+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Mejju 2008       numru 501

Illum Verdi hu meqjus u meqjum bħala wieħed mill-ikbar kompożituri li qatt rat id-dinja. U għalhekk tiskanta meta taqra li s-serata li fiha hu ppreżenta waħda mill-ikbar opri tiegħu ‘La Traviata’ kien milqugħ b’żufjett, daħk u ibbujjar.

Il-maestro nkedd bi sħiħ meta l-udjenza f’teatru f’Venezja ma apprezzatx xogħlu li kien swielu ħafna ljieli bla rqad biex ilesti l-opra fi żmien xahar. Imma dan ma qatagħlux qalbu u kompla jikteb u jikkomponi. Ismu beda jissemma fiċ-ċrieki mużikali tad-dinja u meta reġa’ ppreżenta l-istess opra tgħidx kemm ċapċpulu u ferħulu.

Għat-Taljani kien eroj nazzjonali u fl-opri tiegħu raw is-sinjal ta’ moviment nazzjonali li lest jeħodha kontra l-Awstrijaċi u jkeċċihom mill-art Taljana. Tant li isem Verdi sar sinonimu mal-moviment favur il-ħelsien ta’ pajjiżhom. Kienu jiktbu VERDI b’ittra kbar ma’ kullimkien u għal kull ittra kienu joħolqu kelma li kienet turi x-xewqa tagħhom li jiffurmaw nazzjon taħt ir-re Vittorio Emanuele:

        Vittorio Emanuele Re DItalia

U meta miet Verdi t-teatru La Scala ta’ Milan, forsi l-iktar teatru imsemmi fl-Italja, dam xahar sħiħ magħluq b’sinjal ta’ luttu għall-mewt tal-maestro.

Imma kieku Verdi qata’ qalbu meta sema’ l-udjenza ta’ Verdi tibbujjah u tidħak bih x’kien jiġri mill-ġenju tiegħu?

Jgħid sewwa qawl barrani: ‘Il-karovana li toqgħod tieqaf meta jkun hemm l-inbiħ tal-klieb ma tasal imkien’.


EJJA NIXEGĦLU XEMGĦA FLOK NISTĦTU D-DLAM

Arthur Barry kien sar famuż

mhux għax wettaq xi opra kbira u utli għall-umanità

iżda għax kien ħalliel prim li fl-aħħar inqabad.

 

Kien ilu jilgħab man-nar.

Jisraq dejjem lis-sinjuri

jidħol f’darhom u jeħdilhom

l-egħżeż biċċiet deheb u djamanti li kellhom.

 

Il-pulizija kienu jiskantaw kif kien jirnexxielu

jidħol f’dawn id-djar li kienu msakkra sew

u wħud minnhom kellhom ukoll

klieb ta’ l-għassa

imma b’mod jew ieħor Arthur

kien jegħleb kull nassa.

Kien intelliġenti iżjed mill-pulizija u mill-għonja li kien jisraq.

 

Iżda fl-aħħar il-ġarra ġejja u sejra tinkiser

u Arthur spiċċa l-ħabs

b’kundanna ta’ iktar minn 30 sena.

 

Hemm ħela ħajtu

jibki snin ta’ ferħ li seta’ gawda

kieku kien iktar bil-għaqal.

 

U meta ħareġ mill-ħabs ta’ 60 sena

ried ipatti ta’ dak li għamel.

Beda jdur l-iskejjel u jiftaħ għajnejn iż-żgħażagħ

bil-perikli ta’ ħbiberiji perikolużi.

Jirrakkonta kif beda triqtu

li ħlietlu ħajtu f’ċella.

U kliemu kien jimpressjona

għax mibni fuq fatti

li għexhom u batihom.

 

U xi ġurnalisti kienu jittentawh

biex jirrakkontalhom kif kien wettaq

ċerti serqiet

li baqgħu misteru

u hu ma kienx jiddiżappuntahom.

 

Iżda darba ġurnalist staqsieh:

“Għidilna Arthur l-ikbar serqa li int għamilt f’ħajtek.”

U Arthur wieġeb kważi mbikki

“L-ikbar serqa li għamel Arthur Barry

kienet meta seraq lil Arthur Barry.

Il-Mulej tah intelliġenza biżżejjed

biex jirnexxi bħala ċittadin onest

imma hu għażel li jikser il-liġi

u hekk Arthur Barry

għalaq lil Arthur Barry f’ċella għal 30 sena.

