
|
+L-Iben t'Alla sar Bniedem Jannar 2009 numru 509 Kienu turisti ta’ ftit skola. Marru flimkien ġita fl-Ewropa. Jiġru minn pajjiż għall-ieħor jistagħġbu b’dak li jaraw u iktar b’dak li jgħidilhom il-gwida. Tagħrif li huma qatt ma kienu semgħu bħalu… artijiet li huma qatt ma kienu jafu li jeżistu… drawwiet li qatt ma basru li kienu popolari. U darba l-kowċ għaddiethom minn raħal qrib il-baħar. U raw xi ħaddiema jitfgħu ġettijiet qawwija ta’ ilma lejn l-aerials tat-television. Din kienet xi ħaġa li kienu jagħmlu ta’ spiss għax billi kienu joqogħdu viċin il-baħar dawn l-aerials kienu jittappnu bil-melħ u r-reception ma kinitx tibqa’ ċara. Imma l-ġettijiet ta’ ilma kienu jneħħu l-melħ u l-istampa tat-television tgħidx kemm kienet tiċċara.
“Insaqquhom biex jikbru. Tiegħi kien imiss mal-bejt. Ara issa kemm kiber.” U dlonk urihom aerial mogħla sular jew iżjed. It-turisti mistagħġbin ħarġu l-cameras tar-ritratti biex jibqgħalhom tifkira ta’ din il-meravilja u telqu ferħanin lesti li jirrakkontaw x’kienu raw tal-għaġeb fil-pajjiż li kienu żaru. Kemm ħmerijiet naċċettaw bħala verità għax ‘hekk kulħadd qed jgħid’ jew ‘hekk qal it-television’ jew ‘hekk qrajt fil-gazzetti’. Ejja nidraw nagħżlu bejn il-qamħ u s-sikrana… bejn is-sewwa u l-gideb. COFFEE BREAK - waqfa qasira fil-ġirja tal-ħajja mal-awtur Paulo Coelho (Għaddejjin b’pass mgħaġġel wisq li kultant anqas iħallilna żmien nirriflettu. Dawn il-ħsibijiet qosra huma għal dawk li kapaċi jieqfu biex jiflu skop il-ħajja.)
L-awtur Paolo Coelho jħares lejn lapes sempliċi u jikxef fih 5 kwalitajiet:
Il-lapes kapaċi jikteb opri kbar… ta’ mużika, ta’ letteratura, ta’ kultura iżda mhux waħdu. Miegħu jrid ikun hemm ukoll l-id ta’ sidu tmexxih biex iniżżel dak li l-imgħallem iridu jikteb. Hekk aħna… l-Imgħallem lest li jmexxina f’mergħat kollha ħdura basta nħalluh.
Il-lapes kultant ikun irid min jerġa’ jittemprah għax inkella ma jkunx jista’ jikteb. Aħna wkoll bħal-lapes
kultant
ikollna nduqu esperjenza qasira
tal-ittemprar meta ngħaddu minn ġrajjiet li jweġġgħuna xi ftit. Imma jekk nagħrfu ngħixuhom inkunu iktar ippreparati għall-ħajja.
Il-lapes ikollu f’tarf minnhom gomma żgħira għax jemmen li faċli għalih li jiżbalja. U hekk iħassar l-iżball u jibda mill-ġdid. Mhux hekk nagħmlu aħna meta nitolbu maħfra lill-Mulej u Hu jifraħ li rritornajna u b’qalb kbira iħaddanna miegħu biex jurina li ħafrilna u l-iżbalji tagħna tħassru u ntesew?
Il-qawwa u l-effiċjenza ta’ lapes ma tinsabx fid-dehra ta’ barra. Imma fil-faħma ta’ ġewwa il-kuluri u s-sinjali ta’ barra għad li attraenti ma jżidu xejn mal-effiċjenza tal-lapes. Bħall-bnedmin! L-apparenzi ta’ barra ftit jgħoddu - li jgħodd hu l-kwalitajiet ta’ ġewwa ħniena, imħabba, rispett u l-bqija.
