
|
+L-Iben t'Alla sar Bniedem Lulju 2008 numru 503 Kienu żminijiet oħra. Meta fid-djar tagħna kważi ħadd ma kellu telefown. U Bertu kien jitla’ l-pjazza f’nofs ta’ lejl biex iċempel lit-tabib għax ibnu kellu deni qawwi u ma xtaqx li jħallih daqstant ruxxan u bla nifs. Daħal fil-kaxxa u ċempel lit-tabib: “Dott, jien Bertu. Ejja malajr għax ibni għandu deni ta’ żiemel.” “Ma jistenniex sa filgħodu?” “Le tafx, għax aħmar nar u nifsu maqtugħ.” “Nilbes u nitlaq. Nofs siegħa oħra nkun hemm.” “Imma minn l-aħħar darba li ġejt, jien biddilt id-dar. Issa qed noqgħod f’dar ħdejn l-għajn il-kbira fil-wied tar-raħal. Taqbad it-triq ta’ l-iskola u tibqa’ nieżel magħha.”
“Ser inkun nistenniek bil-fanal ħdejn il-bieb.” U t-tabib telaq bilġri lejn raħal Bertu. Qabad it-triq ta’ l-iskola u baqa’ jsuq matulha iżda la ra lil Bertu u anqas il-fanal. Tela’ u niżel ħafna drabi. Xtaq li jinqala’ xi ħadd biex forsi jgħidlu fejn kien joqgħod Bertu imma f’nofs ta’ lejl f’dawk l-inħawi u f’dawk iż-żminijiet kont tista’ toqtol u tidfen. It-tabib qata’ qalbu jdur u jagħqad u telaq lejn id-dar. Iżda filgħodu mar iżur lill-klijent tiegħu li issa sar jaf fejn joqgħod għax staqsa. U ltaqa’ miegħu ħdejn daru. “Bert, ilbieraħ domt nagħqad siegħa imma ma rajtekx b’nemes!” “Għax, dott, x’ħin wasalt sibt li ibni kien qaleb għall-aħjar. Id-deni niżillu u ma baqax jaħraq u ruxxan. U jien kont għajjien mejjet u mort irqadt!” Kemm hu ikrah l-egoiżmu. Meta fil-ħajja tpoġġi lilek innifsek fiċ-ċentru u tinsa għal kollox lil dawk ta’ madwarek. EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISĦTU D-DLAM Bob Green jirrakkonta: Ħajti għaddejtha nikteb. Kuljum bil-kolonna tiegħi f’gazzetti popolari Amerikani. U waħda mill-ġrajjiet li ktibt dwarha ġrajja li niktitni u sewditli qalbi kienet il-ġrajja ta’ l-aħwa McGee. Iż-żgħir Lattie ta’ erba’ snin instab mejjet b’xhieda li nqatel b’daqqiet krudili. U ħuh Cornelius kellu l-istess destin imħejji. Rahom joqtlu lil ħuh u ħajtu ħasibha ntemmet. Imma l-għajjat li għajjat ġablu l-għajnuna. U sabuh mitluq, imbiċċer bla saħħa. Imma salvawh u qal l-istorja kollha. Iżda kellu trawma kbira li ma setax joħroġ minnha. Kien jibża’ min-nies u qajla jgħid kelma. Kien donnu nesa jitbissem. Ħajtu kienet imfarrka. Futur bla l-iċken dawl f’tarf il-mina. U meta ktibt ġrajjietu għidt biss li Cornelius kien iħobb ħafna l-basketball.
