+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Novembru 2007  numru 495

Alessandru l-Kbir hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar ġenerali fl-istorja. Ta’ età żgħira kien diġà ħakem imperu enormi li kien iwassal mill-Greċja sa l-Indja. U għamel dan qabel għalaq it-tletin sena.

Iżda ta’ madwaru kienu jarawh imnikket u għaliex ma kinux jafu. Darba xi ħadd li kien ħabib ta’ ġewwa azzarda jsaqsih:

             “Sire, narak donnok imnikket minkejja li għandek imperu li jinfirex eluf ta’ mili. Aħna ta’ madwarek nagħmlu li nistgħu biex ma jkun jonqsok xejn. Tnikkitni d-dehra tiegħek meta narak donnok imdejjaq.”

“Għandek raġun. Meta nqum filgħodu u nintebaħ li ma baqagħlix x’nirbaħ għax dak li kelli nirbaħ ġà rbaħtu, nimtela b’ċertu dwejjaq u nibda nixxennaq għal dinja oħra biex inkun nista’ nirbaħha.”

Dan il-ġeneral bravu marad żgħir u fi ftit żmien wasal f’tarf ħajtu. Qabel miet, lil ta’ madwaru, ordnalhom biex meta jmidduh fit-tebut iħallu idejh barra. Kienet kontra drawwa u għalhekk xtaqu jkunu jafu għaliex kellu dik ix-xewqa:

“Biex kulħadd jintebaħ li minkejja kull ġid li jkollok, titlaq minn hawn b’idejk vojta.”

L-istoriku Grieg li kiteb din il-ġrajja spiċċa bil-kliem: “U dak li d-dinja kollha ma wesgħetux, tqiegħed f’qabar ta’ żewġ jardi!”

 


 

XENI MINN TREJQET IL-HAJJA

Ġrejt qisni atleta

nipprova nasal fil-ħin

għax kien importanti għalija

li ma nitlifx l-ajruplan

peress li kont qed inġorr miegħi demm ibni

fi flixkun żgħir

biex nurih lill-ħabib tal-familja,

professur imsemmi.

 

Wasalt ftit minuti qabel telaq

u f’qalbi għidt talba ta’ ħajr

għad li kont imdejjaq

u aktarx imsaħħan għall-Mulej

li minn fost tant tfal

kien għażel lil ibni

biex jimrad marda li setgħet

ittemm ħesrem ħajja fl-aħjar tagħha.

 

Iżda t-talba ma lħaqtx għidtha

għax kif tlajt l-ajruplan

intbaħt li messni siġġu fin-nofs

l-iktar post li niddejjaq noqgħod fih

għax jekk tkun fejn tieqa toqgħod tħares ’il barra

u jekk tkun fil-passaġġ tħossok ħieles

li tqum u toqgħod imma fin-nofs

tħossok marbut… marsus… imrekken.

U jkollok ta’ bilfors tgħid kelma

ma’ ta’ madwarek u dakinhar kelli aptit is-skiet.

 

Ta’ ħdejja kien raġel ta’ l-età tiegħi

li sellimli bi tbissima u ttendejt li kellu aptit iparla.

U beda jredden dwar dik u l-oħra

Imma jien qtajtlu kliemu:

“Għandi ibni marid serju… qed inġorr demmu

biex nara tabib tal-familja li forsi jista’ jgħinu.”

Ir-raġel flok waqaf kompla:

“Agħmel kuraġġ ħabib.

Ftit ilu kelli marti l-isptar u damet ħafna

u jien waħdi mat-tliet uliedna.

Konna ndumu ħafna ħdejha… kuljum sa tard ħafna filgħaxija.

U meta nkunu fi triqtna lura

nieqaf bil-karozza quddiem it-tieqa tagħha

u noqgħod għal ftit ħin nixgħel id-dawl u nitfi

qishom l-aħħar tislima tiegħi u ta’ wliedi għal dak il-jum.

Konna nafu li marti tkun wara l-ħġieġ tat-tieqa xxejrilna.

U meta l-karozza tagħna kienet titbiegħed

ħarsitha kienet titfa’ ’l fuq u tara, flok it-teptip tad-dawl tagħna,

it-teptip tal-kwiekeb

u tifhem li hemm fuq hemm xi ĦADD li jaf bina.

Illum ninsabu mill-ġdid flimkien… ferħana.”

 

Kliemu niżluli għasel.

Kienu għalija qishom manna smewwija.

Reġgħet nibtet f’qalbi ħafna tama.

