+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Marzu 2010

numru 523

Joseph Conrad kien pollakk. Mar l-Ingilterra u qatta’ ħajtu hemm. Tgħallem l-Ingliż u tant tgħallmu tajjeb li beda jikteb b’din il-lingwa. Kiseb isem mad-dinja b’kitbietu u għalhekk l-awtoritajiet ħassew li għandhom jonorawh. Informawh li l-monarkija kienet ser tonorah b’titlu ta’ ġieh.

Imma l-ittra baqgħet bla tweġiba. L-awtoritajiet ħasbu li mhux interessat iżda qabel jaqtgħuh mil-lista riedu jkunu ċerti u bagħtu lil xi ħadd ħabib tiegħu biex jindaga.

U dan sab li l-ittra anqas biss kienet infetħet… Peress li kienet ittra uffiċċjali Conrad ħaseb li kienet korrispondenza mid-dipartiment tat-taxxi li miegħu ġie li kellu xi kwistjoni u biex ma jinkwetax għażel li ma jiftaħhiex. L-inkwiet kien jgħaddih għall-għada.

Meta sar jaf qal:

        “Ittra li suppost ferħitni ilha tinkwetani ġimgħat.”

Conrad kien qed iġorr il-piż tal-passat u jgħaddih għall-għada. Ġesù darba qal: ‘Biżżejjed għal jum it-taħbit tiegħu’.

Għax meta nitgħabbew bl-inkwiet tal-passat u tal-futur ma’ dak ta’ llum il-piż joktor u bilfors ikissirna. Ejja nitgħallmu ngħixu ġurnata kuljum. Ma ninkwetawx fuq dak li ġara lbieraħ u anqas inħallu għal għada dak li suppost nagħmlu llum.


IEQAF FTIT U STRIEĦ FI PJAN TA’ TARAĠ IL-ĦAJJA

 

Fr John Powell

– ġiżwita Amerikan jirrakkonta

l-ġrajja ta’ tfajla

li qatgħet qalbha minn ħajjitha.

 

Tħares lura u ma tarax ħlief żbalji.

Wieħed ikbar minn ieħor

U darba sabet ruħha

ħdejn il-baħar

f’bajja sabiħa

medda ramel donnha bla tmiem

u t-tfajla bdiet miexja ma’ tulha

tixtieq li tiġi mewġa kbira

u tiblagħha

ħalli ħajjitha tintemm

għax ma kien baqgħalha

l-ebda preġju.

 

Miexja tul il-plajja

u taħseb dwar ħajjitha

kemm setgħet għamlet

għażliet aħjar

imma issa ma setgħet tagħmel xejn

biex tirranġa l-iżbalji

biex titla’ mid-dagħbien

li kienet fih.

 

Baqgħet miexja u dlonk ħarset lura

u rat warajha, mijiet ta’ passi,

li bħal ħajjitha ma kinux dritti

qisu wied li jserrep

ifittex l-inqas reżistenza fi triqtu

lejn il-baħar.

 

Il-passi tagħha hekk kienu

mgħawġin bħal ħajjitha

issummat tħares lejhom

u dlonk ġiet mewġa qawwija

ferm iktar qawwija mill-oħrajn

li xarbitilha riġlejja

u f’ħakka t’għajn ħassret il-marki kollha ta’ riġlejha.

 

It-tfajla ċċassat tħares lejn ir-ramel.

Issa bla xhieda li kienet għaddiet minn fuqu.

It-tgħawwiġ kollu tal-passi kien għosfor

u qalet f’qalbha:

“Anke jien nista’ nibda mill-ġdid.”

 

U din hi l-istorja li t-tfajla qalet lil Fr Powell

biex dan jgħidha lid-dinja.

 

Ieqaf ftit ħabib

fil-pjan ta’ taraġ il-ħajja

u ifhem li kien x’kien il-passat tiegħek

il-futur tiegħek għadu sabiħ u bla mittiefes.


MARZU

jikteb Dr CORONATO GRECH M.D.

Marzu huwa t-tielet xahar tas-sena, tal-inqas fil-kalendarju preżenti, għax fil-kalendarju Ruman antik, qabel ir-riformi ta’ Ġulju Ċesri fl-ewwel seklu qK, kien l-ewwel wieħed. Kien jissejjaħ Martius għal Mars - alla ruman tal-gwerra.

