l-OASI, il-professjonisti li jaħdmu magħha jassessjaw l-individwu għal saħħa fiżika u mentali biex jaraw xi programm l-aħjar li jaħdem għalih. Id-diffikultà bosta drabi tkun mhux li taqta’ mill-vizzju, kulħadd jista’ jingħalaq f’post fejn jinqata’ mill-ħajja tiegħu tas-soltu u minn dak li qed ijassru, iżda li jibqa’ sajjem minn dak li qed jagħmillu l-ħsara. Jeżistu bosta stejjer ta’ nies li kienu ilhom snin fuq snin li dehru li rażżnu l-addizzjoni u mbagħad jerġgħu jaqgħu għal dak li kienu qabel. Bħal min ikun attent għal marda taz-zokkor li jrid joqgħod attent kontinwament x’jixrob u x’jiekol, hekk ukoll min ikun għadda minn vizzju, irid joqgħod kontinwament attent għax ċirkostanzi jew persuni jistgħu jħassrulhom dak kollu li ħadmu għalih għal bosta snin. Iżda l-importanti li min ikun għaddej minn xi vizzju jkun kapaċi jagħraf il-problema li jinsab fiha u jkollu l-kuraġġ jitlob l-għajnuna. Min jitlob l-għajnuna u jkollu r-rieda jkun kapaċi jikkontrolla l-ġibda ħażina li jkollu.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Joseph Attard ta’ Triq it-Tiġrija tela’ fit-tifkira ta’ San Ġorġ Preca – li l-festa tiegħu kienet taħbat il-Ġimgħa ta’ wara 9 ta’ Mejju.


STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ ĠUNJU

Ser issir nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Nofs siegħa kollox li fiha tisimgħu messaġġ sabiħ u jkollna ċans ngħidu kelma bejnietna. Nieħdu gost niltaqgħu flimkien.

Mela ħabib tinsiex… nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju fit-8.15p.m. Wara jibqagħlek ħafna ħin biex toħroġ ma’ ħbiebek.


IL-YOUNGSTERS JIRBĦU L-GĦAXAR KAMPJONAT

Kien ta’ sodisfazzjon kbir għan-Nadurin kollha li l-Youngsters, proprju fl-istaġun li fih kienu qed jikkommemoraw il-50 sena tat-twaqqif tal-club, irnexxielhom jirbħu l-kampjonat Għawdxi għall-għaxar darba biex issa fuq il-jersey tagħhom, il-players ikollhom l-istilla li turi l-istorja glorjuża ta’ dan it-tim.

Kien kampjonat diffiċli imma bil-ħidma għalenija tad-diriġenti, kumitat, players, coach eċċ din il-ħolma sabiħa twettqet ukoll. Għax dejjem kienet il-ħolma li fil-50 annivesarju nirbħu l-kampjonat u miegħu d-dritt li jkollna l-istilla fuq il-flokk tagħna.

Kelma ta’ ħajr tmur lil dawk kollha li ħadmu għat-twettiq ta’ din il-ħolma. Prosit minn qalbna lil Mario Bonello li proprju fl-ewwel staġun tiegħu bħala coach, irnexxielu jtella’ dan l-unur fir-raħal tagħna. U l-istess kompliment ħaqqu Karistu Camilleri l-president li rnexxielu jbiddel il-club Naduri minn wieħed ta’ nofs il-klassifika għal tim rebbieħ ta’ kampjonat wara l-ieħor.

Barra l-kampjonat il-Youngsters rebħu wkoll l-Independence Cup.

Prosit ukoll lit-tim ta’ l-under 13 li bħall-kbar irnexxielhom ukoll jirbħu l-kampjonat tal-kategorija tagħhom.

Prosit u awguri għall-ġejjieni.


KELMET IL-BIBBJA LLUM

[Kristu qal:]

“...kull min jgħolli lilu nnifsu jitniżżel,

u min iniżżel lilu nnifsu jitgħolla.”

(Lq 14: 11)

Żewġ anzjani kienu qed jitkellmu

dwar l-għaqal li ġġib magħha l-età.

Wieħed qal:

‘Meta kont żgħir kont kburi.

Tort tal-kburija tiegħi

tgħidx kemm kont ninkwieta!

Kont il-ħin kollu naħseb

fuq x’setgħu jaħsbu fuqi l-oħrajn.

Meta kbirt u tgħaqqalt

għidt lili nnifsi,

‘Ma rridx nagħti kas x’jgħidu fuqi!’

U llum li jien ixjeħ u aktar għaqli

naf li ħadd ma kien jaħseb fuqi!”

 

X’qed iżommni milli nħalli lil ħaddieħor

isir jaf min tassew jien?

Hemm xi ħadd li jafni kif jien?

 

Aktar nistagħnew meta nuru

min tassew aħna

minn meta nippruvaw

nagħtu stampa

ta’ dak li ma aħniex.

