![]() +L-Iben t'Alla sar Bniedem Mejju 2007 numru 489 Meta taqraha taħseb li qed taqra ħrafa jew leġġenda imma fil-fatt ġrat tabilħaqq kif jirrakkonta Max Lucado, predikatur famuż u awtur ta’ ħila.
Iżda jum wieħed Catherine ma dehritx fil-ħabs. Intebħu li ġara xi ħaġa. U kien ġara tabilħaq għax Catherine kienet ittajret minn karozza u baqgħet mejta fuq il-post. Meta din l-aħbar ġiet ikkonfermata, il-priġunieri marru fejn id-direttur tal-ħabs u qalulu: “Nixtiequ ferm li mmorru għall-funeral ta’ Catherine. Niżgurawk li rispett tagħha ħadd minna ma jaħrab.” Id-direttur infixel. Kien jaf kemm kien hemm rispett reċiproku bejn Catherine u dawn il-ġuvintur iżda beża’ jiftħilhom għax setgħu jaħarbu u mbagħad ħobżu u l-libertà tiegħu jintemmu għax jispiċċa arrestat. Imma qalbu qaltlu li din kienet okkażjoni fejn dawn il-priġunieri setgħu jaraw, għall-aħħar darba, il-benefattriċi tagħhom u forsi xi ftit minn kliemha kien jidħol ġo qalbhom għal dejjem. U ta l-permess li riedu. Ħarġu għall-funeral u qagħdu hemm tul iċ-ċerimonja kollha. U fi tmiemha kull wieħed minnhom irritorna lejn iċ-ċella tiegħu. Ħadd minnhom ma ħarab. Daqshekk hi qawwija l-imħabba! Ejja nagħmlu ħilitna biex inxerrdu din l-imħabba ma’ dawk kollha li l-ħajja tlaqqagħna magħhom. Anki ma’ dawk li mhux faċli turihom imħabba għax qajla japprezzaw dak li tagħmel għalihom. Imma l-Mulej lil dawn iħobbhom ukoll u jekk stess inkunu qed nagħżqu fl-ilma xorta l-Mulej iħallasna ta’ l-isforz tagħna għax li nagħmlu ma’ l-oħrajn, hu jqisu magħmul lilu. |
| XENI MINN TREJQET IL-HAJJA
Niftakarha qisha ġrat ilbieraħ għad li issa għaddew għexieren ta’ sjuf mill-ġrajja. Konna ċorma żgħażagħ moħħ ir-riħ nittentaw ix-xemx għaddejja. Tħajjarna mmorru hike. Kien Mejju u l-kampanja kienet qisha tapit kollu kuluri.
U kif konna mexjin bil-lajma niggostaw l-arja ħielsa mid-duħħan ta’ beltna lmaħna raġel xwejjaħ
jiġri wara l-moħriet li kellu biex ikisser il-ħamrija iebsa li kienet tiksi għalqa.
U ma’ ġenb it-triq kien ħalla par żarbun qadim... beda jitqatta’.
“Ejja naħbuhulu u noqogħdu nistennewh jispiċċa u tara kemm nidħku narawh idur ifittex. U ma ndumux nistennew għax l-għalqa kważi ġà maħruta.” “Iva… ċajta ħelwa naraw lix-xwejjaħ jitlef is-sabar.” “U jekk inhu devot forsi jagħmel wegħda lil Sant’Antnin biex isibulu.” Iżda wieħed minna dlonk qalilna: “Jekk tridu tagħmlu ċajta li jibqgħu niftakru jiemna kollha ejjew flok naħbuhulu nitfgħulu fih il-muniti żgħar li nzertaw qegħdin f’butna.”
L-idea ntgħoġbot u flok ħadnielu żżarbun mkagħbar tfajna ġo fih għexieren ta’ muniti u bqajna taparsi sejrin fi triqtna imma fil-fatt morna u staħbejna wara ħajt narawh imma lilna le jarana.
U meta spiċċa x-xogħol u ġabar l-għodda mar bilġri ixidd iż-żarbun li kellu. Rajnieh jinqata’... jieqaf ħesrem. Iħares ’l hawn u ’l hemm mifxul għal darba. Imbagħad rajnieh iħares ’il fuq u waqt li tbissem lill-Mulej qallu b’ton għoli: “Tefagħhom min tefagħhom hemm naħseb li int għidtlu għax taf li kelli bżonnhom!”
