+ L-Iben t'Alla sar Bniedem                         Marzu 2008 - Harga Nru 499

Kważi kull olimpjadi joħolqu xi eroj u naħseb li Shun Fujimoto kien wieħed minnhom fil-logħob li sar fl-1976. Dan l-atleta Ġappuniż tal-Ġinnastika kien għaġġeb lil ħafna bil-preċiżjoni tiegħu. Kienu ħafna li fehmu li hu kien ser ikun ir-rebbieħ tal-medalja tad-deheb għax ħadd daqsu ma kien eżatt fl-eżerċizzju li kienu qed isiru u li bil-mod il-mod kienu qed iwasslu l-atleti għall-finali. 

Imbagħad ġrat id-diżgrazzja. Fit-taħriġ ta’ qabel il-finali Fujimoto kiser irkobbtu. L-espressjoni ta’ wiċċu kienet tixhed mhux biss l-uġigħ imma forsi iktar il-fatt li kien ser jitlef dak li kien ilu joħlom għalih… il-medalja tad-deheb. Iżda l-għada, b’għaġeb ta’ kulħadd, Fujimoto deher ma’ l-atleti l-oħra. In-nies preżenti fl-istadium u dawk li kienu qed isegwu l-logħob fuq it-televiżjoni ma setgħux jemmnu lil għajnejhom. Kif seta’ atleta jikkompeti b’irkobbtu miksura. 

Iżda Fujimoto kien deċiż. Għalkemm riġlu kienet mimlija faxex xorta kien deċiż li jikkompeti. U x’ħin wasal il-ħin tiegħu tar lejn il-ħadida l-mimduda u beda jagħmel l-eżerċizzji tas-soltu qisu ma kienx b’irkobbtu miksura. Imma x’ser jiġri meta jaqbeż minn dak l-għoli u jrid jieqaf sobtu fejn jaqa’? Kif seta’ jagħmilha? 

Iżda għamilha u tant għamilha b’sengħa li ngħata l-medalja tad-deheb. Xi ħadd staqsieh jekk weġġax u wieġeb: “L-uġigħ kien tremend. Imma issa kollox għadda… imma l-medalja tibqa’ miegħi għal dejjem.”

 Jalla aħna nistinkaw għall-premju li ma jintemmx bl-istess impenn ta’ Fujimoto.


Ejja nixegħlu xemgħa flok nisħtu d-dlam

Kont sejjer lejn id-dar tard filgħaxija.

Ix-xarabank li kellha twassalna kienet kważi mimlija

imma l-bank li kont fuqu jien ma kelli lil ħadd ħdejja

sakemm tela’ ġuvnott li deher li hu Amerikan-Indjan

li poġġa fejni u wara tislima qasira

beda jongħos u fi ftit ħin smajtu saħansitra jonħor.

Kien rieqed fil-fond.

 

Wasalna Wisconsin

id-destinazzjoni aħħarija tax-xarabank

imma l-ġuvnott kien għadu rieqed.

Jien ma ridtx naqtgħu u ħarriktu bil-mod.

Qam u meta ntebah li konna wasalna

smajtu jitniegħed:

“X’għamilt! X’għamilt!”

“Xi ġralek?” staqsejtu.

“Kelli ninżel Albuquerque imma rqadt.

Kont għajjien mejjet

u kellu jkun hemm ommi tistennieni.

Ilni tliet xhur nieqes mid-dar.”

 

Din tagħna kienet l-aħħar xarabank.

Kien ikollu jara kif jagħmel u jorqod Wisconsin

imma f’qalbi smajt leħen jgħidli:

“Wasslu int... għandek karozza!”

U lil dan il-leħen għidtlu:

“Kif nista’? Albuquerque hi siegħa karozza bogħod.

Marti u wliedi jkunu jistennewni.

Jaħsbu li ġratli xi ħaġa.”

Imma kif stajt inħallih hemm waħdu?

Żagħżugħ li la għandu fejn joqgħod u forsi anqas biex jitrejjaq.

Għidtlu biex jiġi miegħi.

Sibna l-karozza pparkjata

u għidtlu li kont ser inwasslu jien f’Albuquerque.

 

Dan donnu ma riedx jemmen.

Ma setax jifhem kif barrani

li qatt ma ra qabel

kien ser jagħmel vjaġġ

ta’ 40 mil jew iktar

u jerġa’ lura lejn Wisconsin.

Ma riedx għax donnu staħa.

Imma nsistejt u rikeb.

 

Wassaltu d-dar

u sibt omm imbikkija

taħseb li binha ġratlu xi ħaġa

għax ma reġax lura.

