+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Mejju 2009

numru 513

L-awtur ċelebri Rudyard Kipling ħass li għandu jikteb ittra ta’ protesta lil sewwieq ta’ xarabank għax dan kien jgħaddi jħokk mal-ħitan tal-ġnien tiegħu u kien qed iqaċċat, kull darba, biċċa minn siġra li kienet għażiża ħafna għall-awtur. Iżda s-sewwieq baqa’ jgħaddi jħokk mal-ħajt bħal qabel.

Fl-aħħar Kipling iddeċieda li jmur ikellmu u jagħtih ħasla b’ilsienu:

        “Ara s-Sur Kipling. X’ġabek ’l hawn ħabib?”

        “Taf x’ġabni hawn? In-nuqqas ta’ prudenza tiegħek li tgħaddi tħokk mal-ħajt tal-ġnien u kull darba tqaċċat biċċa mis-siġra li għandi sporġuta ’l barra mill-ħajt!”

        “U int tiktibli l-ittri biex jien ma ngħaddix iktar inħokk mal-ħajt.”

        “U qisni qed nikteb lill-ħajt.”

        “Kompli iktibli Sur Kipling. Qed nagħmel negozju eċċellenti għax ittra tiegħek iġġib ħafna flus. Kompli iktibli u għidli biex ma ngħaddix minn taħt il-ħajt u jien inkompli nbigħ l-ittri li tibgħatli.”

L-egoiżmu ma jafx jirraġuna ħlief b’viżjoni waħda… l-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien ukoll.


COFFEE BREAK - waqfa qasira fil-ġirja tal-ħajja mal-awtur Paulo Coelho

(Għaddejjin b’pass mgħaġġel wisq li kultant anqas iħallilna żmien nirriflettu. Dawn il-ħsibijiet qosra huma għal dawk li kapaċi jieqfu biex jiflu skop il-ħajja.)

Paulo Coelho jirrakkonta:

Kont qiegħed ma’ marti Christina

fi Praga fix-xitwa tal-1981

u fuq pont minnhom

li kien jaqsam ix-xmara

rajna żagħżugħ ipitter.

Qrobna lejh u l-pitturi tiegħu għoġbuna.

 

Għażilna waħda

u xtrajnieha.

U jien stagħġibt

kif f’dik il-kesħa kollha

il-pittur żagħżugħ kien bla ingwanti

meta jien għalkemm imlibbes sewwa

kont inħossni kważi nirtgħod

fil-ġewwien tiegħi.

 

“Ma nilbisx ingwanti

għax inkella ma nħossx il-lapes f’idi

u l-pittura ma toħroġx tajba biżżejjed.”

 

U tant ħa pjaċir li konna waqafna ħdejh

u xtrajna pittura tiegħu

li talabna nieqfu ftit ieħor

ħalli jpitter lil marti.

Aċċettajna bil-qalb

u marti ssaħħret tarah

joħloq xbihatha

b’erba’ daqqiet ta’ lapes.

 

Ġabha sabiħa

u jien offrejtlu xi flus għaliha.

Imma ma riedx.

Qalilna li kien tahielna b’xejn

għax f’dik l-għodwa kiesħa

ħadd ma kien waqaf ħdejh

la biex jixtri u anqas biex jgħidlu kelma.

 

Infridna ferħana.

Aħna nġorru l-pitturi

u hu jġorr l-apprezzament tagħna

għax ħilatu.

 

U dak il-ħin intbaħt

li hu ma kienx jaf Portugiż

u jien ma kontx naf inlissen kelma biċ-Ċek

imma xorta konna tkellimna

u ftehimna

mingħajr bżonn ta’ interpretu.

 

It-tbissim ta’ bejnietna

il-mossi ta’ idejna

il-ħarsa li tajna lil xulxin

kienu warrbu l-bżonn tal-kelma.

 

Għax l-apprezzament u l-imħabba

huma bla fruntieri

jiftehmu minn kulħadd

u jħallu warajhom sliem u paċi.

