|
+L-Iben t'Alla sar Bniedem Marzu 2007 numru 487
Kienu ċorma tfal fuq tagħhom. Wara sigħat ta’ skola kienu qed jistennew bla sabar biex jerġgħu jiltaqgħu fil-għalqa ta’ quddiem il-knisja biex jilagħbu logħba li għal Malta tagħna kienet ġdida. Kienu jaraw is-suldati Ingliżi jilagħbuha fil-beraħ tal-Marsa. U riedu jagħmlu bħalhom. Iżda ballun ma kellhomx. Imma ma qatgħux qalbhom. Ġabu xi ħwejjeġ ħżiena mid-djar u ramblu ballun taċ-ċarruta. Rabtuh tajjeb bl-ispag u l-mexxejja tat-tfal bdew jaqtgħu biex jagħżlu t-tim tagħhom. Intgħażlu Ġanni u Peppi, Tankred u Gaetanu, Salvu u Marju. U oħrajn. Imma kien fadal wieħed fart. Ma seta’ jagħżlu ħadd għax ma kienx hemm min iparr miegħu. Imma l-mexxejja ma tantx kienu anzjużi jeħduh magħhom tant li wieħed minnhom għajjat: “Lil Ġorġ ħuduh b’xejn.” …u f’qalbu żied: ‘Aħjar mingħajru milli bih.’ Imma dak li għall-futbol ma kienx jinqala’ l-Mulej għażlu biex jgħallimlu l-poplu tiegħu. U nissel f’qalbu x-xewqa li jxandru ma’ kullimkien. U għad li kien dgħajjef f’ġismu tant li ħafna ħasbu li anqas iqaddes għax imut qabel, għex għal bosta snin u 100 sena ilu, proprju fis-7 ta’ Marzu, waqqaf is-soċjetà tal-MUSEUM li tul dan is-seklu għamlet ħilitha biex ix-xewqa tal-fundatur tagħha twettaqha mill-aħjar li tista’. Anke dan il-fuljett li qed jasallek f’darek hu parti minn din ix-xewqa… li jitwassal messaġġ. Għax għal Dun Ġorġ Preca l-kelma miktuba kellha seħer u kien jagħmel ħiltu kollha biex jużaha għall-ġid. Jalla mis-sema jberikna biex dan il-messaġġ ikompli jasal fi djarkom għas-snin li ġejjin.
|
|
XENI MINN TREJQET IL-ĦAJJA
Bħala għalliema fi skola sekondarja għamilt bosta esperimenti biċċa rnexxew u oħrajn fallew iżda esperiment minnhom baqa’ f’moħħi u f’moħħ minn għadda minnu.
Niftakar
kelli klassi kbira 34 żagħżugħ fuq tagħhom u trid trażżanhom għax inkella addio xogħol u studju imma kellhom ħafna tajjeb u ridt li flok noqgħod neqred kemm huma qliel u traskurati nġagħalhom jifhmu s-sabiħ li kellhom fihom.
Jum wieħed tajthom karta u fuqha kien hemm l-ismijiet taż-żgħażagħ kollha u ħdejn kull isem vojt biżżejjed biex wieħed jikteb is-sabiħ li jara fi sħabu. Is-sabiħ biss ma ridtx inkun naf l-ikrah.
Iż-żgħażagħ ħadu l-karta u kulħadd beda jikteb min jidħak… min jiċċaċċra u min jaħseb imma kollha kienu jiktbu. Imbagħad ġbart il-karti u xi jiem wara tajthom karta oħra din id-darba ktibtha jien u lil kull wieħed għidtlu dak li qalu fuqu sħabu l-oħra.
U rajt fuq wiċċhom tbissima ħelwa għax qatt ma basru li sħabhom kienu lemħu daqstant sabiħ f’persunthom.
Għaddew is-snin u darba telefonata informatni li wieħed minn dawn iż-żgħażagħ kien miet ħesrem. Ridt immur nagħtih l-aħħar tislima u meta konna ċ-ċimiterju rġajna ltqajna lkoll jien u dawn iż-żgħażagħ u f’ħin minnhom omm il-mejjet ġiet fuqi u wrietni karta mkagħbra u mitnija. Għaraftha… kienet il-karta li tajtu darba bis-sabiħ li kienu raw f’binha. Qaltli: “Kienet għażiża ħafna għalih u kien iżommha fil-kartiera.” U dlonk qabżu oħrajn u qalu li tagħhom ukoll kienet għadha għandhom u tnejn minnhom ħarġuhom huma wkoll minn buthom.