Fil-klima tagħna, għalkemm f’Marzu l-ġranet ikunu issa twalu sew, ikun għadu wkoll żmien il-ksieħ u bard: “f’Marzu aqla’ mnieħrek u qartsu” u “f’Marzu il-fart (barri) iħoss il-bard minn qrunu” u “Marzu Marzurellu, in-nanna bil-moxt u bir-rixtellu (makkinarju tal-insig)”. U anke xita: “Ibża’ mis-sokor ta’ Marzu”. Madankollu x-xita ġeneralment dejjem hija tajba: “Ħruġ Marzu  u dħul April, ix-xita karru deheb fin”. Barra ġranet tal-maltemp ikun hemm ukoll ġranet sbieħ li wara x-xitwa tant jispikkaw, għax “Marzu Marzurellu bil-kabozza u bil-kappellu.”

Il-kampanja issa hija fost l-isbaħ tas-sena, bil-ħdura fil-widien u mogħdijiet, b’tant fjuri ta’ pjanti slavaġ. U mal-isfar tal-ingliża issa, ġor-raba’ maħdum, jibda jkun hemm l-aħmar tas-silla. Is-sbuħija tal-kampanja ta’ Marzu, laqtet lil xi poeti nkluż Dun Karm (1871-1961) li  fil-poeżija  Rebbiegħa fi strofa minnhom jikteb:

Ġewwa l-ġonna s-siġar tiżhar,

hemm idur bl-eluf in-naħal;

il-ward kollu jiftaħ sidru

fl-isbaħ dawk ifuħ ir-raħal.

 U Trevor Zahra (1947-  ) li jibda il-poeżija, li wkoll jisimha “Rebbiegħa” bl-istanza:

Kollox jidħak, kollox tari,

firxet l-Hena kullimkien,

spiċċa d-dlam ta’ ljiel ix-xitwa,

qsar il-lejl u twalu l-jiem.

Ir-Rebbiegħa, li tibda fil-21 ta’ Marzu, hija żmien fejn in-natura tkun qed tqum mir-raqda tax-xitwa; il-ħdura tas-siġar u l-kuluri tal-fjuri huma forsi l-iktar sinjali prominenti. Mal-fjuri jaslu wkoll l-insetti u l-għasafar u n-namur ta’ ħafna annimali.  ‘F’Marzu kull għasfur ifittex lil martu’; u f ‘Marzu kull tajr ibid’;  għax  ‘Marzu, ir-rebbiegħa tal-bhejjem’;  u tal-inqas skont qawl ieħor, anke x-xebbiet jinnamraw: ‘Marzu Marzurellu jtajjar ix-xebbiet b’dellu’.

Marzu huwa wkoll żmien mard respiratorju partikularment allerġiji tal-imnieħer (rinite) u l-pulmun (ażżma). ‘Marzu, il-flissjonijiet komuni bħax-xebbiet’. Ir-raġuni (tal-flissjonijiet mhux tax-xebbiet) hija li f’Marzu jkun hemm ħafna trab tal-fjuri fl-arja.

Il-festa reliġjuża prinċipali ta’ Marzu hija dik ta’ San Ġużepp li tiġi fis-19 tax-xahar. Ftit li xejn nafu storikament fuq San Ġuzepp għalkemm huwa qaddis popolari ħafna. 

Għal min huwa interessat fl-astronomija, is-sema ta’ Marzu (sa madwar nofs  il-lejl, meta jsiru l-iktar osservazzjonijiet), huwa interessanti ħafna. Il-konstellazzjoni brillanti ta’ Orion (il-kaċċatur) li ddominat is-sema fix-xitwa, issa bdiet tiġbed sew lejn il-punent u tinżel ftit wara x-xemx. Hekk ukoll tagħmel il-konstellazjoni qribha ta’ Tauru (il-barri), bil-Plejadi (grupp promineti ta’ kwiekeb) magħha; u dik ta’ Auriga (is-sewwieq tal-karru). Min-naħa l-oħra bil-mod il-mod il-konstellazzjoni ta’ Leo tibda dejjem iktar issir promonenti; u ftit warajha dawk ta’ Bootes (ir-ragħaj) u Corona borealis.   Dawn il-konstellazzjonijiet kollha fihom il-kwiekeb individwali u interessanti tagħhom; u anke b’teleskopju żgħir kapaċi tara affarijiet oħra interessanti bħal kwiekeb  ‘ġodda’,  kwiekeb binari, u sħab interstellari fost l-oħrajn. U r-ritorn ta’ konstelazzjoni familjari bħal xi Leo qisu ir-ritorn ta’ xi ħabib antik.