 

Il-ħażin hu li aħna

fil-ġirja sfrenata tal-ħajja

nkunu mgħaġġlin wisq

biex nieqfu u napprezzaw

is-sabiħ kollu li l-Mulej tafa madwarna.


WIRDIENA

jikteb DR CORONATO GRECH M.D.

Wirdiena!  Din il-kelma aktarx li ġġib xeni  ta’ nsett  kannella,  komuni u beżżiegħi…..u  r-rifless li tgħaffiġha; jew immaġni (aktarx femminili) ta’ xi  monstru  feroċi, akkumpanjati b’sintomi mill-iktar allarmanti.  Hu x’inhu r-reazzjoni umana (anzi umanistika) għandha  tkun ta’ affaxxinazzjoni għax wirdiena hija, wara kollox, insett interessanti ħafna. Ikkunsidra ftit.

L-ewwelnett hemm ħafna tipi jew speċi ta’ wirdien.  Fost l-ispeċi kollha ta’ annimali, l-iktar li hemm huma nsetti. Fil-fatt mill-madwar miljun speċi ta’ annimali li ddeskrivew ix-xjentisti, iktar minn 800 elf huma nsetti u tipi ġodda għadhom jinstabu kuljum, l-iktar fil-foresti tropikali. U jerġa’ fost l-insetti wieħed mill-ikbar gruppi huwa dak tal-wirdien li fih iktar minn 3500 speċi.  Hawn f’Malta għandna biss 5 speċi  – Wirdiena tad-Djar, Wirdiena Ħamra, Wirdiena Sewda, Kokroċ Isfar u Wirdiena tal-Għelieqi.

Biex nikkunsidraw daqsxejn fid-dettal għażilt il-Wirdiena l-Ħamra li ġġib l-isem xjentifiku ta’ Periplaneta americana, li minkejja l-isem, iddaħħlet mill-Afrika mhux mill-Amerika. Bħall-insetti l-oħra kollha din il-wirdiena tikkonsisti minn tliet partijiet prinċipali – ir-ras,  il-qadd jew toraċi, u ż-żaqq.

Ir-ras hija tassew grotteska u li jkollha tkun kbira xi nofs metru altru li tkun tat-twerwir. Il-moħħ huwa żewġ boċċi żgħar bojod li minnu ħerġin nervituri għal mal-ġisem kollu. L-għajnejn huma nofs ballun ta’ mużajk ta’ mijiet ta’ lentijiet li jaraw biss fl-iswed u abjad u mingħajr dettal – iktar sensittivi għal movimenti u dellijiet, bħal per eż xi predatur jew żarbuna.  Ħerġin mir-ras qrib l-għajnejn hemm żewġ antenni li huma twal daqs il-gisem kollu –  madwar 30 sa 50mm – u li huma bihom il-wirdiena kapaċi xxomm u tħoss x’hemm madwarha.  Il-ħalq imbagħad, b’sensiela ta’ tnalji u mqassijiet, huwa singularment ikrah. Bħall-bqija tal-insetti l-oħra l-ġisem ta’ wirdiena huwa iebes fuq barra u artab fuq ġewwa għax il-qoxra hija l-iskeletru, bil-muskoli u organi kollha mwaħħlin fuq ġewwa. In-nifs huwa stramb għalina għax dan tieħdu minn sensiela ta’ toqob matul żaqqha kollha.  Dan il-metodu ta’ respirazzjoni huwa effiċjenti biss għal ġisem ta’ ftit ċentimetri u hija r-raġuni prinċipali għaliex l-insetti huma kollha żgħar.  Il-qalb hija biss f’forma ta’ tubu muskulari u d-demm huwa trasparenti.  Ħerġin minn isfel tat-toraċi hemm sitt saqajn b’ganċijiet żgħar fil-ponot, waqt li minn fuq hemm ħerġin żewġ pari ġwienaħ. Din it-tip ta’ wirdiena kapaċi ttir (xi ħaġa partikularment allarmanti għal min jibża’ minnha għalkemm fil-fatt ma hija kapaċi tagħmel ebda ħsara b’xi ħabta diretta anke jekk tidħol taħt il-ħwejjeġ! Il-ħsara tista’ tiġi mill-mikrobi li ġġorr mal-partijiet ta’ ħalqha u saqajha u li bihom tniġġes l-ikel.  L-organi sesswali - it-testikoli u t-tubi għal barra u l-ovarji u t-tubi għal barra -  huma fiż-żaqq, li fil-mara hija ikbar u iktar wiesa’.  Ir-raġel (wirdienu?) għandu bħal żewġ antenni żgħar fuq wara biex jaqbad lill-mara waqt l-att sesswali.  Il-wirdiena tbid madwar 16-il bajda li minnhom joħorġu ż-żgħar, li apparti mid-daqs u li ma għandhomx ġwienaħ, jixbhu lill-kbar.  Fi kliem ieħor iż-żgħar tal-wirdien ma jgħaddux mit-tibdil drammatiku ta’ metamorfosi – bajda, dudu, fosdqa, u farfett. Huma jieħdu madwar sena biex isiru adulti. Din il-wirdiena tgħix madwar sentejn u fihom tbid madwar 800 bajda.