U dakinhar tgħallimt kemm hu importanti li flok neqirdu dwar il-ħażin u l-ikrah nippruvaw naraw is-sabiħ ta’ kull wieħed għax il-Mulej Missier ħanin u ma jħalli lil ħadd bla doża tjubija. Dnub li ħafna drabi din tispiċċa bla ħadd jintebah biha.
|
|
Dr Coronato Grech M.D. jibda artiklu li jtemmu f’April... JOHANNES KEPLER
Filgħaxija tal-15 ta’ Novembru 1630, raġel rqiq, qsajjar, u bilkemm xiħ, miet f’dar ta’ neguzjant f’Ratisnon (Ratensburg) il-Ġermanja. Kien jismu Johannes Kepler. Waħda mill-iktar affarijiet kurjużi u affaxxinanti fuq l-univers li ngħixu fih hija, kif qal Einstein, li huwa mibni u jaħdem fuq ċerti liġijiet naturali li huma regulari u jaħdmu (sa fejn nafu s’issa) kullimkien u f’kull żmien l-istess. Forsi mhux bilfors seta kien hekk1. U ħaġa oħra daqstant kurjuża u affaxinanti hija li aħna għandna konxju biżżejjed li kapaċi nifmhu xi ftit minn dawn il-liġijiet. U nafu li mhux bilfors seta’ kien hekk2. U jerġa wkoll il-metodu l-iktar ta’ min joqgħod fuqu biex nagħrfu l-affarijiet naturali huwa dak xjentifiku, metodu li ħa l-forma moderna tiegħu fis-seklu sbatax fl-hekk imsejħa ‘Rivoluzzjoni Xjentifika’ u li fiha Kepler kien figura ċentrali. Minn kien Johannes Kepler? Kepler, bħal kull bniedem, kien ukoll sa ċertu punt prodott ta’ żmienu. Kien jemmen ħafna fis-superstizzjonijiet ta’ żmienu, kien jemmen dak li għallmuh l-għalliema, barra li kellu inklinazzjoni mistika. Imma li kellu tajjeb kien li fit-tfixxija għal verita’ tal-ligijiet naturali qagħad fuq ix-xhieda l-iktar soda: dik ta osservazzjoni u verifikazzjoni. Per eżempju, għall-ewwel kien jaħseb, kif mgħallem, li l-pjaneti jduru madwar ix-xemx f’orbiti ta’ ċrieki perfetti. Wara kollox il-Griegi f’kotba antiki u rispettati kienu waslu għal din il-konklużjoni li ċirku l-iktar figura ġeometrikament perfetta. U l-pjaneti, bħala eżempju ta’ perfezzjoni, kellhom iduru fi ċrieki fis-smewwiet3. Imma minn informazzjoni meħuda minn osservazzjonijiet preċiżi li għamel l-astronomu Daniż Tycho Brahe (1546-1601) u li miegħu Kepler kien ħadem, b’diffikultà, għal xi żmien, huwa irrealizza li l-pjaneti jduru f’orbiti ovali, elissi, mhux ċrieki. U dan wara żmien twil ta’ ħafna kalkulazzjonijiet fejn ipprova numru ta’ orbiti ta’ għamliet ġeometriċi alternattivi. Kif ukoll kellu jwarrab l-idea mistika li trabba fiha, dik tal-mużika ta’ l-isferi4. B’hekk seta’ jifforma, wara ħafna kalkulazzjonijiet u ħafna ljieli mqajjem, l-famużi tlett liġijiet tal-movimenti tal-pjaneti u li huma: 1. L-orbiti tal-pjaneti madwar ix-xemx huma f’forma ta’ elissi, bix-xemx f’waħda miż-żewg foki5. 2. Għal kull pjaneta, l-arja tat-trianglu li tagħmel pjaneta f’naħa u f’oħra ta’ l-orbita hija l-istess, li bażikament ifisser li meta qrib ix-xemx il-veloċità tkun iktar milli meta hija bogħod. 3. Għal kull pjaneta, iż-żmien ta’ l-orbita jekk timmultiplikah bih innifsu huwa proporzjonali għad-distanza multiplikata biha nnifisha għal tlett darbiet, li bażikament ifisser li pjaneta qrib ix-xemx tagħmel dawra f’inqas zmien minn pjaneta iktar ’il bogħod. 