Issaħħet il-fidi f’Alla Missieri.

U donni dak il-ħin fuq l-ajruplan ġie x’qalli:

“Tibżax m’intix waħdek… ibqa’ ttama fija.”

 

Illum għaddew is-snin. Ibni fieq u kiber

imma għadni niftakar fil-laqgħa

li ma kienet qatt isseħħ kieku kelli siġġu ħdejn it-tieqa.

 

U fhimt kemm jiswa

Li meta fil-ħajja jiġri dak li jidher iebes

Nintelqu f’idejn DAK li jħobbna ħafna

Minkejja li nkunu għaddejjin minn tlajja’ mġebbla.


 

DR CORONATO GRECH M.D. ikompli l-artiklu...

LIEMA REALTA'?

Elf darba inqas minn mikrosekonda u niġu għan-nanosekonda, wieħed minn biljun ta’ sekonda. Issa d-dawl ikun mexa 30 ċentimetri biss.

U jerġa’ elf darba inqas u niġu għal pikosekonda, fejn id-dawl issa jivvjaġġa 0.3 millimetri biss.

Imma lanqas il-pikosekonda ma hija l-iqsar biċċa żmien possibli. Dan għaliex l-inqas biċċa żmien li possibli tiġi trattata bil-liġijiet ta’ l-ispazju, gravità u żmien hija l-hekk imsejħa Planck’s time li huwa tant żgħir—wieħed minn 10 u 42 żero warajh. U dan huwa definit bħala ż-żmien li jieħu d-dawl biex jaqsam l-inqas biċċa distanza possibli, il-Planck’s length. Din hija madwar wieħed minn 10 u 20 żero warajh inqas minn proton.

Lejn żmien twil ħafna. Minuta, jew sittin1 sekonda ma hijiex xi żmien twil wisq għalina, għalkemm xi weġgħa kbira ta’ minuta altru li hija twila.

F’minuta qalb normali ta’ adult bi kwietu tkun ħabbtet madwar 70 darba u n-nifs ittieħed madwar 15-il darba, petpet għajnejh xi 12-il darba, waqt li jekk ħa xi grokk whisky fuq stonku vojt ikun beda dieħel sew fil-moħħ. Jekk il-qalb tieqaf għal minuta u jekk il-kawża mhix terminali, hemm ċans li intervent tajjeb u f’waqtu jġib lura l-ġisem għan-normal, avolja l-konxju ikun ilu li ntilef għal madwar 50 sekonda.

F’minuta d-dawl ikun ilu li ħalla d-dinja u s-satellita naturali tagħha għalkemm ikun għadu kwazi nofs id-distanza għall-pjaneta Venus (meta din tkun l-eqreb lejn id-dinja).

Siegħa jew sittin minuta huwa perjodu jew twil ħafna (jekk tkun fuq ix-xwiek tistenna) jew qasir ħafna (jekk għandek xi biċċa xogħol għal qalbek).

F’siegħa l-qalb tkun ħabbtet madwar 4200 u l-pulmuni jkunu ħadu u tefgħu ’l barra, madwar 450 litru ta’ arja, waqt li l-istonku jkun beda jaħdem sew fuq xi ikla tajba.

Siegħa wara l-mewt il-muskoli ta’ katavru jibdew jibbiesu (rigor mortis), l-ewwel dawk tal-wiċċ li wkoll jibjad ħafna għax id-demm jinżel għall-inħawi ta’ isfel tal-ġisem fejn jifforma tbajja’ vjola.

F’siegħa wkoll ajruplan jieħdok fil-bliet kapitali tal-qrib, waqt li jekk tkun astronawta fuq xi space shuttle tkun ivvjaġġajt madwar 26,400 kilometri u dort id-dinja ftit iktar minn nofs orbita. F’siegħa wkoll il-qamar ikun mexa lejn il-lvant... distanza ta’ madwar id-dijametru tiegħu, waqt li jekk tkun tħares lejn is-sema f’ċerti żminijiet (eż 12 ta’ Awissu) f’siegħa kapaci tara madwar għaxar kwiekeb feġġejja, ferm iktar min-normal. Id-dawl issa jkun għadda ’l Mars, l-asterojdi, u Jupiter u kważi wasal ħdejn Saturn.