Minkejja l-isforzi tagħna biex neqirduhom u nwarrbuhom minn ħdejna, il-wirdien jinsab madwarna fi kważi kull ambjent, (l-iktar f’dak mudlam, sħun u umdu), imma anke fejn suppost l-iktar li hemm indafa u iġjene. Il-fatt huwa li bijoloġikament il-wirdiena hija suċċess kbir. Nafu minn fossili li l-wirdien ma tantx tbiddel fil-forma f’dawn l-aħħar 320 miljun sena, li juri kemm kapaċi jadattaw u jirkupraw. Anke l-pestiċidi kollha li vvintajna ftit kellhom suċċess. Jingħad li kieku kellu jkun hemm olokawst nukleari u jinqerdu l-maġġoranza tal-annimali u pjanti (u s’intendi aħna), ikunu l-wirdien li jeħilsuha.

U  inti?  Tibża’ mill-wirdien?  Jekk iva u ma tistax tegħleb il-entemophobia, ftakar li mintix waħdek, anzi qed f’kumpanija kbira, (u mhux bilfors feminili).  Pietru l-Kbir tar-Russja (1672-1725) kien raġel enormi (sitt piedi u seba’ pulzieri), mexxej famuż (li fost l-oħrajn, bena l-belt  ta’ St Petersburg u l-flotta Russa),  brutali (lill-maħbub ta’ martu qatagħlu rasu u poġġieha ġo vażett f’kamritha  - minkejja li hu kellu nisa oħra) ….u jitwerwer minn wirdiena.

Intant, dak x’għadda minn taħt il-mejda?


FORSI JINTERESSAWK

Żmien u gradi

Il-monsinjur Pintonello kien isqof tas-suldati u dan fil-grad kien qisu ġeneral fl-armata Taljana. Miegħu fl-armata kien hemm Angelo Roncalli li kien biss kappillan li fil-grad kien qisu kapural. Ħafna snin wara ż-żewġ persunaġġi ltaqgħu meta Roncalli kien sar Papa u Pintonello b’umiltà u stima kien ser jinżel biex ibuslu idu imma l-Papa ma ħalliehx.

“Ma tarax li ġeneral qatt ma jinkina quddiem sempliċi kapural.”

U t-tnejn infexxew jidħku jiftakru fil-ġrajjiet ta’ 50 sena qabel.


Lill-istess Papa xi ħadd staqsieh kif isib ħin għal kollox meta hu tant imħabbat. Wieġeb:

        “Nagħmel li nista’,

inħalli lill-oħrajn jagħmlu li jistgħu,

inħajjar lill-oħrajn jagħmlu li jistgħu.”


