+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Gunju 2009

numru 514

Kien jimxi fit-toroq prinċipali ta’ belt Taljana jdoqq biċċiet mużika u quddiemu platt biex fih jitfgħu xi flus dawk li jkunu għaddejjin u forsi jieqfu ftit jisimgħuh idoqq.

Iżda jum minnhom kif kien qed idoqq l-Intermezzo ta’ Mascagni, infetaħ bieb u ħareġ raġel imsaħħan. Jaqbad l-istrument u beda jdoqqu hu b’sengħa.

        “Prosit sinjur. Min inti jekk jogħġbok?”

        “Għall-informazzjoni tiegħek jien is-surmast Mascagni l-kompożitur tal-intermezzo li int kont qed iddoqq jew aħjar tħarbex.”

U kompla jgħidlu kif għandu jżomm it-temp biex joħroġ l-armonija tal-mużika li hu b’tant kura kien ikkompona.

Xi jiem wara Mascagni reġa’ ltaqa’ ma’ dan ir-raġel li kien għadu jħarbex l-Intermezzo tiegħu imma issa ħdejn kien hemm tabella mdaqqsa li kien fiha l-kliem:

        ‘Student tal-kompożitur Mascagni. Kien jgħallimni waħdi.’

In-negozjant jaħtaf kull okkażjoni biex iżid il-qligħ u jħaxxen bwietu. Mhux jaħasra li aħna naħtfu wkoll kull okkażjoni li tinqala’ biex intejbu ħajjitna… mhux biss materjalment imma anke spiritwalment.  Dan il-fuljett joffrilek stedina għal-laqgħa. Opportunità li tiġik biss 12-il darba fis-sena. Aħtafha għax tista’ tiswielek.


COFFEE BREAK - waqfa qasira fil-ġirja tal-ħajja mal-awtur Paulo Coelho

(Għaddejjin b’pass mgħaġġel wisq li kultant anqas iħallilna żmien nirriflettu. Dawn il-ħsibijiet qosra huma għal dawk li kapaċi jieqfu biex jiflu skop il-ħajja.)

Kien sinjur u kellu karovana

mimlija b’kull ġid.

Kien iqatta’ ljieli fid-deżert

iħares lejn is-smewwiet

bi trombi speċjali

biex jara jilmaħx xi kewkba ġdida

u jsir famuż għax ikun kixifha

u jagħtuha ismu

u hekk jibqa’ jissemma’.

 

U miegħu kellu seftur Għarbi

li la kien jaf jikteb u anqas jaqra.

U waqt li sidu kien ikun jgħarrex u jħuf

l-eluf ta’ kwiekeb

hu kien jintasab f’ġenb jistenna lil sidu

u f’dan il-ħin ta’ stennija

kien joqgħod għarkobbtejh jew bilqiegħda

fuq ir-ramel dehbi

jitlob b’ħerqa lil Alla tiegħu.

 

U s-sinjur darba resaq lejh

u ħasdu meta staqsieh

x’qed jagħmel.

 

“Qed naqra l-ktieb il-kbir li kiteb Alla.”

“Kif tista’ taqrah jekk inti ma tafx taqra?”

“Kotba oħra ma nafx naqrahom.

Imma ktieb il-Mulej

hu miktub b’lingwa li kulħadd jaf jaqra

anke dawk li bħali huma bla skola

għax bħalma ġojjell ikollu moħbi fih

isem min sawru u għamlu

hekk is-smewwiet

b’eluf ta’ dwal fiddiena

ixandru l-ħin kollu kobor min ħalaqhom

għax dawn ma setgħu qatt ikunu

xogħol il-bniedem.

 

U Coelho jistedinna

biex nibdew nisimgħu leħen Alla

fit-tkarwit tar-ragħad f’xi lejla xitwija

fil-kant sabiħ ta’ xi għasfur milwien

fit-tħaxwix ta’ xi nixxiegħa

naraw u nisimgħu lil Alla sidna

fil-ħolqien ta’ madwarna

fi sbuħija ta’ warda kkulurita

li qed iżżejjen rokna minsija u mistura

jew farfett b’għaxriet ta’ kuluri

mħallta flimkien b’sengħa u ħila

narawh fit-tjubija ta’ frotta bnina.