U b’hekk ġurnata waħda wara l-oħra jkun għadda wieħed mill-isbaħ xhur tas-sena.


FORSI JINTERESSAWK

Sfida

Ġurnalist kien meħud fuq safari fl-Afrika biex jikteb dwar dak li jara u hekk iħajjar iktar turisti jżuru l-pajjiż. Kienet esperjenza tremenda b’għexieren ta’ annimali jimirħu f’meddiet kbar ta’ art. U fis-siġar bosta razez ta’ għasafar jgħannu u jibnu l-bejtiet. Imma l-ġurnalist intebaħ li l-għasafar kollha li kien qed jara kienu b’wiċċhom lejn ir-riħ li kien qed jonfoħ. U staqsa lill-gwida għaliex l-għasafar joqogħdu b’wiċċhom kontra r-riħ:

        “Għax inkella r-riħ iħarbtilhom ir-rix kollu!”

U l-ġurnalist meta ġie lura kiteb:

        “U l-għasafar għallmuni li meta niltaqa’ ma’ sfida ma nibżax… imma niffaċċjaha b’kuraġġ bħalma l-għasafar jiffaċċaw ir-riħ.”


Tattika

Il-vapur tat-turisti daħal il-Hawaii u tgħidx kemm laqgħuhom bil-fjuri u kant. It-turisti ħadu pjaċir u kollha xtaqu li jdumu ftit iżjed iżda l-ħin ma kienx jippermettilhom u kellhom jitilqu. Qabel ħallew il-gżira ġew xi bejjiegħa jbiegħu fjuri tal-plastik u jgħidu lit-turisti biex malli joħorġu mill-port jitfgħuhom il-baħar għax hemm leġġenda antika tgħid li dawk il-fjuri li jerġgħu jidħlu l-port iġibu lura lejn il-Hawaii lil min ikun tefagħhom.

It-turisti obdew u tgħidx kemm inxteħtu fjur fil-baħar bit-tama li jerġgħu jirfsu fuq dan il-post sabiħ.

Li ma rawx it-turisti kien il-fatt li l-bejjiegħa kienu lesti biex jiġbru dawk il-fjuri u jlestuhom għal turist oħra… qligħ bil-pulit minn fuq leġġenda popolari.


Ftakar f’nislu

H G Wells kien qed juri r-residenza tiegħu lil xi ħbieb u dawn innotaw kemm għandhom kmamar spazjużi l-qaddejja tiegħu. Xi ħadd staqsieh:

        “Kif lill-qaddejja tajthom kmamar tant arjużi, kbar u sbieħ? Is-soltu jagħtuhom kmamar żgħar fil-kantina!”

        “Naf li s-soltu jagħmel hekk mal-qaddejja. Ommi fil-fatt kienet waħda minnhom. Ma rridx li min jaħdem miegħi jgħaddi mill-istess esperjenza.”


Identiċi

Auguste u Jean Felix Piccard kienu xjentisti kbar Svizzeri. Tewmin li trid tħares mitt darba f’wiċċhom biex forsi tara xi differenza. Dan kienu jafuh u mhux l-ewwel darba li wieħed għamilha tal-ieħor. Darba Auguste daħal għand barbier u talbu jqaxxarlu l-leħja:

          “Qaxxarha sewwa għax il-leħja tiegħi tikber f’sagħtejn!”

Il-barbier saħan u qal:

        “Jekk wara sagħtejn ikollok il-leħja ejja u nqaxxarhielek b’xejn.”

U sagħtejn wara ħuh Jean Felix daħal għall-appuntament. U l-barbier baqa’ għomru kollu jirrakkonta li darba qaxxar leħja ta’ xi ħadd u fi żmien sagħtejn kienet kibret daqs kemm kienet qabel qaxxarhielu.

Min kien jisimgħu kien jgħoddu b’giddieb imma l-barbier kien mingħalih qed jgħid il-verità sagrosanta. Għalhekk diffiċli tgħaddi ġudizzju għax ma tkunx taf l-istorja kollha.