1. Kieku kien ikun univers tal-maġija, miti u mirakli fejn kollox huwa possibbli u xejn ma huwa regulari, tant li ma jistax jiġi studjat. U għalkemm univers bħal dan fih l-attrazzjonijiet tiegħu, kif jixhdu l-popolarità ta’ stejjer bħal ‘Ljieli Għarbin’ jew Alice in Wonderland, però fil-fatt huwa univers inkonfondibbli għall-aħħar fejn xejn ma huwa stabbli u ta’ min jogħod fuqu. 2. Fil-fatt matul il-madwar tlett biljun sena ta’ l-istorja tal-ħajja fuq din il-pjaneta, il-konxju uman ilu biss madwar tlett miljun sena. U l-kreaturi kollha li qatt għexu jew li bħalissa qed jaqsmu magħna din il-pjaneta, mid-dehra ma għandhomx konxju. 3. Jekk qed iduru, għax l-idea elioċentrika kienet għadha ġdida u ħafna kienu (bir-raġun) għadhom jiddiskutuha. 4. Sa kien ikkalkola li n-noti li tagħmel id-dinja huma ‘fa’ u ‘me’, għal ‘ġuħ’ u ‘miżerja’, li magħhom Kepler kien pjuttost familjari. 5. Kull elissi għandu żewġ foki, iktar ma huwa ovali iktar imbegħdin u iktar ma joqrob għal ċirku iktar qrib, f’ċirku hemm fokus wieħed, iċ-ċentru.
|
|
FORSI JINTERESSAWK L-umiltà Dun Ġorġ kien bilqiegħda fuq il-lanċa li kienet taqsam mill-Belt għal Tas-Sliema. F’ħin minnhom tela’ raġel u poġġa ħdejh imma donnu b’inkejja tella’ ż-żarbun kważi ma’ wiċċ Dun Ġorġ. Dan ma wera l-ebda reazzjoni. Mhux biss imma meta waslu x-xatt bieslu ż-żarbun. Ir-raġel indiehex. Infixel. Imbagħad dar lejn Dun Ġorġ u talbu jħallih imur miegħu biex iqerr. Ir-reliġjon tagħmlek felici imma li tgħixha mhux faċli.
X’jgħidu n-nies…
Raġel resaq lejn Dun Ġorġ u qallu: “Dun Ġorġ, jien gdibt fuqek f’ħanut nies. Issa mort inqerr u l-qassis qalli li jew niġi u nitolbok taħfirli jew inkella mmur u ngiddeb ruħi quddiem min gdibt. Imma jien nistħi nagħmel dan għax nitlef ġiehi.” “Tinkwetax ħabib. Ibqa’ ċert li ħfirtlek.” Il-qaddisin ftit kien jimpurtahom x’jgħidu fuqhom in-nies.
“Sinjur Alla, Inti hawn u jiena fik. Inkellmek u ma narakx b’għajnejja imma persważ li Inti ħaj, li qiegħed tarani u tismagħni u li tifhimni.” Beża’… miskin Xi ħadd resaq lejn Dun Ġorġ biex jeħodlu ritratt imma Dun Ġorġ widdbu: “Jekk teħodli ritratt tmut!” Ir-raġel twerwer u ma ħadux. Meta tbiegħed ftit sewwa Dun Ġorġ qal lil ta’ madwaru: “Miskin ma fehemx li jeħodli r-ritratt u ma jeħodlix xi darba jrid imut.” “Ħsieb li jdejqek mhux ġej minn Alla għax Alla tagħna hu Alla tal-paċi.” Leħja ta’ qaddis Dun Ġorġ ma tantx kien iżomm ruħu pulit għad li dejjem kien nadif. Darba xi ħadd ikkummentalu fuq il-leħja ta’ xi 4 ijiem li kellu u Dun Ġorġ wieġbu: “Eh, ħabib… għandek tkun taf li dik hi leħja ta’ monsinjur!” U ħafna jaħsbu li l-qaddisin ma kinux jitbissmu! “Aħna ngħixu f’Alla bħalma ħuta tgħix fl-ilma.” “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.” “Mulej għandi bżonnok għalhekk nitolbok tħallinix waħdi meta fija tkun naqset il-ħila tiegħi.”