 

Imma dan kollu jiggostawh biss

dawk li jkollhom ħin jieqfu

mill-ġirja sfrenata li d-dinja tagħna

qed issuqna fiha

bla ma tħallina nieqfu ftit

għal coffee break ta’ ħsieb

fuq dak li hu dejjiemi.


ILEK   MA  TĦARES   LEJN  IS-SEMA?

jikteb Dr Coronato Grech M.D.

Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, medhijin kif aħna b’dettalji kbar u żgħar taċ-ċirkustanzi individwali ta’ ħajjitna, forsi ftit insibu ħin biex kultant nieqfu u nħarsu ’l fuq lejn is-sema. Imma jekk tagħmel dan issib li kuljum, lejl u nhar, hemm għaddejja panorama kontinwa u dejjem tinbidel ta’ fenomeni mill-iktar interresanti, sbieħ u ta’ serħan il-moħħ.

Bi nhar l-iktar oġġett ovvju fis-sema hija x-xemx, (ara Il-Ħbieb Isejħu ta’ Mejju - Lulju 1990) li, meta tiela’ jew nieżla’1 tidher ħamranija, ikbar u iktar ċatta.

Ir-raġuni għaliex meta qrib l-orizzont tidher iktar ħamranija ġejja min-natura tad-dawl u kif dan jiġi mferrex mill-atmosfera. Meta d-dawl tax-xemx, li jikkonsisti mill-kuluri kollha tal-ispektrum – aħmar, oranġjo, isfar, aħdar, blù u vjola - (ara Il-Ħbieb Isejħu ta’ Lul. – Ott. 1996), irid jgħaddi minn ħafna iktar saffi ta’ atmosfera, bħal meta x-xemx qiegħda qrib l-orizzont, il-kuluri vjola u blù jiġu assorbiti mill-molekoli u l-għabra tal-arja2, bir-riżultat li l-aħmar u l-oranġjo l-iktar li jaslu f’għajnejna.  Min-naħa l-oħra meta x-xemx qiegħda ’l fuq fis-sema, din tkun safra għax f’din il-pożizzjoni dan l-iktar kulur li jgħaddi mill-atmosfera3.  Kultant, l-iktar kull madwar ħdax-il sena, meta x-xemx tkun qrib l-orizzont4 jidhru bħal tbajja’ fuqha.  Dawn ma humiex xi sħab mill-atmosfera tagħna imma tbajja’ proprja f’wiċċ ix-xemx, maltempati manjetiċi enormi (ferm ikbar mid-dinja) li jidhru suwed għax huma f’temperatura inqas mill-bqija ta’ wiċċ ix-xemx5.

Ir-raġuni għaliex ix-xemx tidher ċatta meta qrib l-orizzont għandha wkoll x’taqsam mad-dawl. Dan għaliex l-atmosfera tgħawweġ id-dawl (fenomenu msejjaħ refrazzjoni) madwar il-kurvatura tad-dinja, effett li huwa l-iktar prominenti iktar qrib l-orizzont.  B’hekk in-naħa t’isfel tax-xemx tidher ’l fuq iktar u l-effett huwa li tidher ċatta. Riżultat ieħor interessanti tar-rifrazzjoni tad-dawl tax-xemx huwa li x-xemx, hija u nieżla, tkun diġà ’l isfel mill-orizzont, (b’madwar id-dijametru tagħha) meta għadha tidher; u viċi versa, filgħodu - tkun għadha ’l isfel mill-orizzont meta narawha tiela’.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li x-xemx6 tidher ikbar meta hija qrib l-orizzont hija biss illuzzjoni ottika – fil-beraħ tas-sema tintilef u tiċkien7.

Il-bdiewa u s-sajjieda, li huma forsi l-iktar nies familjari mal-fenomeni tal-atmosfera, għandhom ħafna proverbji fuq ix-xemx u temp, inkluż: “Xemx bajda tiġbed ix-xita’,  “Xemx ta’ Settembru tiftaħ il-bibien u r-rixtellu” u “Meta x-xemx tinżel fl-ixkora (sħab) turi maltemp. 