Dakinhar tgħallimt xi tfisser ċajta. Jieħu pjaċir min jagħmilha daqs dak li jirċeviha.
|
ALH84001 jikteb Dr Coronato Grech M.D. Skond l-awtur Amerikan Isaac Asimov (1920-92) is-sistema solari tikkonsisti minn ‘erba’ pjaneti u frak’. Huwa kien qed jirreferi għal fatt li hemm erba’ pjaneti kbar (Jupiter, Saturn, Uranus, u Neptune), waqt li l-oħrajn huma ħafna iżgħar (id-Dinja, Venus, Mars, Mercury u Pluto). Mal-‘frak’ hemm jerġa’ frak ieħor ferm iżgħar: l-asterojdi, biċċiet ta’ blat li minnhom hemm eluf, l-iktar bejn l-orbiti ta Mars u Jupiter, u b’daqs minn għexieren ta’ kilometri sa ftit metri; frak ieħor huma l-kometi, iduru f’orbiti eċċentrici u ta’ ftit kilometri; u frak ieħor ta’ daqs ta’ millimetri, li meta jinqabad mid-dinja u jidħol fl-atmesfera narawh bħala faxx dawl momentarju – meteora, jew kewkba feġġejja, li kważi jidhru f’kull lejl. Jekk il-fraka ta’ meteora tkun ta’ daqs kbir biżżejjed li ma tinħaraqx għal kollox din tasal sa l-art fi splużjoni qawwija u fdalijiet li jibqa’ jissejħu meteoriti. B’xorti tajba sallum għadu ħadd ma ndarab jew miet minn xi meteorita. Pero’ fil-formazzjoni tas-sistema solari minn sħaba ta’ frak, madwar 4,500,000,000 sena ilu, kien hemm bumbardamenti tremendi kif jixhdu l-ħofor innumerabbli fuq wiċċ il-qamar u xi pjaneti oħra. U anke fid-dinja, minkejja l-effetti tat-temp u attivita’ ġeoloġika, għadhom jidhru xi ħofor, l-iktar famuża u ovvja hija Meteor Crater, ħofra fonda u tonda, b’diametru ta’ iktar minn kilometru, f’Arizona, l-Istati Uniti. Il-katastrofu ta’ ħabta bħal din jista’ biss jigi immaġinat, u għalkemm illum ir-riskju huwa baxx, pero mhux żero, anzi fuq medda ta miljuni kbar ta’ snin huwa inevitabbli. Kien aktarx katastrofu bħal dan, madwar 65 miljun sena ilu, li drammatikament qered id-dinosawri u tant speċi ta’ ħajjiet oħra.
Fis-27 ta’ Dicembru 1984 xi xjentisti fl-Antarktika sabu ġebla skura, b’daqs ta’ madwar 15-il ċentimetru, u bil-materjal tal-wiċċ tagħha qisu ħġieg, xhieda ewlenija li din hija meteorita li nħarqet parti minnha hija u dieħla fl-atmosfera. Din ingħatat l-isem ta’ ALH84001. Għall-ewwel kien maħsub li din hija meteorita normali, fis-sens li ġejja mill-frak ta’ l-ispazju bejn Mars u Jupiter. Imma analiżi dettaljata tal-gassijiet ta’ ġo fiha wrew li din tixbah ħafna lil ġebel ta’ wiċċ il-pjaneta Mars. U x’gassijiet fihom xi ġebel minn Mars sirna nafuh meta fil-1976 żewg vetturi Amerikani kienu niżlu fuq Mars u analizzaw xi ġebel u ħamrija, l-iktar bit-tama li tinsab xi forma ta’ ħajja mikroskopika. (ma nstabitx). Jekk ALH84001 hija ġebla minn Mars kif waslet fl-Antarktiku tad-dinja tagħna? L-attentat għal tweġiba jerġa’ jeħodna lejn il-bumbardament tal-pjaneti u l-qmura tagħhom miljuni ta’ snin. Mid-dehra Mars ġiet milquta minn asterojde kbira li tellgħet ġebel u trab ’l barra kompletament mill-pjaneta għal ġo l-ispazju interplanetarju. Waħda minn dawn il-ġebel, maż-żmien qorbot biżżejjed lejn li nqabdet