|
|
AĦBARIJIET TA’ INTERESS IL-LAQGĦA TA’ FRAR Bħalma ħabbarna fil-fuljett ta’ Frar il-laqgħa għamilha Dun Manwel Cordina tal-Fundazzjoni Oasi. Nemmnu ħafna fix-xogħol siewi li Dun Manwel u l-Fundazzjoni Oasi qed jagħmlu fost iż-żgħażagħ u n-nies ta’ Malta u Għawdex. Jaħdmu ma’ dawk li, għal xi raġuni jew oħra spiċċaw intrikbu minn xi vizzju bħax-xorb, logħob, drogi eċċ. Tiskanta li anke t-teknoloġija moderna waqqgħet uħud f’vizzji moderni bħal ġibda bla rażan lejn il-logħob virtwali. L-impenn li għandha l-Oasi li tkabbar u twessa’ s-servizzi tagħha huma sinjali ċari ta’ dedikazzjoni mid-diretturi u l-ħaddiema u ftuħ il-għajn għal dawk kollha li jħabbtu wiċċhom ma’ problemi. Dun Manwel ġabilna żewġ żgħażagħ biex ikellmuna, Alex u Roderick, li mexjin bi programm biex jaqtgħu d-drogi. Ammirajna l-mod sinċier ta’ kif tkellmu fuq l-esperjenzi personali tagħhom. Problemi familjari u kumpanija ħażina wassluhom biex jabbużaw mid-drogi u dak li deher li kellhom kontroll tiegħu spiċċa biex beda jmexxihom hu. Iżda b’xorti tajba fl-Oasi sabu ħajt ta’ kenn u bi tbatija mhix żgħira qed jirnexxielhom jitnaddfu minn dan il-vizzju. L-attenzjoni ta’ dawk preżenti biex ma jitilfu xejn minn dak li ngħad juri kemm inltaqgħet tajjeb din il-laqgħa. Ħasra li ma kinux ħafna oħrajn li għamlu hekk ukoll. Kemm aktar hu effettiv meta l-problema tismagħha minn min ġarrabha u mhux minn min qed jirrakkontra ġrajja ta’ ħaddieħor. L-impenn ta’ l-Oasi li jdur l-iskejjel u esperjenzi bħal dawn iwassalhom lill-istudenti fl-iskejjel sekondarji u post sekondarji żgur li hu inizjattiva ta’ min jinkoraġġiha. Il-parir huwa wieħed—titħajjarx tipprova għax taf meta tibda imma mhux la kemm toħroġ minn vizzju. Grazzi ħafna Dun Manwel, Alex u Roderick. Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin , tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Timothy Portelli ta’ Triq Wied ir-Riħan tela’ fil-kurċifiss.
STEDINA GĦAL SERVIZZ PENITENZJALI Il-laqgħa ta’ nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu 2007 ser tkun l-unika waħda ta’ dan ir-Randan. Ħsibna għalhekk li nagħmlu laqgħa b’differenza. Ser nagħmlu servizz penitenzjali u ser ikollna wkoll magħna xi qassisin biex min iħoss li għandu jqerr ikollu wkoll l-okkażjoni. Qrara sinċiera u tqarbin huma l-aħjar preparazzjoni għall-Ġimgħa Mqaddsa. Sbieħ il-preparamenti u dawn l-aħħar snin żdied ħafna l-interess fl-istatwi u tiżjin ieħor marbut ma’ dawn il-ġranet qaddisa. Iżda jekk ma nippreparawx qlubna u rwieħna għalihom ikunu ċelebrazzjonijiet vojta. Mela ħabib, warrab ftit ħin nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu 2007 u ejja u ngħaqad ma’ ħbiebek f’din il-laqgħa li żgur ser tħalli ħafna ġid fik. Nistennew lilek u lil ħbiebek. Agħmilha ta’ messaġġier tal-Mulej u ħajjar jiġu wkoll. Nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu fis-7.15p.m. Narawkom.