1 Dawn il-movimenti tax-xemx huma illużżjoni.  Fil-fatt hija d-dinja, bina fuqha, li qed iddur, bix-xemx stazzjonarja (tal-inqas relattivament mad-dinja) xi 150 miljun kilometru bogħod.

2 Wara xi sbruffatura enormi  ta’ vulkan (per ez Krakatoa fil-1883), it-tlugħ u l-inżul ix-xemx ikun spettakulari madwar id-dinja għal xhur sħaħ.

3 Inċidentalment ir-raġuni għaliex is-sema huwa blù wkoll għandha x’taqsam mad-dawl tax-xemx  u kif jigi mferrex fl-atmosfera, bil-kulur blù mferrex l-iktar.

4 L-uniku pożizzjoni li tista’ tara x-xemx mingħajr ħsara lill-għajnejn. 

5 Galileo (1564-1642), wieħed mill-ewwel li osservahom, kien kejjel il-movimenti tagħhom u sab kemm tieħu żmien ix-xemx biex iddur fuqha nnifisha (madwar 30 ġurnata qrib l-ekwatur).

6 U l-qamar.

7 Bħal biċċa tal-baħar x’ħin tvaraha.

 

(Dr Grech ikompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Lulju)


FORSI JINTERESSAWK

Opinjonijiet opposti

Fi Florida ftit qabel l-elezzjoni għall-President dehret għaddejja karozza u fuq in-naħa ta’ wara kellha żewġ ritratti kbar… taż-żewġ kandidati li kienu qed jikkontestaw. Min ra l-karozza skanta għax il-kandidati kienu kontra xulxin u allura ftit kienet tagħmel sens li sidha joħroġ iperreċ iż-żewġ kandidati. Imma meta l-karozza waqfet min kien qrib seta’ jara li fuq ritratt minnhom kien hemm il-kliem ‘l-għażla tiegħi’ u fuq l-ieħor ‘l-għażla tagħha’. Xhieda pubblika li kienu jemmnu li kulħadd għandu dritt għal fehemtu.


Il-ħsieb raġel ħażin

Tfajla dehret qed tpitter bi pram ħdejha. Ħabiba tagħha lemħitha f’nofs il-kampanja bil-pram ħdejha u stagħġbet bil-kbir. Fil-fatt qatt ma basret li kellha tarbija. Resqet qrib tagħha u selmitilha u dlonk ħarset fil-pram. Imma fiha sabet biss stoċċijiet taż-żebgħa, pniezel u tila. Meta ratha tistagħġeb ħabibtha qaltilha:

        “Il-pram taqdi żewġ funzjonijiet. L-ewwel waħda għax nġorr il-materjal fiha u t-tieni għax biha ħdejja ma jkunx hemm ġuvintur li joqogħdu jittentawni għax forsi jkunu jiffansjawni. U hekk inkun nista’ naħdem bil-kwiet.”

U seħbitha talbet lill-Mulej jħafrilha ta’ ħafna ħsibijiet li kienu għaddew minn moħħha f’dawk il-ftit sekondi qabel ħarset fil-pram. Ta’ qabilna kienu jgħidu: ‘Il-ħsieb raġel ħażin’. U hekk hu.


Ta’ min jippruvaha

Xi ħadd darba staqsa lil Dr Albert Schweitzer – benefattur kbir tal-foqra tal-Afrika – x’jista’ wieħed jagħmel biex ikun kuntent u dan il-bniedem magħruf qallu:

        “Agħti ftit minn ħinek lill-oħrajn. Agħmel xi ħaġa anke żgħira lil min ikun fil-bżonn. Xi ħaġa li tagħha ma tirċevix ħlas.”

Riċetta li lkoll nistgħu nippruvaw.