mill-gravita’ tad-dinja u niżlet tixgħel fl-Antarktiku fejn instabet 23 sena ilu. Studji oħra juru li waqgħet madwar 13,000 sena ilu, żmien il-Bronż fl-Ewropa. Kemm dan ix-xenarju drammmatiku huwa probabbli, anzi ta’ ħbit iktar kolossali, jidher mill-fatt li żewġ pjaneti għadhom juru effetti globali: Venus qed iddur fuqha innifisha, kemm bil-mod ħafna u l-kontra tal-pjaneti l-oħra kollha; Uranus fl-orbita madwar ix-xemx qed iddur fuq ġenbha, iktar qisha xi kartell jinbaram; u Phobos, qamar żgħir ta’ Mars għandu strixxi fondi fih li juri ħabta li kważi qasmitu fi tnejn. Intant, ALH84001 reġgħet fl-aħbarijiet meta fil-1996 xjentisti minn NASA, wara studju dettaljat ssuġġerew li f’din il-ġebla hemm xhieda ta’ traċċi ta’ ħajja, biċċa aħbar tant eċitanti li tħabbret mill-president Clinton fuq it-televiżjoni. Imma kienet konklużjoni prematura. Madankollu l-istorja ta’ din il-ġebla, anke jekk bla ħajja, hija affaxxinti daqs l-aqwa fantaxjenza.
|
| FORSI JINTERESSAWK Kliem ta’ piż Fil-1863 il-president Lincoln għamel din id-dikjarazzjoni: “Pajjiżna kiber fin-numru, fil-qawwa u fil-għana. Forsi ebda nazzjon ieħor ma kiber daqsna. Iżda nsejna lill-Mulej u għalhekk jixraq li lkoll kemm aħna numiljaw ruħna quddiemu, nistqarru ħtijietna. Għal dan il-għan nipproponu li t-30 ta’ April 1863 ikun jum nazzjonali ta’ sawm u talb lill-Mulej li żgur jisma’ talbitna.” Tgħid reġa’ wasal iż-żmien li xi ħaddieħor mill-qawwijin tal-lum joħroġ bi proposta simili? Skużi kemm irridu Il-kappillan waqaf jitkellem ma’ sakranazz biex jipprova jħajru jħalli t-triq li qabad. Sakranazz: Skużani kappillan… imma kollu ħtija tal-kappillan li kellna fir-raħal qabel ġejt int. Kappillan: X’jaħti l-kappillan ta’ qabli? Sakranazz: Kien hu li meta għammidni għamilli l-melħ fuq xofftejja u bqajt bil-għatx għomri kollu!
Iktar ma x-xarba tkun qawwija iktar tiddgħajjef ir-rieda ta’ ġo fik.
Perfezzjonista Lill-pittur famuż Taljan Perugino staqsewh jibżax imut. Wieġeb: “Il-professjoni tiegħi ta’ pittur u nagħmel ħilti kollha biex nirnexxi fiha. Il-professjoni tal-Mulej hi ta’ Missier u naf żgur li fiha rnexxa ħafna. Kif nista’ nibża’ niltaqa’ ma’ Missieri meta jien ċert li jħobbni!” Kwistjoni ta’ rispett
Fi żmien San Filippu Neri,
ħafna rġiel kattoliċi kienu jgħaddu “Dak x’musmar hu li għandek mal-beritta?” Ir-raġel kien pront neħħa l-beritta imma ma lemaħ l-ebda musmar. U staqsa: “X’musmar hu?” “Il-musmar li żamm il-beritta msammra ma’ rasek għad li għadek kemm għaddejt minn quddiem ir-Re tar-rejjiet.” Jalla aħna li nemmnu nuru twemminna billi b’rispett u qima ngħaddu minn quddiem is-Sagrament. Daż-żmien il-bniedem… M’għadux jigdeb… sar jagħti biss misinformazzjoni. M’għadux jisraq… sar biss jagħmel profitt. M’għadux joqtol… sar biss itemm it-tqala qabel żmienha. M’għadux jikser kmandamenti… sar biss jagħmel bħall-oħrajn. M’għadux jidneb… sar biss moħħu miftuħ. Nistgħu nibdlu l-isem iżda l-ħażin jibqa’ ħażin. It-tabib kien qed jinviżta lill-pazjent. F’daqqa waħda dar lejn il-mara u qalilha b’dieqa: “Jiddispjaċini… żewġek ħalliena.” Ir-raġel għad li agonizzant qal b’kemm kien fadallu saħħa: “Le, jaħasra… għadni ma mittx!” “Imma kemm int meruż... ser tibqa’ tmeri sa l-aħħar... anki lit-tabib!” |