U ferħet bil-qalb… ħaddnet lilu u lili.

 

U għad li għaddew iktar minn tletin sena minn din il-ġrajja

dik it-tgħanniqa għadha tferraħni

u tferraħni wkoll it-tislima li tani l-ġuvnott meta qalli:

“Ma nafx x’jismek imma jien naf ċert li int nisrani

għax kieku ma kontx twassalni

u naf ukoll li dak li temmen fih għadd iroddlok fil-wisa’.”

 

U raddli tabilħaqq għax dawk il-ftit mili ta’ karozza

għadhom sal-lum jhennuni kull meta niftakar fihom.

 

Tbati biex taqdi

imma m’hemm xejn li jferrħek

daqs servizz bil-qalb f’isem in-Nazzarenu.

 

Dakinhar jien xegħelt xemgħa

li l-fjamma tagħha għadha sal-lum mixgħula.


Dr Coronato Grech M.D. itemm l-artiklu interessanti

LIEMA REALTA'?

Biljun sena oħra (qabża ta’ għaxra) u l-affarijiet fil-passat kienu  ferm differenti. L-unika forma ta’ ħajja fuq il-pjaneta kienu twapet kbar ħodor ta’ pjanti primittivi u forsi xi annimali uniċellulari, ukoll primittivi, u bl-atmosfera probabli b’inqas ossiġnu mil-lum. Ġeoloġikament id-dinja kienet ferm iktar attiva, b’vulkani, terremoti, u tsunami iktar qawwija u frekwenti. F’dan il-perjodu ix-xemx kienet daret madwar erba’ darbiet maċ-ċentru tal-Galassija. Xi kwiekeb (Spectral Class A) bħal per eżempju Sirius, Vega u Altair (tlett kwiekeb prominenti ħafna fis-sema llum) ma jdumux jixegħlu għal iktar minn biljun sena, u allura dawn iffurmaw wara li tfaċċat il-ħajja fuq din il-pjaneta.

Kemm nistgħu mmorru lura fiż-żmien? Illum l-astronomi, minn ħafna linji ta’ xhieda, jaħsbu li s-sistema solari iffurmat madwar 5 biljun sena ilu, u dan minn fdalijiet ta’ ġenerazzjonijiet, jew iktar, ta’ kwiekeb oħra li ġew qabel. L-univers kollu mbagħad ifforma  madwar 15-il biljun sena ilu, u li allura dan huwa l-iktar żmien li tista’ tmur lura. Dan huwa tul ta’ żmien imbiegħed ħafna mir-realtà tagħna. Biex forsi nieħdu idea ta’ din l-immensità kollha ta’ żmien, immaġina l-avvenimenti msemmija kif jidhru fuq kejl ta’ sena:

Il-Big Bang fl-ewwel ta’ Jannar.

Bidu ta’ Settembru – iffurmat is-sistema solari u d-dinja.

L-aħħar ta’ Settembru – bdiet il-ħajja.

Bidu ta’ Novembru – is-sess fost il-pjanti.

15 ta’ Diċembru – l-hekk imsejħa Cambrian Explosion fejn kien hemm varjazzjoni tremenda fost l-annimali fil-baħar.

20 ta’ Diċembru – l-ewwel pjanti fuq l-art.

23 ta’ Diċembru – siġar u rettili.

24 ta’ Diċembru – dinosawri.

26 ta’ Diċembru – l-ewwel mammiferi.

31 ta’ Diċembru, fl-10pm, l-ewwel bnedmin primittivi.

31 ta’ Diċembru, l-aħħar 10 sekondi, l-istorja umana dokumentata. Jiġifieri dawk l-imperi, dinastiji u gwerer kif ukoll il-kitba, l-invenzjonijiet, arti u kull xorta ta’ kreattività, dawn kollha fl-aħħar 10 sekondi tas-sena kosmika!

U jekk lura nistgħu immorru 15-il biljun sena ‘biss’ kemm nistgħu mmorru fiż­żmien lejn il-futur? Nafu li x-xemx baqgħalha madwar 5 biljun sena oħra biex tispiċċa, meta mbagħad tipikament bħal kwiekeb bħalha, tisħon, tiħmar u tespandi. Id-dinja ma tkunx iktar abitabbli għax l-ibħra jixxuttaw u jevaporaw u l-art tisħon u tixxaqqaq.

