+L-Iben t'Alla sar Bniedem

Ottubru 2007  numru 494

Kienet lejla ta’ maltemp u żewġ negozjanti waslu flimkien f’lukanda żgħira f’nofs masġar. Meta daħlu sabu li l-lukanda kienet mimlija għajr għal kamra waħda li s-sid offrielhom biex iqattgħu l-lejl. Ma kellhomx għażla għajr li jaċċettaw.

Iżda n-negozjanti kienu jafu sew lil xulxin. Il-wieħed kien sinjurun u kien sejjer il-belt biex jixtri oġġetti ħalli jkun jista’ jbiegħhom f’raħlu u l-ieħor ħalliel tal-prima. Is-sinjur beża’ li jekk jafda ħwejġu jispiċċa l-mira tal-ħalliel. Għalhekk meta l-ħalliel niżel jiekol is-sinjur ħeba flusu sew u mbagħad niżel jiekol.

Kienu għajjenin mejta u t-tnejn raqdu fil-fond. Filgħodu s-sinjur kien diġà fuq saqajh, imbiddel u bil-bagalja tiegħu lesta għat-tluq waqt li l-ħalliel kien għadu mxaħxaħ f’soddtu. Meta dan qam u ntebaħ li sar il-ħin dar lejn is-sinjur u qallu: “Jien naf li int taf li jien ħalliel. U ħalliel gwapp. Imma minkejja dan ma rnexxilix insib il-moħba fejn ħallejt flusek. Domt lejl sħiħ inqalleb u kont ċert li m’intix ser tħossni għax tfajtlek, bla ma ntbaħt, żewġ pilloli ta’ l-irqad fit-tè li ħadna flimkien qabel irqadna. Aqtagħli l-kurżità fejn ħbejthom?”

Is-sinjur tbissem u qallu: “Fil-bagalja tiegħek ħabib. Jien kont naf li minn hawn jew minn hemm nagħmilhom fejn nagħmilhom issibhom. Imma fil-bagalja tiegħek ma tfittixx. U kelli raġun għax x’ħin qomt dalgħodu u qallibt il-bagalja tiegħek sibthom fejn ħallejthom.”

Kemm drabi aħna wkoll infittxu dak li nixtiequ għand ħaddieħor… nixxennqu għal dak li għandu ħaddieħor… il-karozza tiegħu, l-impieg tiegħu, il-proprjetà tiegħu u ninsew li l-veru ferħ qiegħed f’qalbna. U nqattgħu ħajjitna nixxennqu u nfittxu fil-bagalji ta’ ħaddieħor meta fil-fatt dak li nkunu nixxennqu għalih ikun fil-bagalja tagħna.

 


 

XENI MINN TREJQET IL-HAJJA

Kienu żminijiet oħra

għexieren ta’ snin ilu

meta l-leħja bajda li llum tiksi wiċċi

anqas biss kienet nibtet.

 

Jien u Jack, ħabibi,

konna dejjem flimkien

nilagħbu fi trejqa fi New York

meta minnha konna naraw ix-xemx

illum min joqgħod hemm

jara biss bini għoli.

 

Niftakar konna nilagħbu

u għadda minn ħdejna

raġel xwejjaħ li konna laqqamna

‘is-saħħar milwi’

u bdejna ngħajruh

u nissuttawh b’dak li ġie f’idejna.

 

Ma ridniehx jersaq ħdejna

forsi għax libstu kienet tinten

forsi għax qalulna li jaqbad it-tfal

u jisraqhom

forsi għax kienu jgħidu li hu sinjur għad li jittallab u għidnielu:

“Tbiegħed minn ħdejna

  nittint triq... mur inħasel.”

 

U bla ma naf kif

nibet ġo nofsna missieri

u d-dehra ta’ għajnejh

mimlija qilla nifduni.

“Idħol ġewwa, irrid inkellmek,” qalli b’qilla.

 

Ħalla ftit minuti jgħaddu

minuti li għalija dehru sigħat ta’ stennija

imbagħad qalli:

“Imxi ħa mmorru ħdejn ix-xwejjaħ

  u qis li ssib kliem biex titolbu skuża.”