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ FRAR

Kienet laqgħa b’differenza. Bħalma ħabbarna fil-fuljett ta’ Frar il-laqgħa għamilha David Azzopardi. David ilu snin twal magħruf għal kanzunetti sbieħ li tana u għadu jagħtina. Fil-fatt l-ispunt prinċipali kien minn għanja sabiħa li tana dan l-aħħar dwar San Ġorġ Preca. Bħalma fissrilna tajjeb David, kieku Dun Ġorġ għadu ħaj żgur li ma jkunx irid trijonfaliżmu u bombastiċiżmu. Għalhekk din l-għanja poetika dwar dan l-ewwel qaddis Malti. Semmieha ‘Alla Bagħtek!’ għaliex min jaf kemm nies qaluhielu din f’ħajtu meta kienu jiltaqgħu miegħu u hu – bħala bniedem ta’ Alla – farraġhom b’kelma li qalilhom u serraħhom mill-piż li kien qed itaqqalhom. Kantalna – u min ried kanta miegħu – kanzunetti evergreen tiegħu bħal ‘Fis-Santwarju tal-Madonna’ u ‘L-Għasfur tal-Bejt’. David ħa l-okkażjoni biex iwassal messaġġ – mhux biss permezz tal-kliem tal-għanjiet – imma anki bejn kanzunetta u oħra. Tana idea ta’ kif jikteb. Qatt ma jikteb biex ikun kiteb xi ħaġa imma għax tassew iħoss li dak li għandu jgħid iniżżlu f’poeżija. Hekk per eżempju ‘L-Għasfur tal-Bejt’ kitibha fuq ir-riħ tal-Imġarr meta kien mistieden biex jagħmel xi eżerċizzi lill-bdiewa ta’ dik ix-xaqliba ta’ Malta.

Ħadna gost li n-numru żdied minn laqgħat oħra ta’ matul is-sena. Nieħdu gost li kemm l-old boys u missirijiet kif ukoll il-ġuvintur tal-lum jiżdiedu fin-numru. Int li qed tirċievi dan il-fuljett ukoll tista’ tagħmel is-sehem tiegħek. Jekk m’intix qed tiġi, biex tibda tattendi, u jekk diġà qed narawk fostna ħajjar lil sħabek u dawk kollha li jaqgħu taħt il-kategoriji li jistgħu jattendu. Kelma ta’ ġid tiswa għal kulħadd.

Ħajr lil Angelo Muscat ta’ Anġlu Bar taż-żewġ vouchers pizza li tana u messew bix-xorti lil Pawlu Buttigieg ta’ Triq David Cocco Palmeri u Tonio Grech ta’ Triq Binġemma.


MERĦBA U STEDINA GĦAL-LAQGĦA TA’ MARZU

Dawn il-ġranet tħabbret in-nomina tal-Arċipriet il-ġdid Mons Jimmy Xerri PhL. L-ewwelnett nagħtuh merħba u nawgurawlu ħidma sfiqa fil-parroċċa tagħna u nwegħduh it-talb tagħna. Peress li meta qed jiġi stampat dan il-fuljett Monsinjur Xerri għadu l-Brażil għad ma għandniex konferma jekk jistax jiġi biex jagħmlilna l-laqgħa. Imma aħna żguri li jiġi jekk ma jkollux impenji oħra. Għalhekk nistednuk, għażiż ħabib, biex tkun magħna għal din l-ewwel laqgħa tagħna mal-Arċipriet il-ġdid.  Il-laqgħa ser issir nhar is-Sibt 6 ta’ Marzu 2010 fis-7.15p.m.

Mela ħabib tinsiex, nhar is-Sibt 6 ta’ Marzu fis-7.15p.m. Ejja int u ħajjar lil ħbiebek jiġu wkoll.


 

 

 

GRAZZI ARĊIPRIET MUSCAT

Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lill-Arċipriet Mons Salv Muscat tal-għajnuna li dejjem sibna fil-parrokat twil tiegħu. Monsinjur Muscat hu ħabib u benefattur kbir tal-qasam tagħna tal-MUSEUM u l-laqgħa mexxiha hu kemm-il darba. Nawgurawlu snin ta’ mistrieħ mir-responsabiltà kbira ta’ parroċċa wara l-ħafna xogħol li għamel fir-raħal tagħna għad li fil-għalqa tal-Mulej ma hemm ħadd li jista’ joqgħod b’idejh fuq żaqqu.


GĦADU JSEJJAĦ ANKI LLUM

[Aħseb f’dak kollu li Alla għamel għalik!]

il-Mulej, Alla tagħkom…

ħabb lil misserijietek,

ħatar nisilhom ta’ warajhom;

u ħarġek bil-għajnuna tiegħu ,

bil-qawwa tiegħu kbira

mill-Eġittu.”

