Jannar 2007 - Harga Nru 485
+ L-Iben t'Alla sar Bniedem

Meta r-raġel abjad rifes fil-kontinent Afrikan u beda dieħel ’il ġewwa, bogħod mill-baħar qalb il-ġungla u l-boskijiet tal-kontinent, iltaqa’ ma’ bosta tribujiet li kollha kellhom id-drawwiet tagħhom. U fost dawn id-drawwiet tissemma dik imsejħa tal-fjura tar-rebbiegħa. L-ewwel fjura ta’ l-istaġun. Min kien jilmaħ din il-fjura kien ikollu sena sħiħa ta’ ikel għall-familja tiegħu.

 U sena minnhom kien daqsxejn ta’ tfajjel li lemaħ din il-fjura mxabbta ma’ l-eħrex dagħbien. Raha imma ma setax iġibha għax kienet f’nofs is-sies. Ried jiddendel għaliha minn fuq. Imma twerwer meta sħabu qalulu li lesti jniżżluh bil-ħabel u meta jaqtagħha jmur u jippreżentaha lill-kap tat-tribù.

 Iżda ħarsa lejn dak id-dagħbien fond u sewdieni… mimli għollieq u ġebel ippuntat, qatgħulu qalbu. Dlonk wasal missieru li meta sar jaf bis-sejba ma xtaqx jitlef dak il-premju… ta’ sena ikel għall-familja kollha. Anqas ried jitlef lil ibnu li nzerta l-kbir u li kien iħobbu ħafna. Imma xorta qallu:

             “Ibni sena ikel għall-familja tagħna tfisser ħafna. Inżel għall-fjura u inżommlok il-ħabel jien. F’idejja tkun fis-sod!”

U t-tifel bla ma ħasibha xejn resaq lejn tarf is-sies, intrabat kif kien tgħallem jagħmel minn età żgħira u ħalla lil missieru jniżżlu biex jaqta’ l-fjura. U meta qatagħha tela’ ferħan biex imur jippreżentaha lill-kap tat-tribù.

 U sħabu staqsewh:

             “Għaliex meta ridna nniżżluk aħna bżajt u meta qallek missierek inżilt bla ebda biża’?”

             “Għax kont ċert li missieri ma kienx ser iħallini naqa’.”

 Mhux jaħasra li jien u int ikollha l-istess fiduċja f’Missierna tas-sema. Kemm ikun awgurju sabiħ għas-sena l-ġdida!


XENI MINN TREJQET IL-ĦAJJA

 

Għalhekk sabiħ il-Vanġelu

għax għad li għaddew minn fuqu elfejn sena

ġrajjietu għadha tirrepeti ruħha.

 

Kienet tifla fuq tagħha

U issa li saret xebba

Riedet tkun rajja f’idejha

ma riditx indħil

X’ħin toħroġ... u x’ħin tidħol...

ma’ min qed tagħmilha...

 

Missierha kellu fehma oħra

U sakemm kienet taħt saqaf daru

ried li jżommilha.

Ma setgħetx tagħmel li trid

bħallikieku hu ma kienx jeżisti.

 

U fl-aħħar ix-xebba xebgħet

ħalliet nota qasira u telqet tgħix ħajjitha

eluf ta’ mili bogħod minn raħal twelidha.

 

Ittra jew tnejn fil-bidu

imbagħad sikta ta’ qabar.

Qatt iktar ma semgħu aħbarha.

 

Għaddew ix-xhur... is-snin

u t-tfajla xebgħet tgħix ħajjitha

biegħet ġisimha biex ikollha x’tiekol

u dawk li darba stqarru li jħobbuha

warrbuha u rmewha.

bħalma narmu lumija magħsura.

Weħidha kienet tibki xortiha.

Xtaqet li damet iktar f’dar missierha u ommha.

Xtaqet li kienet iktar għaqlija.

Xtaqet li tmexxi lura l-arloġġ.

 

“Niktbilhom,” qalet darba

bejnha u bejn ruħha

u hekk għamlet u indirizzat l-ittra lil ommha

għax fehmet li taħfrilha aktar malajr minn missierha.

Qaltilha li ġejja lura

Tatha l-ħin tal-wasla

u n-numru tat-titjira...

u spiċċat l-ittra:

‘U jekk missieri ma jridnix lura

ma jimportax... nifhem li jkun ħaqqni

u nerġa’ lura lejn il-post fejn qed noqgħod issa.’