Arthur Barry ma ħalliex lil Arthur Barry

igawdi l-ħajja għax għażel triq l-imgħawġa

flok triq id-dritta.

 

Iżda issa flok niddispra u nibki l-imgħoddi

ħalluni nixgħel xemgħa ta’ tama

biex anki dawk li jħossuhom niżlu f’dagħbien

nurihom li hemm dawk f’tarf il-mina.”

 

Iva Arthur fehem li minkejja passat imtappan

b’għemejjel li ħolqu ħafna nkwiet u biki

kien hem għalih u għal min hu bħalu

żerniq ta’ tama

bil-Mulej jistenna b’dirgħajh miftuħa

nagħġa oħra li kienet mitlufa.


VIŻTA  GĦAND  IT-TABIB

jikteb Dr Coronato Grech M.D.

Suppost li avolja ma inti tħoss xejn, u kif spiss jagħtuna l-parir, tmur tagħmel viżta ta’ rutina għand it-tabib.  U suppost li dan wara li jeżaminak sewwa u bil-galbu kollu, jdur fuqek u b’wiċċ gravi u serju jħabbarlek id-dijanjożi terribbli li għandek marda ta’ virus li hija kronika, bla fejqan u bla dubju fatali.  Tista’ tmut fi ftit sigħat, ftit xhur jew ftit snin wara. Ma hemm ebda kura.  Xejn ma jaffettwa il-kors ta’ din il-marda ;  la dieti, la eżerċizzji, la mediċini, la operazzjonijiet, la raġġi u lanqas vaċċini.  Xejn ma jgħodd.  Ovvjament tieħu qatgħa kbira. Imma fil-fatt  jista’ jkun li sabek normali.  It-tabib ikun biss qed jiddeskrivi l-kundizzjoni umana.

L-allegorija ta’ virus hija interessanti, għax għal ta’ l-inqas mill-aspett purament bijologiku, il-ħajja tidher li hija r-riproduzzjoni ta’ materjal ġenetiku, kif fil-fatt huwa kull virus u kull ħaġa oħra ħajja.  Anzi virus jikkonsisti prattikament f’materjal ġentiku biss, waqt li fl-affarijiet l-oħra ħajjin kollha, mill-mikrobi sal-baleni, il-materjal ġenetiku huwa fl-intern taċ-ċelloli.  U l-fenomeni bażiċi kollha tal-ħajja:  dawk il-movimenti, ikel, eliminazzjoni, riproduzzjoni; dawk il-varjetajiet kollha ta’ pjanti u annimali fis-siġra tal-ħajja, u dawk l-istrateġiji u ritwali elaborati għas-sess u t-trobbija, dawn kollha jidher li għandhom l-għan li jmexxu l-materjal ġenetiku.   Dan il-materjal, u t-tifrix tiegħu,  jidher li huwa l-parti l-iktar fundamentali ta’ dik li ngħidula ‘ħajja’.  Fi frażi drammatika, il-bajda qisha qed tuża tiġieġa biex tagħmel bajda oħra.

X’inhi ezattament il-ħajja lanqas nafu.  X’jagħmel kollezzjoni kkumplikata ta’ molekoli ‘ħajja’?  Wara kollhox dawn huma magħmula mill-istess molekoli mhux ħajjin li hemm madwarna u finalment hekk jerġgħu jsiru.   Għax il-ħajja u l-mewt jidhru li huma inseparabbli. Ebda ħaġa ħajja ma nafu li tgħix għal dejjem.  Wara ċertu żmien il-programm ġenetiku, (li fil-proċess tar-riproduzzjoni jkun għadda, xi ftit mibdul għall-ġenerazzjoni ta’ wara), jibda l-proċess tad-diżintegrazzjoni li finalment iwassal għal mewt ta’ l-organiżmu individwali.

Hemm xhieda xjentifika li l-ħajja bdiet fuq din il-pjaneta madwar 3500 miljun sena ilu f’forma mikroskopika minn fejn zviluppat fil-varjetajiet kollha tal-passat u tallum.  Jekk il-kimiċi originali kinux fid-dinja primittiva jew jekk ġewx hawnhekk minn bumbardament bħal ta’ kometi hija mistoqsija bla tweġiba, kif ukoll bla tweġiba hija il-mistoqsija jekk fl-univers ta’ tant kwiekeb u galassiji  li nosservaw hemmx ħajja oħra u jekk hijiex ibbażata fuq linji ġenetici bħal tagħna.