Il-Providenza ta’ Alla qatt ma tieħdok fejn il-grazzja tiegħu ma tħarsikx.
|
|
IL-BIBBJA FIL-ĦAJJA TAL-LUM “Intom li tibżgħu mill-Mulej, ittieklu għalih, u l-ħlas tagħkom ma jonqosx.” {Sir 2: 8}
Reklam għal-linja ta’ l-ajru Griega jfakkar li wara li rebaħ lit-Trojjani Ulysses dam għaxar snin biex mar lura l-Greċja. Dan għaliex il-vjaġġ għaddieh minn ibħra sbieħ miżgħuda b’elfejn gżira kollhom xemx 30,000 bajja ramlija u sajf etern. Ir-reklam jintemm billi jgħidilna li din is-sbuħija hija l-premju għal min jagħżel li jżur il-Greċja.
Il-Bibbja tgħidilna li sbuħija ferm oħla tistenna lil min jixħet il-fiduċja tiegħu f’Alla.
Jekk xi ħadd jistaqsini għala jien nafda f’Alla x’inwieġbu?
Ma nafx fejn il-gżejjer tiegħu ixejru l-weraq tal-palm. Li naf hu żgur li ma nistax nitbiegħed mill-imħabba u l-kura tiegħu. JOHN GREENLEAF WHITTER
|
|
3 AFFARIJIET
It-tliet affarijiet fil-ħajja li ma jerġgħux lura: Il-ħin, il-kliem, l-opportunitajiet.
It-tliet affarijiet fil-ħajja li ma jistgħux jintilfu: Il-paċi, it-tama, l-onestà.
L-aktar tliet affarijiet prezzjużi: L-imħabba, li temmen fik innifsek, il-ħbieb.
Tliet ħwejjeġ li fil-ħajja qatt ma huma ċerti: Ħolm, suċċess, ġid.
Tliet affarijiet li jibnulek il-karattru: Xogħol, sinċerità, dedikazzjoni.
Tliet affarijiet li jeqirduk: Xorb, kburija, qilla.
Tlieta li dejjem jibqgħu l-istess: Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Tlieta ħbieb li ma jgħaddix żmienhom: Ġesù, Marija, Ġużeppi.
|
|
IX-XMARA
L-ewwel wieħed, negozjant mustaċċun, kapaċi jbiegħ ir-ramel lil-Libjani, niżel għarkobbtejh u lissen talba: “Mulej, agħtini l-kuraġġ li ninxteħet f’dan l-ilma perikoluż tax-xmara. In-naħa l-oħra għandi tistennieni biċċa negozju li ser tħallili kemxa ġmielha. Nirdoppja d-dħul tiegħi. Imma jien mgħaġġel…” Qam bilwieqfa u wara ftit eżitazzjoni nxeħet fl-ilma. Iżda l-kurrent qawwi ħadu miegħu. It-tieni kien suldat magħruf għall-integrità u l-kuraġġ li wera. Qagħad dritt u talab: “Mulej, agħtini s-saħħa li negħleb din id-diffikultà. Lix-xmara rrid nirbħilha għax il-prinċipji tiegħi jgħiduli nitħabat biex nirbaħ.” Inxteħet bil-qlubija kollha imma l-kurrent kien b’saħħtu iktar minnu u spiċċa mirbuħ mill-ilma kiesaħ. It-tielet persuna kienet mara. Id-dar kellha jistennewha lil żewġha u lil uliedha. Anke hi talbet “Mulej, għinni, agħtini il-parir u l-għerf ta’ x’għandi nagħmel biex jirnexxieli naqsam din ix-xmara qalila.” Qamet u ntebħet li ftit ’il bogħod kien hemm ragħaj jieħu ħsieb il-merħla tiegħu. “Hemm xi mod kif naqsam din l-imbierka xmara?” staqsietu. “Xi għaxar minuti ’l bogħod minn hawn, wara dik id-daqsxejn ta’ għolja, hemm pont!” weġibha. Dak li tista’ tagħmel int ma għandekx tixħtu fuq Alla. |