 

Iżda meta waslet f’art twelidha

u ħarġet mis-sala l-kbira bil-bagalji

ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha

għax quddiemha rat lil missierha u ommha

ħutha subien u bniet, qraba, kuġini,

neputijiet, ħbieb, ġirien u sħabha ta’ dari

u f’idejhom kartelluni mlewna

kollha bl-istess kelma ‘MERĦBA’.

 

U missierha ġera lejha

ħaddanha miegħu

u qalilha fost l-ilfieq li nstema’ sewwa

“Isa... għax illejla rridu nagħmlu festa!

 

U jekk missier bid-difetti kollha

kapaċi jaħfer

kemm iktar jaħfer DAK

li hu l-istess tjubija

 


DR CORONATO GRECH M.D. itemm l-artiklu

IL-MAĠIJA TAL-KULURI

Fid-dinja ta’ l-arti l-kuluri huma ċentrali ħafna. L-eqdem stampi kkuluriti nstabu f’għerien f’Lascaux fi Franza u Altamira fi Spanja u għandhom xi 15,000 sena! L-Eġizzjani minn madwar 4000 sena ilu, kienu qed jużaw ħafna kuluri speċjalment aħmar u blù, waqt li l-Persjani kienu famużi għal-lapis lazuli (blù brillanti) u l-Feniċi għall-vjola li kienu jġibuh minn ċertu bebbux, u li fuqu għal żmien twil kellhom monopolju; u tant kien rari li kien riservat għall-familji rjali1. Madanakollu l-varjetà ta’ kuluri għall-artist tista’ tgħid li bdiet għall-bidu tas-seklu 15 mill-aħwa Fjammingi Jan u Hubert van Eyck. Artisti oħra esperimentaw ukoll, kultant b’riżultati diżastrużi. Per eżempju ‘L-Aħħar Ċena’ ta’ Leonardo da Vinci bdiet titfi hekk kif kienet lesta, u kemm Joshua Reynolds (li uża l-bitumen) u Thomas Gainsborough (li uża ħafna terpentina) għarrqu xi xogħlijiet tagħhom. Imma ġeneralment ir-riżultati huma mpressjonanti u ta’ kreatività kbira – mill-geġwiġija ta’ kuluri ta’ xi maltempata ta’ Turner, għat-tektik puntillista ta’ Monet; jew anke n-nuqqas ta’ kuluri fil-chiaroscuro ta’ Caravaggio. Anke fl-iskultura l-artist barra li ovvjament jista’ jiżbogħ l-istatwa (anke bid-deheb) jista’ joħroġ dan l-effett billi jnaqqas iktar fil-fond u jirranġa daqsxejn id-dwal. Xi artisti barokki bħal Bernini ġieli kienu jagħżlu rħam naturali diġa’ kkulurit.

U kultant tiltaqa’ ma’ kuluri fejn l-inqas li tistennihom: fid-dinja subatomika u fis-sema iswed ta’ bil-lejl! Dawk tad-dinja subatomika ma humiex litteralment veru imma l-iżgħar partiċelli li sa issa nafu bihom, il-quarks, tawhom ismijiet ta’ kuluri biex jiddistingwu karatteristiċi bażiċi2.

Għalkemm fis-sema iswed ta’ bil-lejl il-kwiekeb jidhru biss bħala tikek bojod, però daqsxejn osservazzjoni tajba turi li xi wħud minnhom huma daqsxejn ikkuluriti3. Fost l-eżempji prominenti nsibu Capella daqsxejn safranija, Arcturus oranġjo-safra; Sirius u Vega fl-abjad blù; Mu Cephei aħmar skur (il-garnet star) u Antares u Aldebaran fl-aħmar. Fost il-pjaneti, Mars hija distintament ħamranija4 waqt li, ferm inqas ovvja, Neptune tagħti lemħa ħadranija. L-ispektrum imbagħad huwa ċentrali fl-Astronomija. Bi studju dettaljat ta’ din l-istrixxa kkulurita ta’ dawl tax-xemx, kwiekeb, galassiji, nebuli eċċ, nistgħu nkunu nafu dawn minn xiex huma magħmula, jekk humiex resqin jew jitbiegħdu u b’kemm veloċità, jekk humiex iduru fuqhom infushom, għandhomx effetti manjetiċi eċċ. Dan barra li dan l-ispektrum tana wkoll mezz ta’ klassifikazzjoni tal-kwiekeb kif ukoll indikazzjoni ta’ l-evoluzzjoni tal-kwiekeb, tal-galassiji u ta’ l-univers innifsu. Ma humiex konklużjonijiet żgħar dawn, u kollox minn studju ta’ daqsxejn strixxa ikkulurita ta’ dawl. Intant, anke fl-ibgħad reġjuni ta’ l-ispazju ta’ issa għadna ma ltqajniex ma’ xi kuluri differenti.