L-iktar lil Michael Jordan. Imma dan qabel it-traġedja. U fost il-qarrejja kien hemmSteve Schanwald viċi-president taċ-Chicago Bulls li kitibli u qalli li lest li jagħtini biljetti għal-logħba basketball. Basta miegħi nieħu lil Cornelius u ħbieb oħra. U ħajjarnieh jiġi magħna. Triq twila li matulha ma qalx kelma. Donnu kien nesa kif jitkellem. U meta wasalna sibna min jilqagħna u ħadna fejn il-players. Kienu jafu bl-istorja u riedu jgħinu lil dan it-tfajjel jinsa ġrajjietu u jħares b’ottimiżmu lejn ħajtu li kienet għadha fiż-żerniq tagħha. U ħadd daqs Michael Jordan ma ħadem biex jerġa’ jnissel tama f’għada u f’pitgħada f’qalb iċ-ċkejken Cornelius. U poġġewh bilqiegħda ħdejn il-players jitkellmu u jirrakkontawlu. U fl-aħħar rajnieh jifraħ magħhom. Rajnieh jitbissem. Illum Cornelius reġa’ qabad triqtu. Imur l-iskola. Jaqra u jitgħallem. Ferħan li qed jirnexxi. Iżda kienet tkun differenti kieku meta qraw xi ktibt dwar l-aħwa ma kien hemm ħadd li ta każ ġrajjiethom. Flimkien xegħelna xemgħa u llum lkoll nifirħu naraw lil dak li darba kellu futur imċajpar issa jħares b’ottimiżmu lejn l-għada u l-pitgħada tiegħu. FUQ XTAJTA RAMLIJA jikteb Dr Coronato Grech M.D. Ramel bik kemm bnejt kastelli, f’ħoġrok artab kont nitpaxxa, ramel int min int? Tgħid naqta’? serra żgur tal-mastrudaxxa! (mill-poeżija ‘Ramel’ ta’ Mary Mejlak 1905-75)
Bażikament ir-ramel huwa l-frak li jirriżulta meta l-blat tal-kosta jitfarrak permezz ta’ tagħwir u tħaffir, mill-mewġ tal-baħar, kif ukoll mir-rjieħ, xita u differenzi fit-temperaturi (bejn nhar u lejl). Li jfakkarna fiż-żmien, għax it-tul ta’ żmien involut f’dawn il-proċessi huwa ferm itwal minn dak li nesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum, tant li diffiċli ħafna nimmaġinawh. Tant dawn il-proċessi huma bil-mod għalina li domna ħafna ma ndunajna (sa madwar is-seklu 18 b’William Smith 1769-1839, imsejjjaħ missier il-ġeoloġija), li fuq skala ta’ miljuni ta’ snin, xejn ma huwa permanenti - la kontinenti, la gżejjer, la muntanji, la għadajjar, la deżerti u wisq inqas il-kosta. Anzi r-ramel, bħal ħafna mill-affarijiet oħra msemmija, jgħaddi minn ċikli – dak f’qiegħ il-baħar jgħaqqad bil-pressa, jsir blat, (blat sedimentarju), maż-żmien jitla’ fil-wiċċ u jerġa’ jitfarrak biex isir ramel. U f’xi nħawi tal-kosta, jinġabru (ġeologikament temporanji) kwantitajiet ta’ ramel li jirrużulta f’xi xtajta ramlija bħal dik tar-Ramla. Il-kulur u l-kwalità jirriflettu l-blat tal-madwar li minnu jkun ifforma - dak ħamrami bħal tar-Ramla jew San Blas jew bajdani bħal ta’ bejn il-Kmiemen (Blue Lagoon). Dawn il-kuluri ġejjin minn traċċi ta’ minerali differenti - per eżempju garnet (ħamrani), tourmaline (ħadrani), zircon (bajdani), topaz (safrani) eċċ….. u anke kultant deheb (li f’xi nħawi tad-dinja, bħal Kalifornja u l-Awstralja kkaġuna ġirja sfrenata), għalkemm bażikament ir-ramel huwa kwarz, bla kulur li jġib l-isem kemikali ta’ silicon dioxide. Il-ġeologisti jikkunsidraw ramel dawk il-partiċelli ta’ kwarz bejn id-daqsijiet ta’ 0.06mm u 2.1mm. U