Il-lapes meta jikteb iħalli warajh tifkira tajba jew ħażina skond il-kitba miktuba. Bħalna! Għax għemilna u kliemna jibqgħu warajna u jħallu bħal lapes tifkira ta’ dawl jew dlam ta’ ferħ jew niket ta’ qawwa jew dgħufija.
Kos hux waqfa żgħira quddiem lapes ta’ ftit ċenteżmi tiftaħlek orizzonti fejn tagħraf kemm tista’ ttejjeb ħajtek. Basta jkollok ħin tieqaf ftit mill-ġirja sfrenata tal-ħajja. Deni ta’ żiemel... ( jew ta’ fellus!) jikteb Dr Coronato Grech M.D.
Wieħed mis-sinjali li l-ġisem huwa marid huwa li jinħass sħun iktar mis-soltu, jew dak li ngħidu ‘għandu d-deni’. Għaliex?
Il-kontroll tat-temperatura huwa fil-moħħ, f’parti msejħa ipotalamu, u hemm ċerti mekkaniżmi biex it-temperatura tibqa’ ottima, dik ta’ 37 grad Celcius. Per eż. jekk il-ġisem jiksaħ il-muskoli jibdew jiċċaqalqu (rogħda) u dan jipproduċi sħana, waqt li jekk jisħon iżżejjed glandoli fil-ġilda jipproduċu l-għaraq li x’ħin jevapora jieħu s-sħana. Anke d-demm, fis-sħana jitla’ taħt il-ġilda li ssir ħamranija u b’hekk tintilef iktar sħana, u għal kuntarju fil-kesħa jinżel ’l isfel u din tibjad u tikħal. Għaliex tiżdied it-temperatura fil-mard? L-ewwelnett it-temperatura mhix dejjem u kullimkien l-istess. Ġeneralment din tkun daqsxejn inqas filgħodu u daqsxejn iktar filgħaxija. Ukoll fil-abt hija madwar nofs grad Celcius inqas mill-ħalq u fil-warrani jerġa’ grad iktar. In-nisa mbagħad ikunu nofs grad iktar waqt u wara l-ovulazzjoni. Però f’mard bħal infezzjoni, meta l-ġisem ikun qed jiġġieled l-invażjoni ta’ mikrobi b’ħafna iktar reazzjonijiet aċċelerati, dawn jgħollu t-temperatura ġenerali b’mod speċjali fil-parti infettata. Dan huwa d-deni u bħala sinjal u sintomu huwa tajjeb sakemm ma huwiex esaġerat u qed jittieħdu passi oħra (eż. tindif tal-ferita, antibijotoċi, eċċ) kollox sew. Meta huwa ħafna, u speċjalment fi tfal taħt 5 snin fejn jista’ jikkaġuna aċċessjoni) irid jitniżżel bit-tixrib ta’ ilma jew mediċini (eż. paracetamol). Meta d-deni jibda jbatti jkun sinjal li l-ġisem qed ifiq.
Għaliex 37
grad Celcius? L-istorja tal-kejl tad-deni hija interessanti.
