+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Jannar 2010

numru 521

Għalliem tas-Sixth Form ħa grupp ta’ studenti jaraw esebizzjoni Ċiniża li kienet inġabet Malta. Tissejjaħ ‘Esebizzjoni tal-qalbiena siekta’.

 Xi bdiewa Ċiniżi waqt li kienu qed iħaffru bir fl-għelieqi tagħhom fl-1974 iltaqgħu ma’ sejba sensazzjonali. Sabu taħt l-art armata ta’ 7000 suldat tat-terrakotta u magħhom żwiemel u karettuni tal-gwerra tal-istess materjal. Din hi meqjusa waħda mill-ikbar sejbiet arkeoloġiċi tad-dinja. Uħud iqisuha meravilja mondjali.

Illum nafu li dawn is-suldati kienu jiffurmaw parti mill-armata li l-ewwel Imperatur Ċiniż Qin Shi Huang ried li jgħassu qabru meta hu jmut u jiġi midfun. Riedhom ħdejh għax għad li kienu tat-terrakotta kien jemmen li joffrulu kumpanija u assikurazzjoni li ħadd ma jagħmillu xejn meta jkun qed jgħix il-ħajja ’l hemm mill-qabar. Kienu ilhom midfunin hemm iktar minn 2200 sena qabel ma nstabu u naturalment uħud minnhom kienu ġarrbu ħafna ħsara. Tant li t-tiswija fuq xi persunaġġi għadha sejra sal-lum. U min jaf kemm baqgħalha biex titlesta għal kollox.

Żiemel minnhom instab imkisser f’iktar minn 1500 biċċa u damu jaħdmu fuqu 7 snin qabel ma reġgħu sawruh kif darba kien.

Wara li qalilhom dan kollu l-għalliem talab liż-żgħażagħ jirrakkuntaw fuq l-esebizzjoni u wieħed minnhom kitiblu hekk:

        ‘L-esebizzjoni għallmitni li l-bniedem tal-qedem kien jemmen f’ħajja wara l-mewt.  U li meta ħaġa tkun għażiża tibqa’ għażiża anke meta tinkiser.’

U għax aħna għeżież quddiem il-Mulej anke meta nitkissru bl-iżbalji u d-dnub ma jarminiex imma b’sengħa, ħila u kura jerġa’ jġibna fis-sura oriġinali tagħna… dejjem jekk inħalluh. U hekk inkunu lesti iktar għal dik il-ħajja li l-bniedem dejjem ixxennaq għaliha… anke qabel il-miġja ta’ Kristu.


IEQAF FTIT U STRIEĦ FIL-PJAN TARAĠ IL-ĦAJJA

Marilyn Monroe kienet famuża.

Artista msemmija

li isimha biss kien ifisser li miljuni ser jaraw il-film

li fih tkun qed taħdem.

 

Kienet bint familja fqira

kellha tfulija iebsa

bla missier

u omm marida

u hi għal ħafna żmien kellha tgħix

għand familji barranin

li ma kienu jiġu xejn minnha.

 

Iżda riedet issir famuża

u minn hawn u minn hemm irnexxielha.

Saret l-iktar attriċi popolari ta’ Hollywood

b’eluf ta’ ittri jaslulha kull ġimgħa

minn ammiraturi mid-dinja kollha.

 

Il-films tagħha

Don’t bother to knock

Gentlemen prefer blondes

Monkey business

Bus Stop u Sever Year Itch

kienu jissejħu talk of the town.

 

Iżda Marilyn ma kinitx kuntenta.

Forsi għax beżgħet li ma tibqax popolari għal dejjem

Forsi għax qatt ma kienet imħejjija għal tant suċċess

Il-fatt jibqa’ li kienet tħoss vojt fil-ħajja.

 

Kellha ħafna relazzjonijiet wara li temmet

l-ewwel żwieġ tagħha ma’ Joe di Maggio

forsi l-uniku raġel li ħabbha tabilħaqq

imma li hi warrbet bl-iskuża

li riedet tgħix ħajjitha

u di Maggio ma kienx qed iħalliha tgħixha.

 

Waqgħet f’dipressjoni kbira.

Donnha ma riedet tkellem lil ħadd.

Ma riedet taf b’ħadd.

Ħafna diretturi tal-films bdew iwarrbuha

għax ma setgħux joqogħdu

għal tant nuqqas ta’ dixxiplina.

Tiġi fuq is-sett meta trid u x’ħin trid.

Riedu aktar serjetà u impenn.