Illum nafu wkoll li l-univers qed jespandi. Għal dawk ta’ warajna, fis-sema bil-lejl ma jkunx hemm differenza għax il-kwiekeb li naraw huma kollha tal-Galassija tagħna. Imma bit-teleskopji l-gruppi ta’ galassiji bil-mod il-mod jisparixxu u maż-żmien ta’ biljuni ta’ snin anke l-kwiekeb ‘tagħna’ ukoll waħda waħda jintfew xi wħud bi splużjonijiet qawwija u spettakolari. L-iktar kwiekeb li jdumu (ċerti red dwarfs żgħar) baqgħalhom madwar 200 biljun sena oħra, imma finalment kollha jintfew.

Illum bosta xjentisti jaħsbu li anke l-materja bħal protons, mhix stabbli u li fil-futur remot anke l-partiċelli kollha jispiċċaw. Trilljuni u trilljuni ta’ snin oħra ma jibqa’ xejn iktar għajr dlam, vojt, kesħa u enerġija mferrxa rqieq ħafna ħafna.

Xenarju ieħor differenti, u forsi possibli, huwa li l-univers fih materja biżżejjed biex l-espansjoni tieqaf, u bil-mod l-univers jerġa’ jingħalaq fuqu nnifsu, għall-ewwel bil-mod u mbagħad dejjem b’iktar saħħa, sakemm jerġa’ jiġi f’punt singulari minn fejn forsi jerġa’ jesplodi f’Big Bang oħra, minn fejn jista’ jifforma univers ieħor totalment differenti.

Intant, dan huwa il-futur remotissimu, li d-daqsxejn ta’ ħsieb fuq iż-żmien wassalna għalih… imma forsi għalissa aħjar tixrob dik il-kikkra kafè tajba qabel tiksaħ fi ftit minuti oħra.


FORSI JINTERESSAWK

Karità

Hemm statwa gustuża ta’ raġel ħdejn San Mikiel li għandu f’idejh miżien. F’dan il-miżien l-Anġlu għandu biċċiet tad-deheb fuq keffa u ħobża fuq oħra. Imma l-ħobża qed tegħleb id-deheb. U warajha hemm storja.

Jgħidu li kien hemm raġel sinjur xħiħ li kellu forn li kien jagħmel ħafna ħobż. Kien stagħna minn dan ix-xogħol. U darba tallab mar jitolbu ħobża u dan ma riedx jagħtih imma meta t-tallab baqa’ jinsisti, is-sinjur tefagħlu ħobża u qallu biex ma jersaqx iktar ’l hemm.

Bil-lejl is-sinjur ħolom li miet u ra d-dehra ta’ San Mikiel bil-miżien u fih il-keffa tad-deheb kienet megħluba mill-keffa mgħobbija ħobża. U fehem li quddiem il-Mulej il-ħniena tgħodd aktar mid-deheb. U jgħidu li tgħidx kemm sar karitattiv bit-tama li l-keffa tat-tajjeb tiegħu tegħleb lill-keffa l-oħra. U wara mewtu saret l-istatwa fuq dettalji li ta s-sinjur stess.

Aħna ma hemmx għalfejn naraw ħolm għax nafu li dak li nagħmlu mal-proxxmu qed nagħmluh miegħu u tal-wieħed jagħtina mija. Dan qalu dak wegħedna li kliemu ma jitħassar u ma jinbidel qatt.


Seħer in-natura

Stagħġbu n-nies meta raw pittur f’ramla sabiħa jħares lejn il-baħar u jpitter. Stagħġbu għax quddiemu fuq il-kavallett kien hemm mera u l-pittur kien qed ipittr lilu nnifsu. Xi ħadd kurjuż kurjuż mar ħdejh u staqsieh:

“X’ġejt tagħmel hawn jekk qed tpitter lilek innifsek? Stajt qgħadt id-dar.”

“Le ħabib. Meta nħares lejn dan il-baħar sabiħ nieħu bixra ta’ ferħ u l-pittura tiegħi nnifsi tiġi ferm isbaħ.”


Reklamar

Il-karozza l-ġdida ma kinitx ilha għandu iktar minn xahar. Mar biha fix-showroom minn fejn xtraha u sab is-salesman. Qallu:

“Ngħidlek il-verità nħossni diżappuntat b’din il-karozza. Stennejt ħafna iżjed. Jimporta terġa’ tgħidli l-kliem sabiħ li għidtli fuqha qabel xtrajtha ħalli nerġa’ nikseb il-fiduċja fiha!”


Kuntratt li rabtu

Il-perit tal-knisja famuża ta’ Londra, St Paul’s, Sir Christopher Wren,  f’ħajtu xejn ma kellu aktar abbundanti mill-inkwiet. Kuntratt kien jgħid li hu ma setax jingħata paga sħiħa qabel ma jlesti dan il-bini kollu. Għal din ir-raġuni kien jitħallas il-paga miżera, meta mqabbla ma’ kemm suppost ingħata, ta’ 200 lira fis-sena. Miet fis-sena 1723 u jinstab midfun f’dan l-istess katidral li hu bena u tant ħabb. Dan il-katidral kellu jara l-funeral ta’ Sir Winston Churchill u t-tieġ li ma tantx issarraf fi żwieġ bejn il-Prinċep Karlu u l-Prinċipessa Diana.