allura tista’ tkejjel kemm fih ramel ponn normali, li jiġi madwar 10,000 partiċella, iktar mid-doppju u nofs kemm tista’ tara kwiekeb fis-sema (mingħajr strumenti u f’kundizzjonijiet tajba). U kemm hemm ramel fid-dinja ? Din il-mistoqsija kemmxejn stramba staqsieha u pprova jweġibha wieħed mill-aqwa mħuħ tad-dinja antika il-Grieg Arkimedu (m287-212 QK) (ara wkoll Il-Ħbieb Isejħu Frar 2007). Huwa pprova jkejjel in-numru ta’ partiċelli, mhux fid-dinja biss imma fl-univers li kien jaf bih dak in-nhar. S’intendi l-figuri li wasal għalihom kienu żbaljati imma l-metodu kien matematikament tajjeb. Wara kollox dan Arkimedu kien, fost l-oħrajn, ħadem formoli kif ikejjel l-arja u l-volum ta’ ċilindri, koni u paraboli; anticipa l-idea ta’ kalkulus (xi elfejn sena qabel Newton), sab il-prinċipju ta’ l-idrostatika, ivvinta tip ta’ skrun li jtella’ l-ilma li għadu jintuża sallum fil-Lvant Nofsani, u vinta ħafna armamenti li żammew, għal zmiean twil, lir-Rumani milli jieħdu lil Sirakuza, fejn kien jgħix.... Meta rebħuha safa maqtul minn suldat Ruman għax injorah, tant kien medhi jistudja figuri ġeometriċi fir-ramel ! Illum, iktar minn elfejn sena wara, nafu li mill-inqas fuq pjaneta waħda, Mars, hemm pjanuri kbar ta’ ramel ħamrani, kif ukoll tempesti enorami ta’ ramel itir, kif sabet il-vettura Amerikana Viking I fis-sajf tal-1976, fejn kellha tistenna sakemm tgħaddi biex tinżel. Intant, jekk dan is-sajf tkun forsi ser tgerger għar-ramel li weħel ma’ saqajk u ser idaħħlu fil-karozza, ftakar daqsxejn kemm huwa interessanti dan il-materjal li qed tarah irritanti. FORSI JINTERESSAWK Irġulija presidenzjali
“Issa din il-karta li ġibtuli bl-istejjer u bil-firem kollha dwar Baker hi tiegħi hux hekk?” “Tiegħek!” “U nista’ nagħmel biha dak li rrid?” “Mhux hekk! La tiegħek tista’ tiddispondi minnha kif trid.” U dlonk il-president tefagħha fin-nar, dar lejhom, xtaqilhom il-jum it-tajjeb u tellaqhom ’il barra. Isem li sar ifisser ħafna
Ernest
Henderson u xi soċi kienu xtraw bejniethom xi tliet hotels biex Rażżan iż-żiemel għax jarmik u lsienek għax jgħallik. Okkażjoni mitlufa tintrebaħ minn ħaddieħor Fl-Istitut Xjentifiku ta’ Pariġi deher professur li xtaq jippreżenta xi każijiet ta’ fejqan li kienu twettqu f’Lourdes biex l-assemblea ta’ professuri turi fehmitha. Iżda l-kap ta’ l-Istitut qallu: “F’dan l-istitut ma jiġux mistħarrġa ħmerijiet imma sejbiet importanti.”
“Mela posti mhux hawn. Infittex imkien ieħor.” U fil-fatt mar New York u kiseb fama internazzjonali mhux biss b’dak li kiteb fuq Lourdes imma wkoll b’sejbiet oħra li baqgħu jissemmew. Isem il-professur hu Alexis Carrel li tant irnexxa fis-sejbiet tiegħu li ngħata l-Premju Nobel. U l-istitut ta’ Pariġi għadu jiddispjaċih li tilef okkażjoni tad-deheb li jkollu lil professur ieħor rebbieħ ta’ dan il-premju prestiġġjuż. Għal xi wħud il-kelma reliġjon, miraklu, fidi, Alla u l-bqija huma kliem tal-boloh mhux ta’ l-għorrief. Iżda x-xjenza u l-istorja juru mod ieħor għax kien hemm imħuħ kbar li għalihom dan il-kliem kien ifisser ħafna.