Dawn huma spekulazzjonijiet interessanti avolja jridu ħafna iktar studju, xhieda u qabel inkunu ftit iktar ċerti, u avolja kultant jidhru mbegħdin sew mit-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum. Jew ukoll daqxejn disturbanti – din l-eżistenza enigmatika f’univers iktar enigmatiku.  Mhux għaġeb ukoll li ħafna popli ta’ kull  żmien ivvintaw ħafna miti dwar l-oriġini, l-għan u t-tmiem (u wara) tal-ħajja u tal-kundizzjoni umana.

Intant, wara dik il-viżta għand it-tabib li b’xorti tajba s’issa ma’ sabilna xejn, ta’ min forsi ma tantx nieħdu l-ħajja b’daqshekk serjetà imma nippruvaw ngħaddu iż-żmien li għandna hawnhekk f’armonija magħna nfusna u ma’ ta’ madwarna.


FORSI JINTERESSAWK

Importanza ta’ fama

Xi turisti Amerikani kienu qed jixorbu f’bar. Wieħed minnhom ħareġ bla ma ħallas. Meta ġie l-wejter u ntebaħ deher irrabbjat. Turist ieħor staqsih x’ġara.

        “Kien hawn turist Amerikan li ordna u xorob tlieta barra u ħareġ bla ma ħallas.”

L-Amerikan qallu:

        “Tinkwetax, inħallas għalih jien. Ma rridekx tieħu idea ħażina tagħna l-Amerikani.”

Il-wejter ma riedx imma billi l-Amerikan baqa’ jinsisti ħa l-flus u rringrazzjah. Xi jiem wara dan l-Amerikan mar jieħu flixkun birra mill-istess ħanut u l-wejter dlonk mar fuqu u qallu:

        “Hawn il-flus li ħallast għal dak it-turist. Fil-fatt meta ntebaħ li ħareġ bla ma ħallas ġie lura u ħallasni. Irridek tmur Franza b’idea tajba tal-wejters Franċiżi.”

Differenti minn dawk li jirraġunaw: ‘Soff kemm tista’. Min ser jerġa’ jarah?’


Logħob etern

Is-suldat kien għassa bil-lejl. Qagħad attent biex għajnu ma tmurx bih għax kien jaf li l-kaptan hu raġel aħrax u sikwit kien jagħmel ir-ronda ferm qabel is-sebħ biex jara li kulħadd hu f’postu. Imma minkejja kull sforz, is-suldat beda jongħos u ħa l-qatgħa ta’ ħajtu meta ntebaħ li l-kaptan kien riesaq qrib tiegħu meta hu kellu rasu bejn idejh. Iżda ma nfixilx u anqas beża’. Anzi baqa’ b’rasu bejn idejh u mbagħad meta l-kaptan kienet riesaq qrib sewwa s-suldat refa’ rasu, radd is-salib u qal, “Amen”. Il-kaptan sellimlu u baqa’ għaddej, ferħan li kellu suldat tant reliġjuż.

Imma r-reliġjon la hi mutetti u anqas pożi imma mod ta’ ħajja.


Ċajta li fiha ħafna ħsieb

Somerset Maugham kważi qatt ma qasam l-Atlantiku fuq vapuri Ingliżi għad li hu kien Ingliż. Meta staqsewh għaliex qalilhom:

        “Għax ma togħġobni xejn id-drawwa li għandhom l-Ingliżi li f’każ ta’ xi inċident jgħajtu: “L-ewwel in-nisa u t-tfal!”


Kontradizzjoni

Patri kien qed jitkellem ma’ sħabu ta’ ordnijiet oħra u qalilhom:

        “Il-Ġiżwiti jgħadduna fil-għerf u d-Dumnikani jgħadduna fis-sengħa tal-priedki imma lilna ħadd ma jagħmlilna xejn fejn tidħol l-umiltà!”


Parir ta’ qaddis

Fejn il-qaddis San Klement Hofbauer mar xi ħadd għaref li beda jargumenta fuq suġġetti differenti marbuta mar-reliġjon. Il-qaddis qagħad jisimgħu fis-skiet u meta l-għaref spiċċa jitkellem staqsa:

        “X’jidhrilek mill-argumenti tiegħi?”

        “Li kont minnek nargumenta inqas u nitlob iżjed għax l-għerf jiftaħ il-moħħ imma t-talb biss jiftaħ il-qalb. U mingħajr dan il-ftuħ tal-qalb ma tasal qatt li ssib lil Alla.”