L-Eġizzjani, Griegi, Rumani u Wieħed mill-ewwel li applika l-użu tat-termometru regulari fil-mard kien it-tabib Ġermaniż Carl Wunderlich (1815-77) avolja t-termometru kien twil xi 30 ċentimetru u jdum 20 minuta biex ikejjel. Iktar tard tabib Ingliż, Clifford Albutt (1836-1925) għamel termometru ta’ 15-il ċentimetru u jieħu temperatura f’10 minuti. Għall-bidu, madwar s-seklu 17, nies bħal Robert Boyle, Robert Hooke, u Isaac Newton, ippruvaw ħafna tipi ta’ kejl u sustanzi differenti (eż. żejt, butir, ilma u alkoħol) biex ikejlu t-temperatura, imma fost l-iktar influenti baqa’ dak Fahrenheit. Kejl ieħor influenti kien dak tal-Isvediż Anders Celcius (1701-44) li kien żero meta l-ilma jagħli u 100 meta l-ilma jgħaqqad. Iktar tard, fi Franza, dawn inbidlu u ġew dawk tallum, żero meta s-silġ jinħall u 100 meta l-ilma jagħli. F’dan il-kejl it-temperatura tal-ġisem hija 37 grad Celcius. U ż-żiemel tat-titlu tal-artiklu fiex jidhol? Interessanti li fost il-mammiferi u l-għasafar il-bniedem għandu waħda mill-inqas temperaturi. Iż-żiemel huwa f’temperatura ta’ 37.6 grad Celcius, baqra 38.3, qattus 38.6, nagħġa 39, ħanzir 39.2, fenek 39.5, mogħża 39.9, u fellus 41.7. Allura jekk trid tgħid li xi ħadd għandhu veru deni qawwi, kważi fatali, ikun iktar loġikament li tgħid li għandu ‘deni ta’ fellus!’ FORSI JINTERESSAWK Provi fuq provi
Fil-ħajja
ta’ l-avukat famuż Lloyd Stryker, li kien raġel godli u mibni b’saffejn,
naqraw li Meta l-kawża kienet qed tinstema’ fil-qorti, l-avukat Stryker esebixxa s-sellum, tela’ fuqu u tgħidx kemm sabbat b’saqajh biex juri kemm kien sħiħ is-sellum. Iżda f’daqqa waħda s-sellum ma felaħx għal tant daqqiet u nqasam. Il-preżenti tgħidx kemm daħku. Anki l-maġistrat daħak ukoll. Imma l-avukat Lloyd ma daħakx. Qam mill-art u kompla d-difiża hekk: “Qed tara sur imħallef kemm tajt b’saqajja qabel ma kissirt is-sellum. Issa tinsiex li jien niżen id-doppju ta’ din li qalet is-sellum kien żlugat. Kieku veru kien żlugat taħseb li kien idum tant biex jinkiser bija?” Il-maġistrat tah raġun u s-seftura baqgħet ma ħadet xejn. Mhux faċli trekken avukat!
Saċerdot ħassu jinfixel meta tarbija kienet qed tibki u twerżaq waqt l-omelija. Ma riedx idejjaq lill-familja imma xorta ma setax ikompli jispjega. Allura ra kif għamel u mexxa d-diskors lejn il-ħarba tal-familja mqaddsa lejn l-Eġittu u qal il-kliem li l-anġlu qal lil Ġużeppi: “Qum, ħu miegħek it-tifel u lil ommu u aħrab lejn l-Eġittu!” Jekk il-missier ħax is-suġġeriment l-istorja ma tgħidx.
Drawwiet u
ġudizzji foloz Fiċ-Ċina kien hemm użanza li waqt xi ikla, il-mistednin jitfgħu l-għadam u l-qxur fl-art. Mhux b’disprezz lejn is-sid jew għax nieqsa mill-manjieri tajba iżda għax b’hekk kienu juru li huma jemmnu li s-sid hu sinjur kbir u għandu servi biżżejjed biex inaddfu dak li huma jkunu jħammġu. Iktar ma jħallu ħmieġ warajhom iktar qed juru kemm jemmnu li min stedinhom għandu nies iseftrulu. Kemm kien sinjur kbir! Mhux għalhekk hu diffiċli tgħaddi ġudizzji fuq għemil il-bniedem qabel ma tkun taf l-istorja kollha. U kultant anke meta tkun tafha. Il-ġudizzju aħjar inħalluh għal Dak li jagħraf il-qalb u quddiemu kollox għeri. Bżieżaq tas-sapun