Inkwiet bla bżonn

Fl-Università ta’ Wisconsin sar survey dwar l-inkwiet u l-biża’ fil-ħajja. U nstab li 40% tan-nies jinkwetaw jew jibżgħu minn ħwejjeġ li qatt ma jiġru, 30% fuq ħwejjeġ li għaddew u li dwarhom ma nistgħu nagħmlu xejn u għalhekk qed ninkwetaw fuqhom għalxejn u 22% fuq ħwejjeġ li fil-fatt la għandhom ibeżżgħu u anqas jinkwetaw. Jibqa’ biss 8% mill-beżgħat u l-inkwiet li fil-fatt għandhom importanza f’ħajjitna. Ara daqsxejn kemm ninkwetaw għalxejn… minn kull mija ta’ nkwiet u beżgħat, tmienja biss huma reali!!


Talenti li jistgħu jintilfu

Meta twieled, il-majjistra qalet li t-tarbija ma tgħixx iktar minn ġurnata għax kienet dgħajfa ħafna. Ma mititx iżda veru kienet dgħajfa u għal xi żmien kellha tilbes kullar għax rasha kienet tegħlibha. Fl-iskola għamel żmien kien kważi l-aħħar fil-klassi. Sakemm għalliem intebaħ bil-moħħ fenomenali tiegħu meta rah jaħdem xi somom b’ħeffa kbira u tah attenzjoni speċjali. Stinka biex għalkemm fqir imur l-università u llum l-istorja tqisu bħala wieħed mill-ikbar imħuħ li qatt kien hawn fid-dinja. Ismu? Isaac Newton. Kost hux kemm talenti li jistgħu jibqgħu moħbija!


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IŻŻEWĠU

Mary Anne Muscat ta’ Triq Giuseppe Bonnici lil Philip Dingli (Xewkija).

 Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien, infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.


IL-LAQGĦA TA’ MEJJU

Kellemna s-Sur Ġorġ Cassar, ex-kap tal-Liċeo Għawdex u bħala suġġett kellu ‘L-Ordni’.  Peress li l-laqgħa ssir fil-qasam tal-MUSEUM, is-Sur Cassar beda b’parentesi minn ktieb awtobijografiku li għadu kemm ħareġ tal-Professur Oliver Friggieri u għaddielna l-paġni fejn l-awtur jagħtina l-istampa ta’ San Ġorġ Preca kif jiftakru hu. Huma paġni fejn l-awtur jurina r-rispett li kellhom lejn Dun Ġorġ. Dwar l-ordni s-Sur Cassar fissrilna kemm din hu importanti f’kollox. Meta nisimgħu l-kelma ordni faċli norbtuha mal-pulizija u l-ġustizzja. Meta fil-fatt l-ordni hija dik li żżomm kollox jaħdem sew. Anke s-sistema solari hija l-ordni li tagħmilha dak li hi – bir-rotot tal-pjaneti jgħaddu dejjem f’ordni perfett. Aħna personali, min-naħa l-oħra, jekk ma jkollniex qies fl-ikel nispiċċaw biex nagħmlu ħsara lil ġisimna. Nuqqas ta’ ordni fit-traffiku nispiċċaw neħlu u ħadd ma jista’ jgħaddi nkella noħolqu xi inċident serju. Nuqqas ta’ ordni fi skola żgur li ma jkunx hemm lok fejn wieħed jitgħallem. L-ordni tmiss mill-qrib ukoll il-ħajja spiritwali. Lil Alla rridu nagħtuh dak li hu tiegħu. Il-kmandamenti Alla tahomlna biex ħajjitna tkun aħjar. Ma għandiex inħossu l-ordni bħala xi ħaġa sikkanti iżda dik li tpoġġi kollox f’postu u tħallina niggostaw il-ħajja kif suppost. Nirringrazzjaw lis-Sur Cassar tal-laqgħa sabiħa li għamlilna u talli wriena kemm japprezza kull darba li jirċievi dan il-fuljett.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Joseph Meilak ta’ Triq Daħlet Qorrot tela’ fid-DVD dwar Dun Ġorġ.