Ġurnata jew 24 siegħa—hija bbażata fuq id-dawrien tad-dinja fuqha nnifisha. F’ġurnata persuna fuq l-ekwatur ikun ivvjaġġa 39,000 kilometri (jew iċ-ċirkonferenza tad-dinja) waqt li d-dinja tkun imxiet madwar 108,000 kilometri madwar ix-xemx. Il-pjaneta Mars ukoll tkun għamlet madwar dawra waħda fuqha nnifisha li jfisser li għandna l-istess perjodu ta’ ġurnata bħal tagħna.

(Dr Grech ikompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Diċembru)

 1 Ir-raġuni għaliex n-numru sittin u mhux ieħor hija storika u ġejja mis-Sumeri ta’ madwar 5000 sena ilu li għażlu n-numru sittin għal konvenjenza aritmetika. Inċidentalment anki l-kejl ta’ l-angoli huwa bbażat fuq in-numru sittin.


 

FORSI JINTERESSAWK

It-testment

Meta miet l-industrijalist W J Hecht, sinjurun minn Cleveland, ħafna kienu qed jistennew il-qari pubbliku tat-testment tiegħu biex jaraw kif ser jitqassam ġidu. F’dan it-testment Hecht ħalla miktub hekk:

             ‘Lil erba’ uliedi nħallilhom l-iktar ħaġa għażiża li għandi… il-fidi f’Alla.’

Jalla aħna wkoll inħarsu lejn il-fidi bħala l-iktar ħaġa għażiża li għandna.


Kappillan, sindku u ħmar bejniethom

Il-kappillan u s-sindku kienu miġġielda. Darba, kmieni filgħodu l-kappillan intebaħ li fejn il-bieb ta’ daru kien hemm ħmar mejjet. Kien ċert li kienet xi ċajta goffa tas-sindku. Qabad it-telefon u ċempillu. Iżda s-Sindku pront pront qallu:

             “Xi tridni nagħmel? La mejjet irid isir il-funeral u dawk int tieħu ħsiebhom.”

“Iva, imma għandna ordni biex qabel nagħmlu funeral ninformaw lill-familjari!” qallu l-kappillan.


Leonardo da Vinci kellu farfett f’idejh. Xi ħadd staqsieh x’qed jagħmel bih u l-artist wieġbu:

             “Qed nistudja ktieb sabiħ… għax għalija ma hawn l-ebda ktieb isbaħ min-natura.”


Attent

Daqqa ta’ ponn tgħaddilek… daqqa ta’ lsien tferik għal dejjem.

Daqqa ta’ frosta tagħmel tbenġila… daqqa ta’ lsien tħalli tifkira.

Tgħallem uża din l-arma qerrieda u agħmel minnha mezz qawwi ta’ ħbiberija.


Ħaddem moħħu

Raġel Amerikan ħallas partita flus biex jibdel ismu u flok John Green jibda jissejjaħ Bourke Blakemore Hickenlooper. Sħabu stagħġbu kif seħibhom kien lest iħallas tant flus biex jieħu dan l-isem meta fil-fatt kulħadd John kien għadu jsejjaħlu. Imma John qalilhom:

             “Ma għandkomx idea kemm tickets iffrankajt minn meta ismi nbidel. Meta jwaqqfuni u ngħidilhom ismi ħafna jgħiduli: ‘Terġax tagħmilha għax darb’oħra…’”.


Ħsieb għal dan ix-xahar ta’ Novembru

Pass wara pass naslu fi tmiem l-itwal mixja.

Punt wara punt insewwu l-akbar tiċrita.

Ġebla fuq ġebla nibnu l-ogħla bini.

Ftit ftit kuljum naslu għall-qdusija.


 