“Il-president Amerikan… li rebaħ ix-xemx u razzan il-qamar…” Kemm inkunu redikoli meta nonfħu lill-bnedmin iktar milli suppost biex taparsi ninħabbu u nintgħoġbu. AĦBARIJIET TA’ INTERESS IŻŻEWĠU
Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien. IL-LAQGĦA TA’ DIĊEMBRU Rajna DVD tal-play ‘Kont għajjien u erfajtuni’ li kienet saret bħala parti mill-programm tal-knisja ta’ nhar il-Milied 1992. Hija dwar familja li tinħolqilha problema nhar il-Milied meta l-ġenituri jridu jmorru għall-party ta’ neputi filwaqt li binhom il-kbir – li kien ser jerfa’ fil-bambin – ma riedx joqgħod ma’ ħuh żgħir li kien marid. Għalxejn jippruvaw jikkonvinċuh il-ġenituri għaliex għall-ebda raġuni ma ried jitlef l-opportunità li jerfa’ fil-purċissjoni tradizzjonali tal-bambin. Kien il-prefett tiegħu li permezz ta’ storja urieh x’għandha tkun il-ġerarkija tal-valuri. Irrakkontalu l-ġrajja ta’ patri li kien dejjem jitlob li jara l-Mulej u darba deherlu fil-kamra tiegħu. Iżda x’ħin kien f’nofs il-ferħa jċempel il-bieb u ħalla l-Mulej f’kamartu u telaq jara min ħabbat. Dam ma rritorna għax il-bżonnjuż ma għandux ħin u l-patri skanta kif il-Mulej baqa’ jistennieh. Qallu li baqa’ jistennieh għaliex kien pront mar qeda lil min kien jeħtieġ l-għajnuna. U hekk kellu jagħmel it-tfajjel tal-istorja tagħna. Jekk joqgħod ma’ ħuh id-dar ikun eqreb milli x’ħin jerfa’ dak tal-ġibs. Dawk preżenti ħadu gost b’din il-play u l-pjaċir tagħna kien li nilqgħu daqstant old boys għal-laqgħa. Il-laqgħa tagħna hija dejjem miftuħa għalihom anke jekk mhux possibli li nibagħtu l-fuljett lilhom kollha. Int, għażiż żagħżugħ jekk taf lil xi ħadd li xi darba kien jattendi l-MUSEUM ħajru jibda jiġi għal din il-laqgħa. Iktar ma nkunu aħjar. Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Anton Said ta’ Triq Wied Binġemma tela’ fil-bambin ġol-benniena.
nhar is-Sibt 3 ta’ Jannar 2009 fis-7.15p.m. Din is-sena jisimha… SPIRU… il-bidwi tas-sena L-old boys ukoll huma mistiedna għal din ir-rappreżentazzjoni. Wasslulhom din l-istedina għal daħka flimkien tal-bidu tas-sena biex it-tliet rappreżentazzjonijiet l-oħra nħalluhom għall-bqija tan-nies. Mela ħabib ejja int u ħajjar lil ħbiebek u sħabek jiġu wkoll. Narawkom is-Sibt 3 ta’ Jannar 2009 fis-7.15p.m. fuq il-PASSI ta’ SAN PAWL [San Pawl jikteb:] Mil-Lhud ħames darbiet ħadt l-erbgħin daqqa tas-swat neqsin waħda; tliet darbiet kont imsawwat bil-virgi; darba mħaġġar… 2 Kor 11: 24-25
L-istilla
tat-tennis Alice Marble qamet fil-jum li kellu jkun il-glorja tagħha: kienet qed tilgħab fil-finali ta’ Wimbledon. Imbagħad ħadet il-qatgħa ta’ ħajjitha. Ħasset uġigħ kbir fl-istonku. Minuti wara t-tabib qalilha li kellha muscle maqtugħ. Meta Alice nsistiet biex tilgħab it-tabib qalilha li kien kollu ġenn. Aktar tard kitbet: “Qatt ma ninsa… dik il-logħba. Ma’ kull daqqa… kelli aptit inwerżaq.” Iżda Alice baqgħet tilgħab sa ma rebħet quddiem ir-Reġina u 20,000 spettatur li ma ndunawx minn xiex kienet għaddejja.
Ir-rieda ta’ Marble li tbati biex tirbaħ u ta’ Pawlu li jbati għal Kristu jġagħluni nara kemm jien lest li nsofri biex inwassal is-saltna ta’ Alla.
Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom turija biex timxu warajh. 1 Pietru 2:21 DR MICHAEL GALEA PhD ikompli s-sensiela ta’ artikli dwar problemi fit-tfulija… Problemi tal-Attenzjoni
Din il-kundizzjoni li tidher li hi ereditarja, taffettwa ċelloli fil-moħħ fejn donnu jibqgħu ma jimmaturawx, ħlief f’xi każi iktar tard fil-ħajja. Riċerka fil-moħħ ta’ persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni turi livelli baxxi ta’ kimiċi importanti (imsejħa neurotransmitter substances), liema livelli huma responsabbli biex messaġġi fil-moħħ minn ċelloli għal ċelloli ma jgħaddux. Dan jikkawża problemi fl-attenzjoni (inkun naf x’qed jiġri madwari, bħalissa), u fil-konċentrazzjoni (kapaċità li tiffoka fuq ħaġa waħda biss fl-ambjent tiegħi, minkejja kull ħsejjes u oġġetti oħra). L-ADD toħloq problemi kemm fl-attenzjoni u kemm fil-konċentrazzjoni. Diffikultajiet fl-attenzjoni joħolqu distrazzjoni u nuqqas ta’ kwiet. Diffikultajiet fil-konċentrazzjoni twassal għal fantasiji, spiss perikolużi. Minbarra dan, insibu tfal li flimkien mal-ADD, jistgħu jkunu attivi żżejjed. Dawn soltu ikunu mimlija enerġija estrema b’waqfien ta’ mistrieħ ftit li xejn. Dan iwassal biex ħafna affarijiet li jkollhom jitwettqu (xogħol tal-iskola, eċċ) jibqa’ ma jsirx, jew ma jsirx f’ħinu. Tfal b’din il-kundizzjoni spiss ifattruha qabel jaħsbuha! Dan jista’ faċilment jinvolvihom f’riskji u f’inċidenti. Fost il-kumplikazzjonijiet li tfal u persuni bl-ADD/ADHD jgħaddu minnhom, insibu dawn li ġejjin. Problemi fil-koordinament fiżiku Tfal u persuni bl-ADD isibu diffikultà fil-koordinament fiżiku tagħhom. Hemm tliet forom kbar ta’ koordinament: Moviment Fiżiku Kbir (imsejjaħ Gross Motor Movement, bħal mixi, ġiri, qbiż, eċċ) Moviment Fiżiku Żgħir (imsejjaħ Fine Motor Movement, bħal taqfel lazz, buttuni, eċċ) Koordinament bejn l-għajnejn u s-saqajn (titfa’ ballun), jew bejn l-għajnejn u l-idejn (taqbad ballun). Tfal bl-ADD spiss isibu diffikultà f’waħda (jew iktar) minn dawn il-koordinamenti fiżiċi. Problemi fid-Diskors Ħafna tfal bl-ADD isibu xi diffikultà biex jesprimu ruħhom. Issib min ibati biex jartikola ruħu (‘pisgetti’ flok ‘spagetti’), problemi fl-istruttura ta’ sentenzi (‘I ball the catch’), fis-sekwenza ta’ ħsejjes u fonemi t’ittri (‘r’ imħawda ma’ ‘l’). Spiss ikun hemm ukoll kitba fqira fix-xogħol tal-iskola. Problemi ta’ Memorja Ħafna tfal bl-ADD isibu problemi bil-memorja awditiva, imsejħa anke memorja qasira (short-term). Per eżempju, issib min jinsa malajr dak li jkun intqal lilu u allura jispiċċa ma jismax l-istruzzjonijiet. Problemi ta’ Personalità Fost dawn, insibu: Problemi ta’ inflessibilta’ (liema problemi jwasslu għal frustrazzjoni fost tfal bl-ADD) Problemi ta’ kunfidenza baxxa (li jistgħu jaffettwaw l-andament akkademiku, soċjali u żvilupp sħiħ tal-persuna) Dipressjoni (iktar komuni fost is-subien) Problemi ta’ Maturità Soċjali. (Dr Galea jtemm dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Frar 2009) |