Irlandiż deher quddiem San Pietru u dan beda ifehmu:

“Dak li fid-dinja jieħu miljun sena hawn qisu minuta... dak li fid-dinja jiswa miljun lira hawn jiswa biss lira.”

L-Irlandiż tbissem.

“Agħtini lira tal-ġenna.”

Pietru wieġbu,

“Stenna minuta... naturalment tal-ġenna wkoll.”


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ FRAR

Peress li l-ewwel Sibt ta’ Frar kien Sibt il-Karnival il-laqgħa saret fit-tieni Sibt u għalhekk kien l-ewwel Sibt tar-Randan. Kellemna Dun Michael Said u ħa spunt mill-pastorali ta’ l-Isqfijiet għal dan iż-żmien ta’ grazzji speċjali. Iffoka fuq it-tliet punti ta’ talb, sawm u karità u evolva – fi kliemu - kull waħda minn dawn. Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum insibu bosta okkażjonijiet li jiddependi minna kif nużawhom. Meta ninqabdu fit-traffik nistgħu jew noqogħdu nitmasħnu u ma ngawdu xejn, inkella nlissnu sliema u qaddisa f’qalbna. B’hekk inkunu utilizzajna tajjeb ħin li, b’nuqqas ta’ ħsieb, jinħela. Meta nisimgħu l-kelma sawm moħħna jmur mill-ewwel fl-ikel… jew nuqqas tiegħu. L-antiki kienu jsumu randan sħiħ… il-Knisja ħallitilna biss jumejn. Iżda l-Papa preżenti poġġa quddiemna sfida ta’ sawm li żgur li għal bosta minna tkun ferm aktar iebsa… insumu mill-kliem u mill-ħars. Illum issib bosta li jsumu mill-ikel minħabba raġunijiet ta’ saħħa. U hemm bosta benefiċċji. Iżda żgur li fil-mixja spiritwali tagħna nagħmlu ħafna ġid jekk inkunu f’okkażjoni li kelma żejda ma ngħiduhiex la mhix ser tħalli ġid. Inkella niċċaħħdu minn ħarsa li nistgħu ngħaddu mingħajrha l-aktar jekk inkunu nafu li mhux ser tagħmlilna ġid. Il-fatt li ma taħlix ukoll jista’ jkun forma ta’ sawm. Is-soċjetà tal-lum taħli bla limitu. Nagħmlu tajjeb jekk ma nħallux lilna nfusna ninġarru mill-kurrent. Karità mhux bil-flus biss. Importanti iżda li meta nħarsu madwarna nintebħu bl-individwi li huma weħidhom, imdejqa, imwarrba. Kulma jkunu jridu kelma mingħandna biex nibdlulhom il-burdata. Fiċ-ċirkustanzi u l-imkejjen ta’ ħajjitna nafu fejn insibuhom u drabi kelma tagħmel ġid ħafna iktar minn flus jew oġġetti oħra li nistgħu nagħtu.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Kurun Attard ta’ Triq Sant’Indrija tela’ fir-rigali li tellajna li kienu jinkludu immaġni ta’ San Ġorġ Preca.


STEDINA

għal-laqgħa tal-ġuvintur ta’ nhar is-Sibt 1 ta’ Marzu fis-7.15p.m. wara t-tieni quddiesa fil-parroċċa. Sat-8.00p.m. inkunu lesti u jifdal biżżejjed ħin biex toħroġ ma’ ħbiebek.

Ejja int u ħajjar lil sħabek jiġu wkoll. Hija l-aħħar laqgħa tagħna tul dan ir-Randan. Mela tinsiex… nhar is-Sibt 1 ta’ Marzu 2008 fis-7.15p.m.


ĦSIEB GĦAR-RANDAN

Mhux l-imsiemer żammewh mas-salib iżda mħabbtu għalina.


SAN ĠORĠ PRECA QUDDIEM IL-KURĊIFISS:

“Lejk biss irrid inħares il-ġranet kollha ta’ ħajti.” 


 KELMET IL-BIBBJA LLUM

[Hu u jkellem lill-appostli

fuq it-tluq tiegħu minn din id-dinja,

Ġesù qalilhom:]

“Inħallilkom is-sliem;

nagħtikom is-sliem tiegħi.