 

Imbagħad fl-4 ta’ Awwissu 1962 tard filgħaxija

Marilyn ċemplet lil ħabib tagħha.

Ħabib li kien kumpann tagħha għal xi żmien

u qaltlu: “Għadni kemm blajt bott pilloli.”

U dan kalm kalm weġibha:

“Ruħi qalbi għalija tista’ tibla’ kemm trid

għax ftit inħabbel moħħi.”

 

It-telephone nqata’.

U l-għada d-dinja saret taf li

Marilyn Monroe kienet instabet mejta.

 

Ieqaf ħabib

fi pjan it-taraġ tal-ħajja

U quddiem din il-ġrajja kiebja

ifli li l-apparenzi jafu jqarrqu.

U li kelma ta’ kuraġġ

lil min ikun għaddej mill-iebes tal-ħajja

jistgħu jibdlu disperazzjoni f’tama

dlam ċappa jinbidel f’żerniq ġdid.


JANNAR

jikteb Dr Coronato Grech M.D.

L-ewwel xahar tas-sena.  Jibda meta kważi għadna sejrin biċ-ċelebrazzjonijiet sbieħ tal-Milied. Imma Jannar ifakkarna wkoll li għaddiet sena oħra u kemm iż-żmien dejjem għaddej.  Rari jiġi l-ewwel tas-sena mingħajr daqsxejn nostalġija u daqsxejn  riflessjoni fuq iż-żmien u l-mortalità.

Jannar huwa msemmi għal alla Ruman Janus (jew Ianarius) meqjum minn xi 400 qK sa xi 400 wK. Fil-mitoloġija jingħad li jieħu ħsieb il-bibien1 u l-bidu tal-affarijiet. Fit-talb kienu jibdew bih, anke qabel dak il-kbir Ġove, u kien imfittex fil-bidu ta’ ħafna affarijiet, gwerer inklużi.  Fl-istatwi huwa skolpit  b’żewġ uċuh opposti, wieħed biex iħares lura u l-ieħor għal quddiem, b’muftieħ f’idu l-leminija u b’bastun fix-xellugija. Il-festi tiegħu kienu jsiru għall-bidu  tas-sena2.

Madanakollu Jannar ma kienx dejjem l-ewwel xahar tas-sena. Kien fir-riforma tal-kalenderju li għamel Ġulju Ċesare fis-sena 46 qK, li Jannar mill-ħdax-il xahar bi 30 ġurnata, żdiditlu ġurnata oħra  u tpoġġa l-ewwel3.

U pajjiżna, Mediterranju u fil-biċċa l-kbira Kattoliku, għandu tradizzjonijiet festi u għajdut għal dan iż-żmien tas-sena.

Jannar tista’ tgħid huwa l-eqqel tax-xitwa bil-ġranet fost l-iqsar u l-iljieli l-itwal, u spiss ikun il-maltemp (f’Jannar stenna xita, ksieħ u nar (beraq)) u ksieħ ( il-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild ta’ ħmar).  U mhux biss Jannar imma anke x-xahar ta’ warajh (Jannar kiefer u Frar għandu d-dwiefer)4Għalhekk aħjar li f’Jannar agħlaq in-nagħaġ fil-għar. Ix-xita ta’ Jannar hija tajba :  Ix-xita ta’ Jannar traxxix il-bżar (demel).  Madanakollu xita żejda hija ta’ ħsara (Meta Jannar huwa lewwiemi, ma tarax bidwi hieni).

Jannar huwa wkoll żmien il-mard, l-iktar dak respiratorju jew virali (Dehxa ta’ Jannar (ħosba) fawra (rash) lewn in-nar) li l-iktar li jolqot huwa lix-xjuħ (f’Jannar ix-xiħ jew fis-sodda jew fl-isptar).  Għall-qtates imma huwa żmien ta’ attività oħra  (Jannar ma jħallix qattusa d-dar).  

Fil-kalendarju Kattoliku mbagħad hemm festi importanti li jibdew fil-bidunett (twelid Jannar huwa mfakkar minn kull kampnar).  Skont ir-riforma, mill-1969 l-ewwel ta’ Jannar sar iddedikat lil Marija Omm Alla. Qabel kienet il-festa taċ-ċirkunċiżjoni ta’ Ġesù (li tneħħiet mill-kalendarju fil-1974). L-ewwel Ħadd (meta mhux l-ewwel tas-sena) imbagħad huwa l-festa ta’ l-Epifanija u t-tieni Ħadd dik tal-Magħmudija ta’ Ġesù.