‘Il-ħin itir,’ jgħidu u hekk hu imma ħafna drabi ninsa li l-bdot ta’ ħini hu jien. Jien intajjar ħini u għalhekk jiswa li ntajru tajjeb. Niftakar li dan ma jerġax jiġi.


 AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IŻŻEWĠU

Jason Camilleri ta’ Triq Agius de Soldanis lil Ritienne Camilleri ta’ Triq San Ġwann.

Maria Cremona ta’ Triq Xandriku lil Daniel Pace (Xewkija).

Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien, infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.


L-LAQGĦA TA’ APRIL

Kienet laqgħa speċjali tal-500 sejħa tal-fuljett tagħna IL-ĦBIEB ISEJĦU. Ħadna gost bin-numru sabiħ ta’ żgħażagħ u old boys li laqgħu l-istedina tagħna u ġew bi ħġarhom għal din il-laqgħa speċjali. Ilna snin twal ma naraw numru daqstant sabiħ. Ġie jkellimna r-ragħaj spiritwali tagħna l-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Mario Grech u għamlilna ħsieb interessanti fuq kemm avvanzat it-teknoloġija moderna iżda fl-istess ħin ma rnexxiliex tgħaqqad il-bnedmin daqskemm timmaġina li kellu jsir. Il-fatt li llum kważi kulħadd bil-mobile fil-but ma jfissirx li nikkominukaw ħafna ma’ xulxin. Inkunu fost il-folla u nħossuna weħidna. Kultant aktar inħossuna komdi nibagħtu email, anke lil min ikun ħajt biss ’il bogħod minna, inkella nqumu minn postna u mmorru nkellmuh wiċċ imb’wiċċ. Irridu nkunu aħna li dawn il-mezzi sbieħ ta’ komunikazzjoni ma nħalluhomx jaqtgħuna minn ħutna. L-isqof għamel aċċenn fuq il-laqgħa speċjali li konna qed niċċelebraw – ħsieb tal-mibki Dun Mikiel Attard – sejħa ta’ ħbieb veri li jiltaqgħu darba fix-xahar. Fakkarna fi frażi li kien iħobb jirrepeti Dun Mikiel, ‘it is costly either way’. Nagħmlu x’nagħmlu f’ħajjitna hemm prezz x’inħallsu għalih. Dan jgħodd f’kollox, anke fil-ħajja spiritwali tagħna. Kemm jekk nagħżlu li nintelqu ma’ dak li tgħidilna d-dinja jkollna nħallsu l-prezz tiegħu kif ukoll jekk nagħżlu dak li jrid Ġesù. Imma niftakru li meta nagħmlu tagħna l-għażliet ta’ Alla  jkollna nbatu imma jlaħħaqna l-milja ta’ dak li twelidna għalih u fl-aħħar mill-aħħar iwassalna għand Alla.

Kien hemm min ikkummenta dwar, kompla ma’ jew ikjarifika xi partijiet mill-ħsieb sabiħ lil għamlilna l-Isqof. Nirringrazzjawh li, minkejja l-ħafna impenji tiegħu sab ħin u onorana bil-preżenza tiegħu u għamlilna l-laqgħa li fiha fakkarna l-500 ħarġa tal-fuljett tassew speċjali. Nirringrazzjawh ukoll ta’ l-appoġġ li dejjem jagħtina.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Paul Camilleri ta’ Triq ir-Ramla tela’ fir-raba’ volum ta’ Il-Ħbieb Isejħu bl-Istejjer.


STEDINA

....GĦAL-LAQGĦA TA’ MEJJU

Ser issir nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Jalla dawk kollha li ġew għal-laqgħa ta’ April, inklużi l-old boys, nerġgħu narawhom għal din il-laqgħa. Nofs siegħa kollox li fiha tisimgħu messaġġ sabiħ u jkollna ċans ngħidu kelma bejnietna. Nieħdu gost niltaqgħu flimkien.

Mela ħabib tinsiex… nhar is-Sibt 3 ta’ Mejju fit-8.15p.m. Wara jkollok ħafna ħin biex toħroġ ma’ ħbiebek.


KELMET IL-BIBBJA LLUM

[Pawlu jikteb]

“...l-Evanġelju, li wasal għandkom,

bħalma fid-dinja kollha,

fejn jagħmel il-frott u jikber

bħalma jagħmel fikom ukoll

mindu smajtu u għaraftu

fis-sewwa l-grazzja ta’ Alla..”