Argumenta mal-ħajt!

Fred Astaire, forsi l-aqwa żeffien li qatt ipproduċa Hollywood, kien ħiereġ minn restaurant u xi ħadd waqqfu u qallu:

        “Kif int Charlie? X’waħda din kemm għolobt! Nafek b’wiċċ imfaqqa’. U kont itwal ukoll. Xi ġralek?”

        “Jien m’iniex Charlie. Jien Fred Astaire.”

        “Biddilt ismek ukoll?”

Mur fiehem lil min ma jridx jifhem!


Mhux kollox minn fuq xkaffa

Daż-żmien biex jgħinu lill-ommijiet jixtru b’iktar kumdità mis-supermarket, l-awtoritajiet qed jipprovdu trolleys b’post apposta fejn jitpoġġew it-trabi żgħar. Tifla żgħira kienet qed tixtri ma’ ommha u rat waħda minn dawn it-trolleys b’tarbija fiha. U dlonk it-tifla talbet lil ommha:

        “Mummy ixtrili baby boy bħal dak!”

Qed ngħixu fi żmien li kollox donnu jista’ jinxtara bil-flus. Nikbru bl-idea li kollox jista’ jinxtara. Maż-żmien nintebħu li hemm ħafna ħwejjeġ li l-ebda flus ma jistgħu jixtru fosthom is-saħħa u l-ferħ. Jalla nintebħu meta ma jkunx tard wisq.


Kulħadd bir-raġuni tiegħu

Waqaf fejn pompa tal-petrol b’karozza li kont tistagħġeb kif timxi kemm kienet antika u mdamdma. Sidha talab gallun petrol. Sid il-pompa qallu: 

        “B’gallun ma tantx twasslek bogħod. Għaliex ma timlihiex la qiegħed hawn!”

        “U jekk tiqafli u ħadd ma jkun jista’ jirranġaha x’nagħmel bil-petrol li jkun fadalli bit-tank?” 

Tiskanta… kulħadd ikollu r-raġunijiet tiegħu anke meta taħseb li dak li qed jagħmel hu bluha u bla sens.


L-inkwiet jiżen uqija jew tunnellata… l-għażla f’idejna.


AĦBARIJIET TA’ INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ APRIL

Il-laqgħa saret lejlet Ħadd il-Palm u s-suġġett li qabad il-psikologu Dr Michael Galea PhD kien ‘Ma hemmx Għid il-Kbir mingħajr il-Ġimgħa l-Kbira’. It-tbatija hija xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Trid tbati biex tikber u ma teżisti l-ebda short cut.  Il-biki tat-tarbija tat-twelid hu sinjal li qed tifhem li minn dak il-mument ’il quddiem trid tfendi għal rasha… ommha ma tistax taħsbilha għal kollox. Sewwa li nżommu quddiem għajnejna ċerti punti biex jgħinuna nissuperaw waqtiet diffiċli. Nifhmu dak li jgħidu l-Ingliżi ‘Delayed Gratification’. Bosta drabi ngħaddu minn tbatija biex ingawdu aktar tard. Jekk wieħed joqgħod iġib quddiem għajnejh kemm ser tiswielu ta’ ġid fil-futur ikun f’pożizzjoni aħjar biex jaċċetta dak li jkun għaddej minnu. Hemm bżonn li nkunu responsabbli ta’ dak li nagħmlu. Il-fatt li tkun qed tikber jiżdiedu miegħek ir-responsabbiltajiet… kemm tiegħek kif ukoll ta’ dawk ta’ madwarek. Min iwaħħal dejjem f’ta’ madwaru nkella dejjem iħares lura lejn ħajtu u joqgħod iħammem fuq problemi u diffikultajiet li kellu fil-passat ikun f’pożizzjoni li jaqa’ f’dipressjoni u dak kollu assoċjat ma’ din is-sitwazzjoni. Min ikun f’dipressjoni jispiċċa jqiegħed rasu ġo rokna u jinsa li wara dahru hemm dinja ta’ oppotunitajiet. Kulħadd għandu paġni mhux daqstant sbieħ f’ħajtu iżda dak li għadda għandna nqisuh sempliċement bħala passat u ma nħalluhx ixikklilna l-preżent. Il-verità hija ħaġa oħra li għandna tnaqqsilna l-ansjetà u l-uġigħ. Meta tara sewwa x’inhi l-verità ma toqgħodx toħloq problemi aktar milli jeżistu. Bosta drabi aħjar taċċetta verità li mhix daqshekk sabiħa milli toqgħod timla rasek b’suppożizzjonijiet li bosta drabi ma jistgħux iseħħu. U fl-aħħar għandna bżonn bilanċ. Tiltaqa’ ma ċerti nies li dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ ħajjithom jarawh jew abjad inkella iswed… jew sabiħ biss inkella ikrah biss. Iżda l-ħajja mhix hekk. Anzi aktar kollox hu sfumaturi ta’ griż… minn ċar sa skur iżda xejn ma hu abjad silġ u anqas hemm xejn iswed dlam.