U hekk, bejn festi u divertiment, u xogħol u tgergir, il-ġranet malajr igerbu u malajr ikollna ngħidu  ‘Diġà għadda xahar mis-sena!’.  Jannar ikun spiċċa.

1 Ianus   ‘bieb’  bil-Latin.

2 Il-Ħindi wkoll għandhom, fost mijiet ta’  allat,  lil  alla  Vayu, rappreżentat  b’żewġ  uċuh biex iħares lura u ’l quddiem u wkoll jitolbuh qabel jibdew l-affarijiet. Ukoll f’Jannar, fil-15, għandhom il-Makara Sakranti, festival kbir tal-ħasil fix-xmajjar speċjalment dik Ganges meqjusa l-iktar qaddisa.

3 Għalhekk, per eżempju Diċembru (mill-Latin decem - għaxra) ma baqax skont ismu.

4 F’dawn l-aħħar snin ix-xejra hija li l-xtiewi jkunu inqas kesħin minn dari. Jekk din hijiex tendenza temporanja jew le diffiċli tgħid. Intant, il-qawl ‘Is-sajf  ta’ Jannar għana tal-bidwi u tal-fqar’ ma tantx għadu jgħodd, kemm minħabba t-temp u kemm minħabba it-titjib soċjali.


FORSI JINTERESSAWK

Meta ma tridx... ivvinta skuża

Il-kittieb J Perry jirrakkonta li darba rċieva telefonata u min ċempel staqsieh:

        “X’ħin jibda l-aħħar film?”

Perry wieġbu li għandu numru ħażin għax tiegħu kienet dar privata mhux sala taċ-ċinema. Imma min ċempel kompla jgħidlu:

        “Iva, ilu li beda nofs siegħa. Ħażin, darb’oħra naħsbu qabel.”

U Perry jkompli jirrakkonta:

        “U jien ġibt quddiem għajnejja raġel ipoġġi bilqiegħda quddiem it-televiżjoni waqt li martu teqred u tgerger li l-aħħar film jibda kmieni wisq. Mur għidilha!”

Meta l-bniedem ma jkunx irid jagħmel xi ħaġa tgħidx kemm kapaċi juża mezzi biex jasal għall-fini tiegħu.


Kos, tgħid għaliex?

F’monasteru Franġiskan fl-Istati Uniti nstab safe kbir u ħdejh noti ta’ tagħrif kif jinfetaħ. Tidher taċ-ċajt li ssib noti kif tiftaħ safe li suppost minnu nnifsu għandu jinżamm magħluq. Imma n-noti huma bil-Latin u min għamilhom irraġuna u qal:

        “Biex ikun jaf il-Latin irid ikun qassis u la hu qassis (jew aħjar patri) fil-kunvent għandu dritt jiftaħ dan is-safe.”

Kos hux, kull storja jkollha storja u għalhekk qabel naslu għall-ġudizzju aħjar nisimgħuhom it-tnejn. U aħjar minn hekk aħjar ma nagħmlu ġudizzju xejn!


Għalliem ta somma lit-tfal…

‘Jekk ħames baqriet jipproduċu 15-il gallun ħalib kuljum, kemm iridu ġimgħat 12-il baqra biex jipproduċu 504 gallun?’

Ma setgħux jikkopjaw u allura skanta tassew meta madwar 8 studenti mhux biss ġabuha ħażin iżda kellhom l-istess riżultat. Imbagħad intebaħ li t-tfal kienu qiesu l-ġimgħa fuq ħamest ijiem… is-Sibt u l-Ħadd għalihom kienu vaganzi… u allura vaganzi wkoll għall-baqar.

Tiskanta kultant kif id-dinja tagħna nagħmluha d-dinja ta’ kulħadd. Jekk lilek idejqek il-ħalib taħseb li kulħadd għandu jdejqu l-ħalib. Jekk lilek togħġbok il-mużika hard rock tiskanta kif ma togħġobx lil kulħadd. Sewwa kieku nidraw nimxu fiż-żarbun tal-oħrajn qabel ma naslu għal konklużjoni.


Attent miż­żgħir

F’California siġra kbira li kellha 400 sena u li rat xtiewi qliel u maltempati qawwija waqgħet f’daqqa… f’jum ta’ riħ iżda mhux ta’ maltemp qawwi. Sabu li z-zokk kien imħawwaħ kollu minn insett żgħir imsejjaħ white ants. Kultant difetti żgħar jeqirduna jekk ma neħdux ħsiebhom. Għax difett kbir tarah u jħasbek imma nuqqasijiet żgħar għandna ħila naċċettawhom bla ma nintebħu fejn jistgħu jwassluna.