(Kol 1: 6)

Fit-Tieni Gwerra Dinjija

ftit qabel żmien il-ħsad

kongregazzjoni ta’ knisja

żejnu l-maqdes tagħhom

bi żbul ġdid.

Dak il-lejl il-knisja nqerdet bil-bombi.

Baqgħet tifrik ix-xitwa kollha.

Malli waslet ir-rebbiegħa

pjanti tal-qamħ

bdew jispuntaw minn qalb it-tifrik.

Baqgħu jikbru s-sajf kollu.

Fi żmienu nqata’ ammont sostanzjali

ta’ qamħ.

Il-Vanġelu jixbah liż-żerriegħa

ta’ din l-istorja.

Xejn ma jista’ jżommha milli tifrotta.

Il-Kolossin, f’dan il-qari

huma xhud ta’ dan.

Kif naħsibha jien

li ż-żerriegħa tal-Vanġelu

ddum ma tagħmel frott

iżda tagħmlu?

It-tama hija enerġija

li ġġiegħel il-moħħ iħabbat kull bieb.

THORNTON WILDER


IR-RIĦA TAL-PATATA

Għalliema tal-primarja riedet tagħmel logħba mat-tfal tal-klassi tagħha. Qalet lit-tfal iġibu borża tal-plastik bi ftit patata. Kull patata tingħata isem ta’ dik il-persuna li ma jħobbux u għalhekk in-numru tal-patata jkun skond dan l-ammont.

Il-ġurnata ta’ l-esperiment waslet u kulħadd ġab borża bil-patata kif kienet fehmithom l-għalliema. Ħafna kellhom 2 patatiet, oħrajn tlieta u saħansitra kien hemm min kellu 5. L-għalliema qaltilhom biex għal ġimgħa sħiħa jġorru magħhom din il-borża... jeħduha kull fejn ikunu.

Il-jiem bdew igerrbu u beda t-tgergir tat-tfal għax bdiet ħierġa riħa mill-patata li kienet qed titħassar. Barraminnhekk dawk li kellhom ħames patatiet gemgmu mill-piż. Wara ġimgħa ħadu r-ruħ għax il-`loghba’ spiċċat.

L-għalliema staqsiethom, “Kif ħassejtukom bil-basket tal-patata tul din il-ġimgħa?” Bdew ħerġin il-frustrazzjonijiet kollha tat-tfal. Irrakkontaw kemm ħassewhom imdejqin bil-piż u r-riħa li kellhom iġorru kullfejn imorru.

Kien hawn li l-għalliema qaltilhom bit-tagħlima li riedet twassal. “Din hi eżatt is-sitwazzjoni meta f’qalbek iżżomm il-mibegħda lejn xi ħadd. L-intiena teqridlek lil qalbek u ġġorrha kullimkien.  Jekk m’intix kapaċi tissaporti r-riħa tal-patata għal ġimgħa waħda biss immaġina xi jfisser ikollok iddur bir-riħa tal-mibegħda ħajtek kollha?”

Ftakar:

Neħħi minn qalbek kull mibegħda lejn xi ħadd jew xi ħaġa biex ma jkollokx iġġorr id-dnubiet għal ħajtek. Ma hemm xejn li jserrħek iktar mill-maħfra! Ħobb lill-oħrajn anke jekk ma tantx jogħġbuk.

Imħabba vera mhix li tħobb lil persuna perfetta imma tħobb lil persuna imperfetta perfettament.


NITWIELDU B’QALB WAĦDA

Nitwieldu b’żewġ għajnejn quddiem biex qatt ma nħarsu lura, iżda naraw dak li hemm qudiemna – aktar ’il quddiem.

Nitwieldu b’żewġ widnejn – waħda lemin u oħra xellug – biex nisimgħu ż-żewġ naħat u nirċievu kemm kumplimenti kif ukoll kritika – u niżnu dak li hu veru.

Nitwieldu moħħ magħluq ġo rasna… biex ma jkunx jimporta kemm aħna foqra, aħna xorta sinjuri u ħadd ma jista’ jeħdilna dak li jinsab magħluq ġo rasna.

Nitwieldu b’żewġ għajnejn, żewġ widnejn iżda fomm wieħed għaliex dak hu arma. Jista’ jfieri, jweġġa’ u joqtol.

Nitwieldu b’qalb waħda… magħluqa ġo sidirna biex niftakru li napprezzaw u nħobbu lil ta’ madwarna mill-fond ta’ ġo fina.

Ftakar fil-motto:

Tkellem inqas. Ħoss, isma’ u ara iktar.