Ilsien raspa Żewġ nisa ltaqgħu ma’ xulxin wara xi għaxar snin. “Kemm qed narak xjaħt Pauline!” qaltilha Doris. “Anke jien hekk kont qed ngħid għalik. Anzi biex ngħidlek il-verità anqas kont nagharfek… kieku mhux għax għaraft il-libsa!” AĦBARIJIET TA’ INTERESS
Michael Meilak ta’ Triq il-Qiegħa lil Moira Cassar (Victoria); Rose Marie Rapa ta’ Triq San Blas lil Keith Saliba (Għajnsielem); Marice Pace ta’ Pjazza San Pietru u San Pawl lil Jonathan Gauci (Xagħra); Pamela Said ta’ Triq Dun Ġorġ lil Stephen Joe Sultana (Xagħra); Sammy Grech ta’ Triq San Blas lil Mariella Xuereb (Victoria). Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien. IL-LAQGĦA TA’ ĠUNJU Il-lezzjoni għamilha s-Superjur Ivan Farrugia u sejjisha madwar powerpoint bl-isem ‘Int Temmen?’ Permezz ta’ sensiela ta’ ritratti ntbaħna kemm hemm affarijiet fil-ħajja li kieku ma narawhomx ma nemmnuhomx… għasafar daqstant sbieħ, żagħżugħ jiġri b’saqajn artifiċjali eċċ. Ingħoġob ħafna l-film bl-isem ‘Waqqaf dak it-tren!’ fejn missier kien jaħdem ma’ kumpanija tat-trains billi jniżżel pont bil-binarji x’ħin tkun għaddejja t-tren. Ibnu, li hu kien iħobbu daqs dawk għajnejh, kien jieħu gost imur fejn missieru fil-ħin tax-xogħol. Flimkien kienu jqattgħu sigħat twal jaraw in-nies neżlin u tilgħin fit-tren, nies ta’ kull stat u kundizzjoni tal-ħajja. U darba ġara dak li qatt ma kellu jiġri. Filwaqt li t-tifel kien ma’ missieru jilgħab fuq il-pont waqa’ eżatt fil-ħin li tfaċċa t-tren. Il-missier kellu taqbida sħiħa fih, jew iniżżel il-pont biċ-ċertezza li ibnu ser imut mgħaffeġ inkella t-tren jaqbeż il-binari u joqtol lil dawk kollha li kien hemm fuqu. Il-missier, bħall-Missier Etern, għażel li jissagrifika lil ibnu biex isalva lil dawk il-vjaġġjaturi. U l-ħsieb ta’ l-aħħar kien – Alla jemmen fik, int temmen fih? Ħajr lil Robert Borg – barman tal-każin tal-Youngsters – tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Alfred Attard ta’ Triq San Ġwann tela’ fix-xbiha tal-Qalb ta’ Ġesù. Niftakru li Ġunju hu ddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù. STEDINA
Għalhekk, għażiż ħabib, tinsiex il-laqgħa ta’ nhar is-Sibt. Għad li l-Imnarja għaddiet xieraq li nkunu nafu sew fuq il-patruni tagħna. U din il-laqgħa hi proprju għalhekk – biex insiru nafu iktar minn xiex għadda, x’għamel, x’ippriedka, x’kiteb u għal min iddedika ħajtu dan il-qaddis kbir. Ejja u ħajjar lil ħbiebek jiġu wkoll. Tinsiex… nhar is-Sibt 5 ta’ Lulju fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Sabiħ il-baħar fis-sajf… tistrieħ u taqta’ mir-rutina ta’ kuljum. Iżda jalla bil-mod ta’ kif inġibu ruħna dan is-sajf fi tmiemu ma ngħidux ‘morna l-baħar!!’ KELMET IL-BIBBJA LLUM [Kristu qal lid-dixxiplu tiegħu:] “Inħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi. Mhux bħalma tagħti d-dinja, nagħtikom jien. Tħallux qalbkom titħawwad anqas titbeżża’.” (Ġw 14: 27-28)
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Londra kienet ibbumbardjata bosta drabi. Lejl minnhom xwejjaħ inzerta fuq għolja mnejn tara lil din il-belt.
Ra nar u duħħan tiela’ minn Londra. Ma felaħx u nfaqa’ jibki daqs tarbija. “Fejn hi t-tama x’ħin tara dan kollu?” beda jistaqsi waħdu. Donnu b’mod mirakoluż qam riħ u f’ħin qasir d-duħħan beda jgħib minn madwar il-koppla tal-katidral ta’ San Pawl. F’dak il-waqt ħsieb ta’ tama laqtu bħal sajjetta. Ma baqax jinkwieta u anqas jibża’. Intebaħ b’dak li suppost kien ilu jaf. Il-qawwa ta’ Ġesù tgħaddi kull setgħa ta’ ħażen li naraw madwarna fid-dinja. Mnejn kapaċi nġib il-qawwa u l-kuraġġ meta madwari ma nilmaħx ħlief ġlied, għira, inkwiet u ħażen?