STEDINA

għal-laqgħa ta’ Ġunju li ser issir nhar is-Sibt 6 tax-xahar fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Qed nieħdu gost immens li n-numru ta’ dawk iż-żgħażagħ u l-old boys li qed jattendu għal din il-laqgħa qed jiżdied minn darba għall-oħra. Jalla ma nħallux it-telqa u s-sħana tas-sajf ikissrulna dan ir-ritmu sabiħ li qbadna. Dawk li ġew darba qed ikomplu jiġu għax jieħdu gost. Mela ħabib jekk ilna xi ftit ma narawk agħmel reminder fuq il-mobile biex nhar is-Sibt fit-8.15p.m. tkun il-qasam tagħna tal-MUSEUM għal-laqgħa li diffiċli ddum aktar minn nofs siegħa. Ħajjar lil sħabek u dawk li xi darba kienu jattendu biex jiġu wkoll. Fuq il-bullettin tal-parroċċa ikun hemm min ser jagħmel il-laqgħa. Wassalna l-messaġġ lil bosta kelliema li żgur jogħġbuk imma meta qed ikun stampat il-fuljett għadu ftit kmieni biex jikkonfermaw. Jiġi min jiġi ibqa’ ċert li tieħu gost.

Mela ħabib nhar is-Sibt 6 ta’ Ġunju fit-8.15 p.m.


Nawguraw il-festa t-tajba lin-Nadurin kollha

Il-festa tkun tajba meta nqaddsu dawn il-ġranet bi qrara sinċiera u tqarbina.


FUQ IL-PASSI TA’ SAN PAWL

Mela jekk intom

qomtu ma’ Kristu,

fittxu l-ħwejjeġ tal-ġenna,

fejn hemm Kristu,

qigħed fil-lemin ta’ Alla.

(Kol 3: 1)

 

Tfajla xtrat vażun sabiħ

u poġġietu fil-kamra tagħha.

Is-sbuħija tal-vażun

uriet il-kruha tal-kamra.

Naddfet il-kamra u żebgħetha.

Imbagħad ħaslet it-twieqi

u għamlitilha purtieri ġodda.

Ksiet l-art biċ-ċeramika

u xtrat tapiti ġodda.

Bil-mod il-mod il-kamra nbidlet

f’xi ħaġa li tgħaxxqek –

sabiħa daqs il-vażun.

Bl-istess mod Pawlu jgħid

lill-Kolossin biex jibdlu qalbhom

f’xi ħaġa sabiħa – sabiħa

daqs Kristu li issa qed jgħix fihom.

 

X’nista’ nagħmel f’qalbi

li tista’ tibdilha fi Kristu

li jgħammar fiha?

 

Il-ħażen isib daru

fejn is-sbuħija hi mwarrba

u l-kruha nkoronata.

Calvin Miller, The Finale


Dr Michael Galea PhD itemm l-artiklu li beda fil-ħarġa ta’ Mejju

Problemi indirizzati Internament

        Dawn huma problemi fejn persuna turi r-rabja tagħha lejha nnfisha, ’il ġewwa flok ’l barra. Żewġ kundizzjonijiet speċifiċi huma problemi tal-ikel u dipressjoni.

        Fost il-problemi marbuta mal-ikel, insibu Anorexia Nervosa (astinenza mill-ikel), Bulimia (tiekol u tneħħi), u Binge Eating (tiekol b’mod goff u irregolari). Dawn il-problemi jistgħu jwasslu għall-mewt, speċi ta’ suwiċidju bil-mod. Huma problemi serji, li jolqtu iktar lit-tfajliet. Hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-kawża/i, però hu maħsub li idea baxxa tal-identità u tal-apprezzament tal-persuna nnfisha għandhom ħafna x’jaqsmu ma’ dan it-tip ta’ problemi. Dettalji rigward problemi marbuta mal-ikel jingħataw f’artiklu iktar ’il quddiem.