U allura l-kuluri jidher li ser jibqgħu magħna, aktarx anke waqt l-irqad. Inti toħlom bil-kulur?

1 L-Ingliz Henry Perkins (1838-1907) meta kien ghadu kwazi student fil-kimika, darba qaleb xi fliexken u b’kumbinazzjoni harget tahlita sabiha ta’ vjola li minnufih studjaha u minnha hareg kuluri ghall-hwejjeg u sar sinjur kbir.

2 B’kollox hemm 18-il quark differenti li ghandhom sitt flavours u tlett kuluri (ahmar, blù u ahdar). Ta’ min jerga’ jirrepeti li dawn ma humiex xi kuluri veri.

3 Fil-kwiekeb dawn il-kuluri jirriflettu t-temperatura, b’dawk hamranija f’temperatura inqas minn dawk bojod-blù.

4 Mhux b’kumbinazzjoni ssemmet ghal alla Ruman tal-gwerra.


FORSI JINTERESSAWK

 

Kulħadd importanti

 Fil-film ‘Lawrence of Arabia’ hemm xena li fiha Lawrence u sħabu kienu qed jaqsmu d-deżert u ħakmithom maltempata tar-ramel. F’daqqa waħda ntebħu li seħibhom Jasmin – raġel marid u ta’ ftit importanza għall-espedizzjoni, infired minn mal-grupp. Kien mitluf waħdu f’dik il-maltempata tal-biża’. Ħafna ddeċidew li jibqgħu sejrin għax ‘dak bih u mingħajru xorta… anzi aħjar mingħajru’. Iżda Lawrence ma rraġunax hekk. Issogra ħajtu. Reġa lura f’nofs il-maltempata sakemm sabu. Għal Lawrence ma kien hemm ħadd għar-rimi.

 Kemm iktar għall-Mulej m’hemm ħadd għar-rimi imma kollha kemm aħna jħobbna b’imħabba tal-ġenn!   


Skond għalfejn

Bernard Shaw kien awtur ċelebri imma assolutament ma riedx li l-kotba tiegħu jiġu studjati fl-iskejjel:

           “Nisħet minn qiegħ qalbi lil dak jew dawk li jdaħħlu xi ktieb li ktibt fil-kurrikulu ta’ l-iskola. Nibża’ li nkun mibgħud daqskemm hu mibgħud Shakespeare. Il-kotba tiegħi qatt ma ridthom iservu ta’ għodda ta’ tortura.”

 Għax ngħiduha kif inhi… hemm differenza taqra għall-pjaċir u taqra bilfors għax trid tkun ippreparat għal xi eżami!


Is-saħħa ta’ kelma

Fil-1896 il-Professur Samuel Langley kien qed juża fondi ta’ l-università biex joħloq l-ewwel ajruplan. U fil-fatt irnexxielu jagħmel mudell żgħir li seta’ jitla’ mill-art u jżomm fl-arja għal tul ta’ ħin. Żgur li kien il-bidu ta’ kixfiet kbar oħra. Iżda ġurnalist fin-New York Times kisser kull progress meta attakka bla ħniena dawn l-esperimenti ta’ Langley:

           ‘Sur Langley nitolbuk biex il-fondi ta’ l-università tużahom għal esperimenti iktar utli u li tagħti lill-istudenti tagħna materjal iktar ta’ ħtieġa fil-ħajja flok dan il-logħob li qed timlilhom rashom bih.’

 Ftit snin wara l-aħwa Wright komplew dawn l-esperimenti fl-avjazzjoni. Immaġina d-dinja tal-lum bla ajruplani!

 Kelma tista’ tkisser ħolma… u kelma tista’ twettaq ħolma. Ejja nkunu bennejja flok qerrieda ta’ ħolmiet l-oħrajn. 


Risposta f’waqtha!!

  Kien qatta’ ħafna snin fuq il-baħar. U sikwit kien jiftaħar dwar dak li għadda minnu. Darba qal:

           “…il-vapur intlaqat. Kulħadd għereq. Jien biss salvajt u kelli nqatta’ erbat ijiem fuq landa tas-sardin.”

           “Mela kienet landa kbira biex felħitek!” qatagħlu kliemu xi ħadd mis-semmiegħa.   

 


 “Jekk tieħu riħ u tibla’ ħafna mediċini tfiq f’ġimagħtejn

Imma jekk ma tieħu xejn għandek kważi ħmistax-il ġurnata marid.”