It-tama hi meta tpoġġi fil-prattika l-fidi tiegħek meta tħoss id-dubju aktar komdu. E C McKENZIE IL-LISTA TAL-MERĊA Mara, liebsa ħwejjeġ ta’ xi ħadd ferm ikbar u eħxen minnha, daħlet f’supermarket biex tixtri xi ikel ta’ bżonn. Resqet mistħija mistħija lejn sid il-ħanut u b’vuċi kemm kemm tinstema’ staqsietu jekk tistax tieħu xi prodotti imbagħad tħallsu darba oħra meta jkollha xi ħaġa tal-flus. Qaltlu li żewġha kien marid u fil-mument ma kellhomx min jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum għalihom u għall-erba’ wliedhom. Is-sid ma ħax gost bit-talba tagħha u qalilha biex tħallih bi kwietu. Iżda l-mara għamlet il-qalb u reġgħet ippruvat: “Nitolbok sinjur. Inġiblek il-flus qabel taħseb int. U nġibhomlok żgur.” Iżda s-sid ma riedx jisma’. Ma kien jagħti xejn lil ħadd bla flus f’idejh u jekk riedet setgħet tippruva f’xi ħanut ieħor tal-kwatier. Klijent li kien qed jassisti għax-xena ħajjar lis-sid jagħmel ftit karità u jagħtiha almenu l-essenzjal. Dan biex joħroġ ta’ raġel qalilha jekk għandhiex il-lista tal-affarijiet li kellha bżonn. Il-mara ħarġet biċċa karta mgerrma minn ġol-basket imċerċer, ħażżet xi ħaġa fuqha u newlithielu. Dan poġġieha fuq keffa tal-miżien filwqt li qalilha:
Min kien qed jassisti l-ġrajja ġibed nifs ’l ġewwa għax ma ħamilx lis-sid jgħaddi biż-żmien lil din il-fqajra. U n-nifs baqa’ miżmum hekk kif il-mara bdiet tnewwel oġġett wara ieħor u l-kefef tal-miżien ma hemmx li jitħarrku. Anqas biċċa azzar ma kienet tirfed daqstant ikel – kollu ikel komuni imma għal min ma għandux għaxja ta’ lejla hu l-linja bejn ħajja u mewt!! Anqas kartuna ħalib ma għamlet id-differenza! U mborġat kemm kellha bżonn u s-sid baqa’ b’ħalqu miftuħ bejn b’nuqqas ta’ fidi f’għajnejh u bejn dak li kien jiswa – għad li ma kienx il-ħafna. Fl-aħħar qabad dik il-biċċa karta li dehret tqila aktar miċ-ċomb u ħarsilha mħawwad u mifxul. Ma kinitx lista tax-xiri. Kienet talba: ‘Mulej Alla tiegħi int taf il-bżonnijiet tiegħi: nafda kollox f’idejk!’ Tal-ħanut ġabrilha kollox f’basktijiet diversi u newlilha kollox f’silenzju tqil bil-ħsieb. Il-mara għajtet ringrazzjament u telqet ferħana lejn darha. Leġġenda imma int konxju kemm hi qawwija talba? Jekk le aqra silta mill-Vanġelu u ara x’jgħid Kristu fuq it-talb! Arma qawwija. Użaha u tiskanta kemm hemm ġid moħbi. Aqra bil-mod biex tifhem sew:
Tkun taf il-kobor tal-bniedem minn dak li jaqtagħlu qalbu.
Alla jippermetti wasla fis-sliem mhux vjaġġ komdu.
It-talb: Tagħtix ordnijiet lil Alla imma sempliċement irrapporta għax-xogħol.
Ix-xogħol li għandna quddiemna qatt ma hu akbar mill-Qawwa li għandna warajna.
Mhux nibdlu l-messaġġ imma nħallu l-messaġġ jibdilna.
Jekk Alla hu l-co-pilot tiegħek ibdel il-post miegħu. |