Żewġ sorijiet dehru jitkellmu ħdejn il-vann li kellhom:

        “Sister Maria, suq int u nitlob jien.”

        “Għaliex sister Maria? Mela ma għandekx fiduċja f’talbi?”


 

AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IŻŻEWĠU

Miriam Grima ta’ Triq il-Madonna ta’ Lourdes Philip Portelli (Għasri).

Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien, infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.


IL-LAQGĦA TA’ DIĊEMBRU

Konna lejlet it-tieni Ħadd tal-Avvent u naturalment il-lezzjoni kienet marbuta mal-festa li konna qegħdin nippreparaw għaliha… il-Milied. Kellemna s-superjur Ivan Farrugia u bħala spunt għal-lezzjoni interessanti li għamlilna ħa żewġ figuri li narawhom f’kull presepju… ir-rieqed u l-għaġeb. Semmgħalna recording ta’ ġrajja ta’ żewġ aħwa.. Reuben ir-ragħaj il-kbir kien dejjem moħħu x’ser jagħmel, jistagħġeb quddiem il-meravilji tan-naura u jinteressah kollox filwaqt li Benjamin iż-żgħir xejn ma kien jinteressah ħlief l-irqad. U hekk sabithom il-ġrajja tal-Milied lil dawn iż-żewġ aħwa. Mat-twelid tal-Messija Reuben induna li kien hemm moviment f’dawk l-inħawi u ngħaqad ma’ ragħajja oħrajn ifittex it-tarbija u meta sabha adoraha u taha rigal. Iżda meta mar lura u qal b’kollox lil Benjamin l-ħin kien għadda u għalxejn iż-żgħir iddispjaċih għaliex l-okkażjoni kien tilifha. Hekk ukoll aħna hemm bżonn li f’sens tajjeb nixbhu lill-għaġeb. Sfortunatament donnu għandu konnotazzjoni ħażina imma fil-fatt li tistagħġeb, tiskanta quddiem dak li Alla għamel għalina hija ħaġa tajba. Fid-dinja tal-lum donna kollox drajna. Għalina kollox sar ta’ kuljum. Iżda sewwa li nieqfu ftit u naraw x’għamel Alla għalina. Sar bniedem. Iċċekken għall-ġid tagħna u wriena xi jfisser umiltà. Hu l-ikbar mument fl-istorja tal-bniedem meta Alla sar wieħed minna. Jekk nieqfu ftit insibu ħafna fuqhiex nistagħġbu f’din il-ġrajja li tant smajnieha li xi ftit tilfet is-seħer tagħha. B’hekk il-Milied ma jkunx għadda bħal kull festa oħra imma jħalli fina l-ġid. Min jorqod ma jindunax bil-kobor li jkun għaddej hemm barra!

Ħajr lil Robert Borg tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa u lil Angelo Muscat ta’ Anġlu bar taż-żewġ vouchers għall-pizza li tellajna. Messew bix-xorti lil Fredu Rapa ta’ Triq San Ġwann u lil Timothy Portelli ta’ Triq Wied Binġemma.


STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ JANNAR – IL-FARSA TA’ SPIRU

nhar is-Sibt 2 ta’ Jannar 2010 fis-7.15p.m.

Din is-sena jisimha…

FIERA FIL-GĦALQA TA’ SPIRU

L-old boys ukoll huma mistiedna għal din ir-rappreżentazzjoni. Wasslulhom din l-istedina għal daħka flimkien tal-bidu tas-sena biex it-tliet rappreżentazzjonijiet l-oħra nħalluhom għall-bqija tan-nies.

Mela ħabib ejja int u ħajjar lil ħbiebek u sħabek jiġu wkoll. Narawkom is-Sibt 2 ta’ Jannar 2010 fis-7.15p.m.


IS-SENA T-TAJBA


GĦADU JSEJJAĦ ANKI LLUM

U qal il-Mulej lil Mosè:

“Arani, sa nibagħtilkom xita ta’ ħobż mis-sema…

[il-Lhud] tieklu l-laħam…”

U filgħaxija deher fil-għoli summien

li għatta l-kamp…

{Eżodu 16: 4, 12-13}

 

Snin ilu

n-National Geographic

ippubblikat dan il-fatt:

“Kull sena

qtajjiet enormi ta’ summien

itiru fuq il-Mediterran

u l-Baħar l-Aħmar

fi triqthom

bejn l-Afrika u l-Ewropa.