Gloria Silverstein


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

 

IL-LAQGĦA TA’ DIĊEMBRU

 Gie jkellimna s-superjur Joe Fenech. Bena l-lezzjoni interessanti tiegħu fuq kemm hi prezzjuża l-ħajja. Xortina tajba li twelidna. Xejn ma hu isbaħ mill-ħajja. Illum eluf u eluf kuljum ma jarawx id-dawl tax-xemx għax, għal xi raġuni jew oħra, jispiċċaw maqtula mill-istess ommijiethom. Hija l-ironija tas-soċjetà moderna. Avvanzajna f’kollox. Nieħdu ħsieb kollox iżda tarbija f’ġuf ommha ma għandha l-ebda drittijiet. Annimal spiċċa li għandu drittijiet aktar minn esseri uman. Ħares ftit lejn il-liġijiet ta’ pajjiżi kbar. Miskin int jekk jaqbduk issawwat annimal (niftehmu ħażin ħafna tkun qed tagħmel) imma mbagħad l-istess pajjiż joffrilek kollox biex itemm tqala li ma hijiex mistennija. L-abort iħalli effetti psikoloġiċi f’kull min ikun imdaħħal fih. Mhix ċajta x’ħin tpoġġi rasek fuq l-imħadda tiftakar li ma ħallejtx bniedem jitwieled. Dan jikkonfermawh dawk in-nisa li f’xi waqt f’ħajjithom ħadu din id-deċiżjoni kerha. Mara kienet kitbet f’gazzetta lokali li għaliha saret xi ħaġa li ma tistax tissaportiha li meta tmur biex torqod tisma’ vuċi interna tgħidha “Ma għax qtiltni.” Statistiċi mediċi jgħidu li mara li tkun għamlet abort għandha 80% aktar ċans li jaqbadha cancer. Meta nħawdu man-natura aħna ser immorru ħażin għaliex DAK li għamilna kien jaf eżatt x’qiegħed joħloq u aħna qatt ma nistgħu neħdulu postu. U issa anke l-uniċità ta’ kull wieħed minna hi mhedda bil-cloning. Meta nbagħbsu man-natura nkunu qed nilagħbu ma’ saħħitna. Jekk f’ħajjitna ma ndaħħlux lil Alla jkollna ħafna u ħafna vojt. Min għandu kollox u ma għandux lil Alla ma għandu xejn u min ma għandu xejn u għandu lil Alla għandu kollox.

 Ħajr lil Robert Borg – barman tal-każin tal-Youngsters – tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Fredu Attard ta’ Triq San Ġwann tela’ fil-benniena bil-bambin li tellajna peress li kienet l-aħħar laqgħa qabel il-Milied.


STEDINA GĦALL-FARSA TA’ SPIRU

nhar is-Sibt 6 ta’ Jannar 2007 fis-7.15p.m. Din is-sena jisimha…

SPIRU U L-ĦARES

L-old boys ukoll huma mistiedna għal din ir-rappreżentazzjoni. Wasslulhom din l-istedina għal daħka flimkien tal-bidu tas-sena biex it-tliet rappreżentazzjonijiet l-oħra nħalluhom għall-bqija tan-nies.

 Mela ħabib ejja int u ħajjar lil ħbiebek u sħabek jiġu wkoll. Narawkom is-Sibt 6 ta’ Jannar 2007 fis-7.15p.m.   


IL-BIBBJA FIL-ĦAJJA TAL-LUM

  [Abraham u Lot vjaġġaw flimkien

Iżda kif l-imrieħel

u l-familji tagħhom kibru

Ma kienx fadal biżżejjed

fejn jirgħu l-bhejjem.]

“Mela qamet ġlieda…

Abraham qal lil Lot….,

‘Jekk int tmur lejn ix-xellug,

Jiena nżomm lejn il-lemin,

U jekk int tieħu l-lemin,

Jien immur lejn ix-xellug…’”

{Ġen 13: 7-9}

 

Il-mexxej kbir Afrikan Paul Kruger

Kien jgħix fil-bidu tas-seklu għoxrin.

Darba sejħulu biex jaqsam

Art bejn żewġ aħwa miġġielda.

Peress li f’din l-art kien hemm

Għoljiet, għadajjar u minjieri

Intebaħ li kull kif jaqsam

Kien ser jinbet l-inkwiet.

Kruger ħaseb fil-fond fuq il-problema.

Imbagħad ġieh ħsieb f’moħħu.