Nirringrazzjaw li Dr Galea tal-lezzjoni interessanti li bena fuq dawn il-punti li jekk inżommuhom quddiem għajnejna nkunu aktar oġġettivi fil-problemi li nitlaqgħu magħhom ta’ kuljum. Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Charlton Portelli ta’ Triq il-Qiegħa tela’ fir-rigal (ir-raba’ volum ta’ Il-Ħbieb Isejħu bl-Istejjer).


STEDINA

...għal-laqgħa ta’ Mejju.

Ser issir nhar is-Sibt 2 ta’ Mejju fit-8.15p.m. wara l-aħħar quddiesa fil-parroċċa. Ser ikellimna supretendent tal-pulizija u s-suġġett ser ikun: Fil-ħajja żomm l-ordni u l-ordni żżomm lilek. Inħeġġukom biex tattendu u tfakkru mhux biss lil sħabkom ġuvintur iżda anke old boys li xi darba jew oħra kienu jattendu din il-laqgħa anke jekk illum huma missirijiet. Nisimgħu xi ħaġa li tiswielna u ngħidu kelma bejnietna. Ejja u tara kif tibqa’ tiġi għaliex tieħu gost. Mela ħabib narawk nhar…

is-Sibt 2 ta’ Mejju fit-8.15p.m.


IL-ĦAJJA: Meta nitwalu biżżejjed biex nilħqu l-vażett taz-zokkor, ma jibqax jogħġobna z-zokkor.


FUQ IL-PASSI TA’ SAN PAWL

 

[Alla] jfarraġna

f’kull niket tagħna,

biex nistgħu aħna wkoll

bil-faraġ li għandna mingħand Alla,

infarrġu l-oħrajn fin-niket.”

2 Kor. 1:4

 

Robert M Herhold jikteb:

Qassis tal-militar spiċċa bla saqajn

minħabba feriti tal-gwerra.

Ħassu mitluf u bla skop.

Bil-mod il-mod xi ħaġa tremenda ġrat –

sab skop ġdid għall-ministeru tiegħu.

It-tobba xtaquh jitkellem ma’ pazjenti

li kienu ser jgħaddu minn operazzjoni

bħal tiegħu.

Il-grazzja ta’ Alla waslet għandu

filli jinkoraġġixxi lill-oħrajn…

U b’dan il-mod anke hu aktar

aċċetta s-sitwazzjoni tiegħu.

 

L-istorja tal-qassis turina

l-ħsieb ta’ San Pawl f’dan il-qari.

B’dan il-mod anke jien nistaqsi lili nnifsi

kif għinni Alla biex jien ukoll

inkun kapaċi ngħin lill-oħrajn.

 

Jum kbir ikun meta

l-bniedem jibda jqum fuq saqajh.