AHBARIJIET TA' INTERESS

IL-LAQGĦA TA’ OTTUBRU

Kellemna Ivan Farrugia, is-superjur tal-qasam ta’ Għajnsielem, dwar id-defferenza bejn termometru u termostat. Ma kinitx lezzjoni tal-Fiżika imma bħala persuni aħna lil min minn dawn l-aktar li għandna nixbhu. Dawk li jkunu termometru jirriflettu l-ambjent ta’ madwarhom. Jassorbu dak li hemm u jsiru wieħed mill-massa fit-tajjeb u fil-ħażin. Il-peer pressure fuqhom tkaxkarhom u mhux kapaċi jieqfu lill-ħażen. Iżda min-naħa l-oħra min ikun termostat kapaċi jara l-ambjent ta’ madwaru u jsaffi t-tajjeb mill-ħażin. Kif termostat iżomm it-temperatura meħtieġa u ma jippermettix li din tinqabeż – kemm lejn is-sħana kif ukoll lejn il-kesħa – hekk ukoll dawk in-nies li jkunu bħalu, jafu fejn huma l-parametri tat-tajjeb u ma jagħmlux kompromessi mal-ħazin. Jiġuna f’moħħna nies bħal San Ġorġ Preca, Madre Teresa u l-Papa Ġwanni Pawlu II li ħallew impatt bl-eżempji tajba tagħhom. Ivan semmielna stejjer mill-ħajja ta’ Cornelia Ten Boom, Olandiża li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija l-familja tagħha kienu jaħbu għandhom il-Lhud. Inqabdu u spiċċaw f’kamp ta’ konċentrament. Esperjenzi li hi rrakkontat f’bosta kotba, forsi l-aktar famuż hu The Hiding Place – kotba li Ivan ħajjarna naqraw għax fihom ħafna tagħlimiet sbieħ. Baqgħet ħajja fi tmiem il-gwerra u daret id-dinja tippriedka messaġġi pożittivi. Il-prova tagħha ġietha meta ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ ma’ wieħed mill-agħar suldati li kien hemm fil-kamp ta’ konċentrament.  Sabitha taffronta dak li dejjem ippriedkat – il-maħfra. Altru tgħid u altru tagħmel. Cornelia rrakkontat kemm il-mument tal-prova kien waqt diffiċli. Iżda rnexxielha taħfirlu u tgħid li sabet paċi tremenda. Anki aħna nistgħu nimitawha fil-ħwejjeġ żgħar li jkollna fil-ħajja ta’ kuljum. Id-dinja għad għandha bżonn ħafna termostati.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Joseph Grima ta’ Pjazza Dun Martin Camilleri tela’ fir-rigal.

 

IL-LAQGĦA TA’ NOVEMBRU

Tradizzjonalment aħna norbtu l-ewwel ġranet ta’ Novembru maċ-ċimiterju. Anki x-xahar insejħulu 'x-xahar ta’ l-erwieħ’. U billi aħna norganizzaw il-laqgħa taż-żgħażagħ ħsibna li għal dan ix-xahar niftakru ftit f’dawk iż-żgħażagħ li fl-aħħar 17-il sena mietu ħesrem fl-aħjar ta’ żgħożithom. Żgħażagħ li mietu mis-sena 1990 ’l hawn.

U b’sens ta’ solidarjetà magħhom u ma’ nieshom ser norganizzaw quddiesa flimkien fil-qasam biex nitolbu għalihom u għal dawk li ħallew warajhom. Din tkun okkażjoni biex aħna nxandru l-fidi tagħna fil-ħajja ’l hemm mill-qabar. Il-preżenza tagħna tkun qed ixxandar li aħna nemmnu li l-mewt mhix it-tmiem ta’ kollox.

Nistednuk biex int ukoll, għażiż ħabib, tingħaqad magħna ħalli flimkien nitolbu b’suffraġju ta’ dawn iż­-żgħażagħ li mietu fil-fjur ta’ ħajjithom u li ġrajjiethom tgħallimna biex nagħmlu l-aħjar li nistgħu ħalli nwettqu dmirna matul is-snin mislufin lilna.

Il-quddiesa tkun tissodisfa wkoll l-obbligu tal-Ħadd għal dawk li ma jkunux jistgħu jisimgħu quddies l-għada tal-laqgħa.

Nistennewk. Is-Sibt 3 ta’ Novembru 2007 fis-7.15p.m. fil-MUSEUM tas-subien.


Għinu t-tifrix tal-kelma t-tajba billi tgħaddu dan l-indirizz lil sħabkom li għandhom l-internet:

www.il-hbiebisejhu.com

u ħeġġuhom jagħmlulu bookmark u jidħlu fih ta’ spiss – l-aktar fil-bidu ta’ kull xahar. Xi tagħlima li tinteressahom isibu żgur.


 

IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM

U kien jitkellem il-Mulej

ma’ Mosè wiċċ imb’wiċċ,

bħalma jitkellem raġel

ma’ wieħed ieħor.

{Eżodu 33: 11}

 

Fil-ktieb tiegħu, Sadhana,

Anthony de Mello għandu eżerċizzju

li hu semmieh ’is-siġġu vojt’.

Ħaseb fih meta sema’ bi storja

ta’ wieħed invalidu

li kien iqatta’ ħinu f’sodda

u li kien isibha diffiċli biex jitlob.

Ħabib tiegħu darba ssuġġerielu

li jagħmel siġġu vojt fejn ras is-sodda

u jimmaġina li hemm Ġesù

bilqiegħda fuqu.