| AHBARIJIET TA' INTERESS IL-LAQGĦA TA’ APRIL Rajna l-video tal-play ‘L-aktar raġel għani tal-wied’ li konna għamilna fil-programm ta’ Awissu xi snin ilu. Hija ġrajja ħelwa ta’ familja sinjura li r-raġel kien iffissat li fil-wied fejn kienu joqogħdu ma jkun hemm ħadd sinjur aktar minnu. Jaħdem u jistinka minn sbiħ il-jum sa tard bil-lejl u anqas ħin biex jilgħab ma’ ibnu ma kien isib għad li kien jixtrilu l-aħjar ġugarelli li kien hemm għall-bejgħ. Martu dejjem tgergirlu li mhux qed jaqdi d-dmir ta’ missier għaliex qatt ma jsib ħin biex joqgħod ma’ binhom. Għad li permezz tax-xogħol tiegħu ma kien jonqoshom xejn li jista’ jinxtara iżda kienu mixtieqha ħafna mill-preżenza tiegħu. Mal-familja kien hemm joqgħod seftur anzjan li f’ħajtu qatt ma xtaq xejn. Kien dejjem kuntent b’xortih. Ferħan b’li għandu. Bħala karattru kien il-maqlub tas-sinjur. Iżda darba kellu ħolma li ħawditu. Ħolom li deherlu anġlu li qallu li sa nofsillejl ser imut l-aktar raġel għani tal-wied. Itella’ u jniżżel u fl-aħħar iddeċieda li aħjar jgħidlu b’kollox lis-sinjur. Dan, għad li qal li ma emminhiex il-ħolma iżda qerr u tqarben u sa nofsillejl kien għadu jferfer. Iżda l-għada s-seftur ix-xwejjaħ ma qamx. Kien miet bħal għasfur. L-istorja tintemm b’mart is-sinjur targumenta li l-ħolma kienet minnha… l-aktar raġel għani tal-wied kien miet… żewġha kien sempliċement l-aktar raġel sinjur. U bejn sinjur u għani hemm baħar x’jaqsam. Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Ryan Bugeja ta’ Triq Piju Cellini tela’ fir-rigal. STEDINA ...ghal-laqgha tal-guvintur ta’ nhar is-Sibt 5 ta’ Mejju fit-8.15p.m. wara l-ahhar quddiesa fil-parrocca. Ser ikellemna Dun Eddie Vella li ghandu esperjenza kbira maz-zghazagh. Zommu dan l-appuntament mensili maghna u xi haga ta’ gid tiehdu zgur maghkom. Nofs siegha lezzjoni maghna isebbhilkom id-divertiment tal-weekend – sad-9.00 nkunu lesti. Jifdal hin biex tohorgu mal-hbieb. MELA NISTENNEWKOM... is-Sibt 5 ta’ MEJJU fit-8.15p.m. |
| IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM “Issa kien Mosè bniedem umli ħafna, iżjed minn kemm nies hemm fuq wiċċ id-dinja.” {Numri 12: 3}
George Washington Carver beda ħajtu bħala iben ilsir iswed. Meta kiber iggradwa fl-Agrikultura minn Iowa State College u sar botanista u chemist imsemmi. Kien jaħdem f’Tuskegee University ta’ Alabama u ta kontribut siewi ħafna billi sab użi ġodda għall-prodotti. Darba qal din l-istorja: “Meta kont żgħir staqsejt lil Alla biex jgħarrafni l-misteri ta’ l-univers. Iżda Alla qalli: ‘Dak l-għerf għalija biss.” Imbagħad staqsejtu biex jgħarrafni l-misteri ta’ karawetta.’ U Alla weġibni: ‘Iva, George, Dik aktar t’amparek.’”