Mhux bħalma tagħti d-dinja,

nagħtikom jien.”

(Ġw 14: 27)

 

Albert Schweitzer ħalla

karriera mużikali ta’ suċċess

warajh l-Ewropa

biex mar l-Afrika bħala missjunarju.

Jum minnhom, meta lura pajjiżu,

xi ħadd ried ikun jaf

biex jibda meta jkun irid ikellem

lill-indiġeni dwar Ġesù.

Wieġbu: “Meta nagħmlilhom id-differenza bejn qalb kwieta

u dik li ma għandhiex paċi,

l-aktar nies slavaġ li nkellem

jifhmuni mill-ewwel.

U meta nurihom lil Ġesù

bħala dak li jġib il-paċi ta’ Alla

lill-qalb tal-bniedem

ħsiebi jasal bla tbatija.”

 

Kif iġib il-paċi Ġesù

lil qalbi li ma għandhiex kwiet?

 

Irrid nibqa’ nipprova

inneħħi l-ħażen minn qalbi,

biex inħalli l-imħabba twarrad

naf li jekk hemm post għalik

fl-aktar biċċa intima ta’ qalbi.

RABINDRANATH TAGORE


Aktarx li fl-ebda parlament ma jikbru fjuri imma f’ħafna parlamenti u fil-kurituri tagħhom nibtu aneddoti li joħolqu tbissima u forsi jħallu wkoll tagħlima.

Fotografu resaq lejn Winston Churchill meta dan kellu kważi disgħin sena u talbu jħallih jeħodlu ritratt.

“Bil-qalb kollha ħabib. Ħu kemm trid u kif trid.”

“Grazzi sur Churchill. Jalla niġi neħodlok ritratt meta tagħlaq il-mija!”

“Għala le? Tidher b’saħħtek biżżejjed biex tkun għadek hawn meta jien nagħlaq il-mija.”


Darba Roosevelt, bħala kandidat repubblikan, iltaqa’ ma’ bidwi u staqsieh lil liema partit jappartieni.

“Jien dejjem ivvotajt għad-demokratiċi.”

“U għaliex dejjem ivvutajt għalihom?”

“Għax missieri kien dejjem demokratiku u anki nannuwi u missier nannuwi.”

“Allura kieku missierek u nannuk kienu ħallelin int kont tkun ħalliel ukoll?”

“F’dak il-każ kont inkun repubblikan!”


Kif kien dieħel fis-senat Lincoln waqaf ħdejn waħda tbigħ il-fjuri u xtara żewġ wardiet jew tlieta. Ħareġ karta ta’ 20 dollaru u taha lill-mara tal-fjuri. Din irringrazzjatu u ma għamlet l-ebda mossa biex tagħtih il-bqija. Il-president messilha l-minkeb u staqsieha:

“X’jgħidulu dan?”

“Minkeb, sur President,” irrispondiet il-mara.

“Iva, minkeb? Ħsibtu għarqub daqs kemm għandkom l-affarijiet għoljin hawnhekk.”


SKOND F’IDEJN MIN TKUN

 

Baseball f’idi jiswa madwar $6.

Baseball f’idejn Mark MCGuire jiwa $19-il miljun.

Skond f’idejn min ikun.

 

Basketball f’idi jiswa madwar $19.

F’idejn Michael Jordan jiswa madwar $33 miljun.

Skond f’idejn min ikun.

 

Racket tat-tennis ftit li xejn tiswa.

Iżda waħda f’id Venus Williams tirbaħ turnament.

Skond f’idejn min tkun.

 

Għasluġ f’idi l-aktar li jagħmel iżomm ’il bogħod annimal selvaġġ.

Għasluġ f’id Mosè jaqsam baħar fi tnejn.

Skond f’idejn min ikun.

 

Fajjara f’idi qisha ġugarell tat-tfal.

F’idejn David kienet arma tal-mewt.

Skond f’idejn min tkun.

 

B’ħames ħbejżiet u żewġ ħutiet  kapaċi nagħmel ikla ċkejkna.

Iżda f’idejn Kristu temgħu l-eluf.

Skond f’idejn min ikunu.

 

Imsiemer f’idi nista’ nużahom biex inwaħħalhom ma’ ħajt u ndendel inkwatru.

L-imsiemer f’idejn Kristu ġabu s-salvazzjoni lid-dinja kollha.

Skond f’idejn min ikunu.

 

Kollox jiddependi fuq skond f’idejn min tkun. Għalhekk qiegħed l-inkwiet, ħsibijiet, beżghat, tamiet, ħolm, familja u relazzjonijiet f’idejn Alla għaliex…

Skond f’idejn min tkun.