Ikun għex, biex ngħidu,

ġo kamra kollha mirja…

issa wħud mill-mirja

jinbidlu fi twieqi.

Henry Emerson Fosdick


DR MICHAEL GALEA PhD ikompli s-sensiela ta’ artikli dwar problemi fit-tfulija… li għadhom jinteressaw lil dawk li ma humiex daqstant żgħar...

Psikopatoloġija fost it-Tfal

        Hemm bżonn li dan is-suġġett jiġi meqjus fit-totalità sħiħa tal-bniedem. Fatturi importanti li jeħtieġ nagħtu kashom meta nitkellmu fuq dan is-suġġett, huma:       a) stress familjari,

                b) tfal b’dgħufijiet ereditarji, u

                c) ftit wisq riżorsi u għajnuniet.

        Fost it-tipi ta’ psikopatoloġija li qed nirreferu għalihom, insibu tliet problemi li jinteressawna mill-qrib, jiġifieri dawk li għandhom x’jaqsmu ma’: l-Attenzjoni, dawk Interni u dawk Esterni.

Problemi ta’ Attenzjoni

        Fost dawn, minn ta’ quddiem insibu l-Attention Deficit Disorder (ADD). Dawn huma klassi ta’ kundizzjonijiet li fihom l-attenzjoni hi problematika. Ma’ din, spiss ikun hemm problemi fil-livell esaġerat ta’ enerġija. Fuq dawn il-kundizzjonijiet, tkellimna diġà.

Problemi indirizzati Esternament

        Hawnhekk insibu dawk imsejħa ‘Oppositional Deviant Disorder’(ODD) u ‘Conduct Disorders’(CD), jew problemi ta’ Kondotta. Hawnhekk, persuna turi l-għadab u rabja tagħha esternament, ’il barra minnha nnfisha, lejn ħaddieħor (persuni oħra, ambjent, annimali, eċċ.).

        L-ODD hi kundizzjoni fejn persuna tħossha faċilment irritata mill-imġiba tal-oħrajn. Kapaċi jaslu li jpattuha, jekk iħossu li saritilhom azzjoni ħażina. Faċilment u deliberament ipattu għal azzjonijiet li jemmnu sarulhom biex iweġġgħuhom, u intenzjonalment ma jħossux empatija lejn ħaddiehor u jippruvaw idejqu lill-oħrajn.

        Il-kriterji biex tagħraf il-problemi ta’ Kondotta (CD) huma:

- aggressjoni lejn nies u/jew annimali (anke b’użu ta’ armi)

- qerda ta’ proprjetà (bin-nar, tkissir, eċċ.)

- gideb, serq u/jew oppożizzjoni diretta lejn liġijiet, kmandi, eċċ.

L-iktar li jolqotna f’dawn il-kundizzjonijiet hi l-aggressjoni u rabja estrema flimkien ma’ delikwenza spissa. Din tinkludi anke reati kriminali. Tfal b’din il-kundizzjoni soltu ma jħossu xejn għat-tbatija ta’ ħaddieħor (nies u annimali).

        Għalkemm hu maħsub li problemi ta’ kondotta huma ereditarji u ġenetici, influwenzi mill-ambjent żgur li jaffettwaw. Per eżempju, ambjenti ta’ familji mkissra, fejn hemm ħafna gwaj u nkwiet, bla privatezza xejn, jidhru li jgħinu dan it-tip ta’ problemi. Tajjeb li jingħad li numru ta’ adoloxxenti jgħaddu minn żmien li fih juru xi tipi ta’ delikwenza, bis-subien jgħaddu fin-numru lil bniet. Però din hi biss għal żmien qasir.

        Rigward terapija, irid jingħad li dawn il-problemi huma diffiċli ferm u mhux la kemm jitwarrbu għal kollox. Jitolbu ħidma professjonali, għajnuna sfiqa mill-ġenituri, u osservazzjoni kontinwa.      

(Dr Galea jkompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Ġunju)