Dewteronomju 4: 34, 37

 

Henry Ward Beecher

juża din it-tixbiha.

Nagħtu kas xi ħadd tak

dixx ramel li fih xeħet

frak tal-ħadid.

Tgħaddi u terġa’ tgħaddi subgħajk

mir-ramel

u ma tara xejn.

Imbagħad taqbad kalamita

u tgħaddiha mir-ramel.

Toħroġ mimlija frak tal-ħadid.

Nies ingrati huma bħal dak

li ried isib il-ħadid b’subgħajh biss.

U gerger li ma hemmx.

Hekk għamlu l-Lhud.

Gergru kontra l-Mulej.

U hekk nagħmlu aħna

meta ma nħarsux ftit sew

lejn ħajjitna

u naraw lil Alla jaħdem fina.

 

Meta kont ingrat?

Kif nista’ npatti?

 

Alla joqgħod f’żewġ postijiet:

fis-sema u f’qalb l-umli u l-grat.

Izaak Walton


Dalgħodu qomt b’xewqa kbira li ngħid

“GRAZZI”

lil Alla.

 

Grazzi għal dak kollu li Alla jagħtina bla qies …saħħa, ferħ, ġid.

Grazzi tal-lezzjonijiet iebsa li kelli ngħaddi minnhom li ġagħluni nsir naf aħjar lili nnifsi u lill-oħrajn.

Grazzi tal-fjaski li kelli nġarrab li ħarrġuni fl-umilta’, li qatt ma għandi npoġġi komdu fuq dak li wettaqt fil-passat, u l-bżonn li nifhem id-diffikultajiet tan-nies l-oħra li, bħali, bosta drabi, jkollhom bżonn min iweżinhom.

Grazzi tal-opportunitajiet li kabbruli l-paċenzja, it-tolleranza u t-tama.

Grazzi ta’ kemm-il darba skoprejt ir-realtà u l-verità.

Grazzi tal-ħwejjeġ sbieħ li fhimt u l-ħżiena li ħallejthom għaddejja, għas-soluzzjonijiet li sibt u t-talenti li rawwamt, għar-rebħiet li akkwistajt u l-jiem sbieħ li għixt.

Grazzi tal-ġenituri li ħabbewni u l-ħbieb li ltqajt magħhom, l-għalliema li għallmuni u l-kotba li qrajt, il-vjaġġi li għamilt u l-ikliet li sostnewni.

Grazzi tax-xeni li ammirajt u x-xemx li saħħnitni, il-ward li għaxxaqni u l-arja li ħadt.

Grazzi talli naf li int qiegħed miegħi minkejja l-iżbalji tiegħi, tħarisni għax jien fraġli, tħobbni għad li ma iniex perfett u tibqa’ turini t-triq minkejja li jien rasi iebsa.

Grazzi tal-pjaċir li kuljum inħossni ‘ħaj’, ta’ kull għodwa li nqum biex fiha ngħix u nħobb.

Grazzi Mulej ta’ nifs il-ħajja!

 

Nawguralek jum mill-isbaħ!!


IL-MOBILE PHONE vs IL-BIBBJA

Niskanta x’kien jiġri kieku nistmaw il-Bibbja daqs il-mobile phone tagħna.

X’jiġri kieku kellna nġorru l-Bibbja fil-bwiet tagħna?

Jew inqallbu l-paġni tagħha kemm-il darba matul il-jum?

Kieku kellna nduru lura jekk insejnieha d-dar?

Jew inqallbuha ta’ spiss biex naraw jekk irċivejniex xi messaġġ?

Li kieku stmajnieha daqslikieku ma nistgħux ngħaddu mingħajrha?

Inkella tajnieha lil uliedna u lil ħbiebna bħala rigal?

X’jiġri kieku neħduha magħna meta nsiefru?

Jew użajnieha f’każ ta’ emerġenza?

Ħaġa oħra…b’differenza mill-mobile phone tagħna ma għandniex għalfejn ninkwetaw li ma għandniex linja. Linja dejjem fih u Kristu ħallas il-kont kollu... minn qabel.

 

Hemm bżonn nieqfu u naħsbu ftit: “Fejn huma l-prijoritajiet tagħna?”

L-ebda sejħa ma tkun rejected. Ma hemmx bżonn tiċċarġja l-batterija. X’int tistenna?