Anki llum,

il-bedwini tal-peniżola tas-Sinaj

jaqbdu t-tajr għajjien

wara titjira twila fuq l-ilma.”

 

Xi qarrejja tal-Bibbja jaħsbu

li Alla nqeda bi ħwejjeġ bħal dawn

biex jitma lil-Lhud -

b’kumbinazzjoni –

fi żmienhom fid-deżert.

 

Qattx ħassejt l-id ta’ Alla

fil-kumbinazzjonijiet ta’ ħajti?

 

Il-kumbinazzjoni hi miraklu żgħir

fejn Alla jixtieq jibqa’ anonimu.

HEIDI QUADE


L-ISTAĠUNI TAL-ĦAJJA

Kien hemm raġel li kellu erba’ subien. Ried jgħallimhom biex ma jkunux ħfief biex jiġġudikaw. Għalhekk tahom biċċa xogħol. Bagħathom wieħed wieħed, wieħed wara l-ieħor jaraw siġra tal-lanġas li kienet imħawla ’l bogħod minn daru.

L-ewwel wieħed mar fix-xitwa, it-tieni fir-rebbiegħa, it-tielet fis-sajf u r-raba’ fil-ħarifa. Meta kollha kemm kienu temmew il-missjoni tagħhom, missierhom għajtilhom biex jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom.

L-ewwel iben qal li s-siġra kienet kerha, mgħawġa u milwija. It-tieni ħass li kellha potenzjal fiż-żahar aħdar li kien beda ħiereġ. It-tielet ma qabilx; kienet mimlija żahar miftuħ u kellha dehra u riħa li tgħaxxqek, kienet l-aktar ħaġa grazzjuża li qatt ra. Iż-żgħir kellu idea differenti; qal li frottha kien misjur, iqattar bena u b’togħma li tgħaxxqek.

Missierhom fissrilhom li kollha kellhom raġun għaliex kull wieħed minnhom kien ra l-istess siġra fi staġun differenti.

Qalilhom li ħadd ma jista’ jiġġudika siġra jew bniedem fi staġun wieħed biss. L-essenza ta’ dak li aħna, ferħ, sagrifiċċju, tgawdija, tbatija u l-imħabba jistgħu jitqiesu biss fit-tmiem… meta jkunu għaddew l-istaġuni kollha. Jekk taqta’ qalbek meta tkun ix-xitwa, tkun tlift it-tama tar-rebbiegħa, is-sbuħija tas-sajf u l-ħsad tal-ħarifa.

Tħallix li l-uġigħ ta’ staġun wieħed jeqridlek il-ferħ tal-bqija. Tiġġudikax il-ħajja bi staġun wieħed li jinzerta diffiċli. Ippersevera fit-tbatija u ibqa’ ċert li żminijiet aħjar hemm jistennew. Fil-ferħ tħossok sew iżda huma l-provi li jżommuk qawwi. In-niket iħallik bniedem. Il-fjaski jgħallmuk l-umiltà, is-suċċess ikabbrek, iżda f’Alla biss tista’ tibqa’ għaddej. U rringrazzjah ta’ dawk li jaqsmu miegħek l-istaġuni ta’ ħajtek.


TALBA TAL-BIDU TAS-SENA

Agħtina Mulej f’din is-sena

viżjoni aktar wiesa’ ta’ xi trid minna

u ħallina naraw lil ħutna

mil-lenti tiegħek.

Għallimna ma ngħaġġlux niġġudikaw

la l-kbir u anqas liż-żgħir.

Agħtina l-paċenzja

u l-grazzja li nkomplu

u fidi aktar sħiħa biex inħossuna żguri.

Flok niftakru, agħmel li ninsew,

dak li jagħmlulna ta’ madwarna.

Il-maħfra, agħmilha, s-sieħba tagħna

u kull jum li jgħaddi narawh grazzja

li ngħinu lill-oħrajn

u nsiru nies aħjar

li jippruvaw jifhmu n-nies

u s-sitwazzjonijiet

ta’ madwarhom.

Fakkarna li lkoll kemm aħna

qed nippruvaw naslu f’darek smewwija…

ilkoll kemm aħna – kbar u żgħar

tajbin u ħżiena,

il-ferħanin u l-imnikktin.

Ħallina naraw li s-sabiħ tal-ħajja

qiegħed f’li tħobb, taħfer u tagħti

għaliex l-imħabba biss

trattab qalb il-bniedem

u l-ħniena ġġib il-paċi u serħan il-qalb.

 

Billi nħobbu nibdew din is-sena

nneħħu s-sħab tal-mibegħda u tal-biża’.