Imbagħad kompla jħajru jkellmu

kif jitkellmu flimkien

żewġt iħbieb tal-qalb.

Il-marid ippruvaha.

Għenitu immens.

Kien b’dan il-mod li Mosè

kien jitkellem m’Alla:

ħabib tal-qalb

jitkellem ma’ ieħor.

 

Kieku hemm Ġesù faċċata tiegħi,

x’ngħidlu?

Hu x’nistħajlu jirrispondini?

 

Min jitlef il-kuntatt tiegħu ma’ Alla

jkun qed jimxi l-istess triq

li ma twassal imkien

ta’ l-ateu li ċaħad lil Alla.

MILTON A MARCY


PARADOSSI TA’ ŻMINIJIETNA

Illum għandna:

djar ikbar… iżda familji iżgħar.

iktar kumditajiet… imma inqas ħin.

iktar degrees universitarji... iżda inqas sens komun.

iktar tagħrif... imma inqas għerf.

iktar esperti... u iktar problemi.

iktar mediċina... u inqas saħħa.

Nonfqu ġidna bla sens, nidħku ftit, insuqu b’għaġla sfrenata, jitlgħalna malajr, nibqgħu mqajmin tard bil-lejl,mill-inqas naqraw qari tajjeb, naraw ħafna televiżjoni ...u talb ftit li xejn.

Immultiplikajna l-ġid li għandna, imma rmejna l-valuri.

Nitkellmu ħafna, inħobbu ftit u gidba għall-bżonn….

Tgħallimna niksbu għajxien iżda mhux ngħixu ħajja.

Żidna s-snin lil ħajjitna… iżda mhux ħajja lis-snin tagħna.

Bnejna bini ogħla, iżda qassarna l-paċenzja tagħna.

Għandna toroq usa… iżda viżjoni idjaq.

Nonfqu aktar… u għandna inqas.

Nixtru iktar… u ngawdu inqas.

Niftaħru li tlajna sal-qamar (u lura) u ma naqsmux it-triq biex naraw il-ġar kif inhu.

Irbaħna l-ispazju ta’ barra imma mhux dak ta’ ġewwa.

Qsamna l-atom iżda mhux il-preġudizzji.

Qed niktbu iktar, nitgħallmu inqas; nippjanaw aktar, naslu inqas.

Drajna ngħaġġlu bla nistennew.

Għandna pagi ogħla… iżda morali baxxi.

Bnejna kompjuters biex iżommu aktar informazzjoni u nagħmlu iktar kopji

...iżda għandna inqas komunikazzjoni.

Nimpressjonaw ruħna bil-kwantità u l-kwalità tibqa’ għaddejja.

Qed ngħixu fi żmien ta’ fast foods li nbatu biex niddiġerixxu;

irġiel twal b’karattru qasir.

Aktar ħin ħieles u inqas ferħ;

iktar tipi ta’ ikel, u inqas nutrizzjoni.

żewġ pagi u aktar separazzjonijiet,

djar isbaħ u familji mfarrka.

 

U għalhekk nixtieqek li tibda ma żżomm xejn għal okkażjonijiet speċjali għaliex kull jum hu speċjali.

Fittex it-tagħrif. Aqra aktar. Oqgħod fuq bank u iggosta l-veduta bla ma toqgħod taħseb x’jonqsok.

Agħmel aktar ħin mal-familja u l-ħbieb. Kul l-ikel favorit tiegħek u żur il-postijiet li tħobb.

Il-ħajja hija katina ta’ mumenti ta’ pjaċir, mhux sempliċement li qed tieħu n-nifs.

Tħallix il-fwieħa favorita għal xi okkażjoni biss. Jekk tagħtik pjaċir użaha.

Neħħi mid-dizzjunarju tiegħek kliem bħal ’xi darba’. Illum il-mument.

Għid lil tal-familja u l-ħbieb kemm tħobbhom. Tħallix ħin jgħaddi għal dak li jżid il-ferħ u l-pjaċir f’ħajtek.

Kull jum, kull siegħa, kull minuta hija speċjali. Qatt ma taf jekk humiex ta’ l-aħħar.

Ftakar f’Alla l-ħallieq tiegħek u għid talba. Lilu trid tirringrazzja ta’ kull nifs li tieħu u meta dawn jieqfu sinjal li jkun wasallek il-mument biex tmur tgawdih wiċċ imb’wiċċ.