Sakemm kapaċi nasal li nitkabbar biex nimpressjona l-oħrajn? Lil min u għaliex?
In-nies jobogħduni għax għandi talent kbir jien sinjur u magħruf mad-dinja kollha. JERRY LEWIS |
|
10 REGOLI
BIEX TKUN BNIEDEM 1S 1. Ser tirċievi ġisem. Tista’ tħobbu inkella tobogħdu, iżda bih ikollok toqgħod iż-żmien kollu li tgħix. 2. 2. Titgħallem bosta lezzjonijiet. Għax issa ser tibda skola informali msejħa ‘ħajja’. 3. 3. Ma jeżistux żbalji. Tagħlimiet biss. Li tikber ifisser li qiegħed fi proċess ta’ provi u esperimentazzjoni. L-esperimenti li jfallu huma importanti daqs dawk li jirnexxu. 4. 4. Tibqa’ tirrepeti lezzjoni sakemm titgħallimha. Lezzjoni tasallak b’modi differenti sakemm tasal għat-tagħlima. Meta titgħallimha tgħaddi għal-lezzjoni ta’ wara. 5. 5. It-tagħlim ma jintemmx. Ma hemm l-ebda parti tal-ħajja li ma fihiex tagħlima. La għadek ħaj, sinjal li fadallek x’titgħallem. 6. 6. Ma hemmx post aħjar minn ‘hawnhekk’. Meta ‘hemmhekk’ isir ‘hawnhekk’ issib ‘hemmhekk’ li taħsbu aħjar minn ‘hawnhekk’. 7. 7. In-nies l-oħra huma mera tiegħek innifsek. Ma tistax tħobb jew tobgħod xi ħaġa fi bniedem ieħor jekk ma tkunx tirrifletti xi ħaġa li tħobb jew tobgħod fik innifsek. 8. 8. Hu f’idejk x’tagħmel b’ħajtek. Għandek l-għodda u dak kollu meħtieġ. Int taf xi trid tagħmel bihom. L-għażla f’idejk. 9. 9. Ir-risposti jinsabu ġo fik. Ġo fik tħoss dak li hu tajjeb u dak li hu inqas tajjeb. Kulma trid tagħmel hu ħares, isma’ u afda. 1010. Dan kollu għad trid tinsieh.
|
| L-ESPERT Jum minnhom raġel iddeċieda, “Irrid nitgħallem kollox. Jekk ikun hemm bżonn indur dawra mad-dinja u nitgħallem dak kollu possibli.” Hekk iddeċieda u hekk għamel. Beda jterraq mat-toroq imserrpa tad-dinja. Mill-aqwa professuri tgħallem il-ġografija, l-istorja u l-firxa kollha tax-xjenzi. Skopra t-teknoloġija, entużjażma ruħu għall-matematika u ġġennen fuq l-informatika. Irrekordja kollox fuq diski, dvds u cds. Ried kopja ta’ kull tagħrif li sab. Mar lura lejn id-dwejra tiegħu ferħan u sodisfatt. “Issa tassew naf kollox!” kien itenni lilu nnifsu.
Ir-raġel reġa’ telaq, bla ma lissen kelma. Għadu jdur mad-dinja. Kap 13 ta’ l-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintu hu innu lill-imħabba. Aqrah bil-mod u xtarr kull kelma. Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u ta’ l-anġli u ma għandix imħabba, kont inkun bħal strument tar-ram idoqq jew ċimblu jżarżar. U kieku għandi d-don tal-profezija u naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, u kieku għandi l-fidi kollha, li nħarrek il-muntanji u ma għandix imħabba, ma jiena xejn. Jekk inqassam ġidi kollu u nagħti ġismi biex jinħaraq u ma għandix imħabba, xejn ma jiswieli. L-imħabba taf tistabar; l-imħabba hi twajba, ma tgħirx; l-imħabba ma tiftaħarx, ma titkabbarx; ma tagħmilx dak li ma jixraqx, ma tfittixx dak li jaqblilha, ma teħux għaliha, ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bid-dnewwa, imma tifraħ bis-sewwa. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-imħabba qatt ma tmut. Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf. L-għerf tagħna hu nieqes ..... Issa hawn fidi, tama u mħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar fosthom hi l-imħabba. |