        Xi ngħidu għad-Dipressjoni? Spiss hi mifhuma bħala rabja ’l ġewwa, lejna nfusna stess. Hi komuni fost l-adoloxxenti u adulti żgħar, apparti kategoriji oħrajn. Ħafna żgħażagħ li għandhom dipressjoni jistgħu jkollhom storja fil-familja ta’ dipressjoni, bullying, jiġu njorati minn sħabhom b’mod spiss, idea baxxa tagħhom infushom, eċċ. It-tfajliet ibatu mid-dipressjoni iktar mill-ġuvintur. Ta’ min jiċċara li d-dipressjoni hi kundizzjoni serja ħafna, u taf twassal għas-suwiċidju, b’mod speċjali jekk ikun hemm nuqqas kbir ta’ tama fil-ħajja, esperjenzi kiefra, u opportunità. Bla ebda dubju, kull meta jissemma s-suwiċidju jew mewt minn xi ħadd li għaddej minn xi kriżi, kbira kemm hi kbira, tajjeb li neħduh bl-ikbar serjetà u nagħtu kasu sew.

Problemi fl-Iżvilupp Intellettwali u Soċjali

        Tissejjaħ Ritardazzjoni Mentali (mental retardation). Soltu mifhuma bħala kundizzjoni li fiha persuna jkollha IQ baxx (inqas minn 70). Tidher permezz ta’ problemi ta’ adattazzjoni, żvilupp fqajjar, u nuqqas ta’ maturità. Din il-kundizzjoni, bħal kull problema oħra, tista’ tkun kemm akuta u severa jew moderata.

        Il-kontra ta’ ritardazzjoni mentali, terminu li ftit għadu jintuża llum, hu dawk it-tfal li jkunu gifted, jew b’intelliġenza superjuri f’xi qasam jew talent tal-ħajja. Dawn ikollhom IQ għolja, ferm iktar min-normal. Dawn huma dawk li kapaċi jadattaw ħafna maċ-ċirkustanzi tal-ħajja, huma kreattivi, spontanji, kapaċi jitgħallmu ferm malajr, u flessibli.

 

Problemi ta’ Komunikazzjoni u Awtiżmu

          Dawn huma problemi li jolqtu b’mod dirett kif naħsbu, nifhmu, inħossu l-emozzjonijiet tagħna, u nikkomunikaw mal-oħrajn u mad-dinja madwarna. Sintomu ċar fost dawn il-problemi hu d-diffikultà biex wieħed jirrelata soċjalment, u lingwaġġ limitat ħafna. Persuni b’din il-kundizzjoni jista’ jkollhom ukoll xi ritardazzjoni mentali.

          Fost il-kundizzjonijiet li jaqgħu taħt dan it-tip ta’ problemi nsibu l-Awtiżmu (forma severa u difficli ferm), l-Asperger Syndrome (forma iktar moderata), Rett Syndrome, u oħrajn.

Tfal subien ibatu ferm iktar bl-Awtiżmu mill-bniet. L-ewwel sintomi soltu jkunu meta tifel ma jirreaġixxix għall-imħabba tal-omm. Sinjali oħra jistgħu jkunu:

              tfal ma jżommux kuntatt bl-għajnejn

              ma jidħkux għal affarijiet li tfal oħra jsibuhom tad-daħk

              jesprimu emozzjonijiet b’mod esaġerat

              ma jaqrawx l-emozzjonijiet/burdati u l-lingwaġġ non-verbali ta’ dawk madwarhom

jitħarrku b’mod ripetut

              jaġixxu b’mod ossessjonat

        Spiss huma l-ġenituri li l-ewwel jindunaw li binhom jew binthom mhix tikkomunika magħhom kif normalment jiġri (unresponsiveness). Hemm trabi li jidhru differenti sa mit-twelid, oħrajn li donnhom jiffissaw ħarsithom lejn oġġett għal ħin twil wisq. Jista’ jiġri anke li tfal li jitwieldu normali, jaqgħu f’din il-kundizzjoni u jinbidlu, jisktu, u jibdew ma jweġbux għal stimoli madwarhom.

          Teżisti kura għal dawn it-tfal? Bħal kull kundizzjoni oħra, hemm bżonn li l-informazzjoni kollha dwar il-persuna b’din il-problema tinġabar u tiġi analizzata minn professjonisti, ħalli l-aħjar trattament, terapija u mediċini jingħataw għall-ikbar effettività.