Sejjaħ lill-aħwa flimkien

U ordna lill-wieħed jaqsam l-art

U ta lill-ieħor id-dritt li jagħżel l-ewwel.

 

Kif inġib ruħi waqt argumenti

Li jinqalgħu madwari?

Kif insolvi l-problemi?

 

Il-post biex tkun ferħan hu hawn.

Iż-żmien li tkun ferħan issa.

Il-mod li tkun ferħan

hu li tferraħ lill-oħrajn.

ROBERT C. INGERSOLL  


IĊ-ĊAGĦAK

Ħafna u ħafna snin ilu, bidwi kellu l-isfortuna ta’ dejn ma’ wieħed li kien jislef il-flus.

 Dak li jislef – raġel mill-agħar – kellu grazzja ma’ bint il-bidwi. Peress li l-bidwi ma kellux mnejn iħallas id-dejn, is-selliefi ħareġ bi proposta.

 Qal lill-bidwi li hu lest li jaħfirlu d-dejn kollu jekk iżewġu lil bintu. Iżda kemm il-bidwi kif ukoll bintu ma ħadux gost b’din l-idea. Ix-xebba ma kellhiex grazzja miegħu u jsallabha għal għomorha ma kinitx ħaġa li ħadet gost biha. Għalhekk is-selliefi, ħażin daqs lupu, ippropona li jħallu l-providenza taqta’ x-xorti tagħhom. Qalilhom li hu ser jagħmel ċagħka bajda u oħra sewda f’borża tal-flus vojta.

 Imbagħad il-bint kellha ttella’ waħda minnhom.

1. Jekk ittella’ s-sewda hi tiżżewweġ lis-selliefi u d-djun ta’ missierha jinħafru.

2. Jekk ittella’ l-bajda ma jkollhiex tiżżewġu imma d-dejn ta’ missierha xorta jinħafer.

3.   Jekk ma tkunx trid ittella’ ċagħka missierha jittieħed il-ħabs.

 Kienu għaddejjin minn mogħdija ċagħkija fl-għelieqi tal-bidwi. Kif kienu miexja s-selliefi tbaxxa u ġabar żewġ ċagħkiet. Minn taħt għajnejha x-xebba ntebħet li kien ġabar tnejn suwed u tefagħhom fil-borża. Imbagħad qal lit-tfajla biex ittella’ waħda.

 Issa aħseb ftit li kieku int kont minflokha f’dik il-għalqa.

 X’kont tagħmel?

Kieku talbitek parir, x’kont tgħidilha?

X’ħin taħseb ftit kellha tliet possibiltajiet:

1. Tirrifjuta li ttella’ ċagħka.

2. It-tfajla turi li ried iqarraq biha għax fil-borża xeħet żewġ ċagħkiet suwed.

3. It-tfajla ttella’ ċagħka sewda u toffri lilha nnifisha biex missierha jinħeles mid-dejn u possibilment ħabs.

Ieqaf ftit biex taħseb fuq din l-istorja. Din biex turina d-differenza bejn ħsibijiet differenti u kif tiftaħ tieqa anke meta kollox jidher mitluf. Il-problema tat-tfajla ma tistax issolviha bil-metodi tradizzjonali tal-ħsieb. Ara ftit minn xiex kien ikollha tgħaddi kieku ħadet waħda minn dawn it-tliet toroq li semmejna qabel.

X’kont tgħidilha biex tagħmel?

Mela, dan hu dak li għamlet hi….

Ix-xebba daħlet idha fil-borża u ħarġet ċagħka. Bla ma ħarset lejha hi ħallietha taqa’ minn idha u b’hekk intilfet fost l-oħrajn li kien hemm fl-art.

           “Uff!! Kemm jien bla grazzja wkoll!” qalet. “Imma tinkwetaw xejn, jekk inħarsu lejn dik li fadal fil-borża nintebħu x’kont tellajt.”

Peress li dik li kien fadal kienet sewda, għandna naħsbu li dik li tellgħet kienet bajda. U billi s-selliefi żgur li ma kienx ser jammetti d-diżonestà tiegħu, it-tfajla rnexxielha ddawwar sitwazzjoni li dehret impossibli f’waħda favorevoli għaliha u għal missierha.

Għalhekk ħabib meta tħossok li wasalt ma’ ħajt imkaħħal aħseb ftit mill-ġenb ta’ moħħok u jekk tuża sewwa dak li għandek taħt l-iskutella ta’ rasek kapaċi toħroġ b’soluzzjoni kif xtaqtha oriġinarjament.

Awguri għal sena kif tixtieq qalbek!