FRANCOIS DE LA ROCHEFOUCAULD


IL-PLUVEROTT

Dik il-bajja kienet l-aqwa kalmant għalija. Kont nistrieħ u ninqata’ mill-ħalel tal-ħajja. U kien hemm li ltqajt magħha. Tfajla ta’ xi sitt snin, b’għajnejha aktar ċari minn baħar kalm u b’ġilda fina aktar minn pupa tal-porċellana. Kienet tkun dejjem f’burdata tajba u kien ikollha aptit titkellem għad li jien kont jew inbaxxi rasi nkella mmaqmaq xi sillaba minn taħt l-ilsien. Sempliċi pluverott ukoll kien iferraħha għax:

        “Dak ferħ. Ommi tgħidli li dawn l-għasafar iġibu l-ferħ.”

F’dak iż-żmien saħħet ommi kienet qed tnin bis-sigħat u kelli tensjoni ma’ ogħla s-smewwiet. Kont immur fil-bajja ‘tiegħi’ biex nistrieħ u lilha nsibha hemm ferħana aktar minn pluverott. Bejni u bejn ruħi kont naħseb kemm hi taċ-ċajt li x-xitwa dieħla u hi u ommha jgħixu f’dar ta’ villeġġjatura f’xifer il-blat. Riditni nilgħab magħha iżda ma kellix moħħha.

Tliet ġimgħat wara mort imbikki nħuf fil-plajja. U żgur daqskemm issib il-baħar sibtha hemm. Kienet safra aktar minn lelluxa u kieku kelli ngħid donnha qed taqta’ nifisha. Kulurha kien inbidel iżda anke qalbi kienet mibdula. Ommi kienet għadha kemm mietet!

        “X’għandek?” staqsietni b’innoċenza ta’ anġlu tari.

        “Mietet ommi!” u kif lissintha skandalizzajt ruħi x’kont qed ngħid lil daqsxejn ta’ tfajla.

        “Mela llum ġurnata ħażina!”

        “U lbieraħ, u lbieraħt lura u qabel u qabel… ħallini.”

        “Weġġajt?”

        “X’weġġa’?” b’nervi ta’ barri fferoċjat.

        “Meta mietet?”

        “Ma tafx!” u ħallejtha bla kliem u bla sliem.

Xahar wara, jew kważi, mort sal-bajja. It-tfajla ma kinitx hemm. Ħassejtni ħati, mistħi u stqarrejt miegħi nnifsi li kont qed inħoss in-nuqqas tagħha. Tlajt sa darha u ħabbatt il-bieb. Mara żagħżugħa b’dehra mixruba fetħitli l-bieb.

        “Hello. Jisimni Robert. Fejn hi bintek? Qed inħoss in-nuqqas tagħha. Dejjem kont naraha hawn!”

        “Idħol Peter, idħol. Wendy kienet tirrakkontali ħafna fuqek. Jekk f’xi waqtiet dejqitek jiddispjaċini.”

        “Le, anqas xejn. Għandha karattru tassew sabiħ,” u ħassejtni nemmen dak li kont qed ngħid.

        “Wendy mietet ġimgħa ilu. Kellha l-leukemia. Naħseb li qatt ma qaltlek.”

Naqasli n-nifs u nxħitt fuq l-eqreb siġġu.

        “Dejjem ħabbitha din il-bajja u meta ma kienx fadlilha tama ġibtha fejn kienet tkun dejjem ferħana. Imma fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha ddgħajfet ħafna. Ħallieltlek xi ħaga. Ippermettili nara nsibhiex.”

Ħassejtni ngħix f’dinja oħra. Ma kontx naf jekk hux għandi ħafna ħsibijiet inkella ma jien naħseb fuq xejn. Ġabitli invilopp b’ittri ta’ tifla miktubin fuqha ’Lis-Sur P.’ Ġewwa kien hemm tpinġija – bajja safranija, baħar kaħlani u għasfur kannella. Taħtu kien hemm ittri ċari ’PLUVEROTT BIEX JAGĦMLEK FERĦAN’.

Għajnejja ċċajpru bid-dmugħ. Għannaqt miegħi lil omm Wendy filwaqt li kulma stajt illissen kien:

        “Jiddispjaċini. Jiddispjaċini.”

Din it-tpinġija għamiltilha gwarniċ u dendiltha fl-uffiċċju. Daqsxejn ta’ tfajla wrietni x’inhuma l-valuri tal-ħajja. Ma hemm xejn isbaħ milli napprezzaw lil xulxin u lill-ħajja b’mod ġenerali. L-isbaħ ħwejjeġ fil-ħajja ma għandhomx prezz fi flus. Kulma jiġri, jiġri għal xi ħaġa.

Kemm nixtieqlek pluverott!!