 

Ma kellix għażla.

Tlaqna flimkien... bla kliem.

Wasalna... bieb qadim... ħabbatna

tkarkir ta’ riġlejn...

fetħilna... u qalilna nidħlu.

“Itolbu skuża,” qalli missieri.

“Aħfirli... ma nerġax,” għidtlu mbikki.

 

Ix-xwejjaħ tbissem

“Ma jimportax... issa drajthom

 ma nagħtix kashom u ma neħux għalihom

 għadhom tfal... ma jafu xejn.”

U dlonk fetaħ kexxun

u ħareġ ċikkulata u newwilhieli.

Aktarx iddubbata u taha lili.

 

Infqajt nibki.

Għall-ewwel darba rajt

li anke taħt ilbies jinten u mqatta’

ikun hemm dejjem qalb ta’ bniedem.

U dakinhar ħlift li nħares dejjem

b’rispett u qima lejn kulħadd,

minkejja d-dehra tiegħu.

 

U nħoss li dik il-ħalfa żammejtha

u ta’ dan rrodd ħajr lil missieri

li dakinhar tani l-ikbar lezzjoni nisranija.


 

DR CORONATO GRECH M.D. ikompli l-artiklu...

LIEMA REALTA'?

Lejn żmien qasir ħafna

Mill-19651 is-sekonda hija definita fuq il-vibrazzjoni ta’ l-atom ta’ l-element Caesium 133, fejn f’sekonda hemm 9192631770 minnhom! Jekk xejn dan juri kemm jistgħu jsiru affarijiet f’sekonda, u kemm hija twila sekonda f’reġjuni mhux familjari għalina.

F’sekonda l-ħoss ikun mexa madwar 330 metri; id-dawl ikun mexa 300,000,000 metri. Balla ta’ azzarin tkun imxiet madwar 33 metru. Karozza miexja bil-15-il kilometru fis-siegħa (il-veloċità skond il-ligi fl-abitazzjoni) tkun imxiet ftit iktar minn 4 metri, waqt li oħra miexja bi 30 kilometru fis-siegħa tkun imxiet id-doppju, li, minkejja l-brejkijiet, taf tfisser id-differenza bejn sempliċement qatgħa jew il-bidu ta’ traġedja.

Jekk imbagħad ikollok tara bil-mod dik is-sekonda li fiha karozza miexja b’saħħa tidħol f’ħajt, tara xena impressjonanti: il-bonnet jitgħaffeġ u jitla’, il-karozza fuq wara titla’ ’l fuq bir-roti jduru, ix-xufier, anki jekk marbut biċ-ċintorin jiġi mitfugħ b’saħħa kbira fuq l-isteering, nixxigħat ta’ demm jiffurmaw fir-ras maqsuma u l-ħajt, anke jekk mbni tajjeb u ma jaqax, jieħu daqqa lura. B’daqqa qawwija u kerha (jekk per eżempju jinkiser l-għonq) ix-xufier jista’ jmut f’dik is-sekonda2. Dawn id-deskrizzjonijiet daqsxejn makabri mhux ta’ min jelabora fuqhom, li kieku ma humiex, sfortunatament, pjuttost komuni.

Intant, f’sekonda ġwinħajn ta’ naħla ħabbtu 200 darba, u ta’ dubbiena 250 darba. Fost l-għasafar it-tagħmir ma jdumx ħafna, kultant kwistjoni ta’ sekonda jew tnejn, kif ukoll (mhux b’għaġeb!) fost il-qniefed.

Fiċ-ċinema f’sekonda l-għajnejn ikunu raw 24 stampa, ilkoll daqsxejn differenti minn xulxin imma l-moħħ jinterpreta bħala stampa waħda miexja. Fuq l-iskrijn tat-televiżjoni, punt abjad jew ikkulurit jiġri minn naħa għal oħra u ’l fuq u ’l isfel biex jifforma tletin stampa fis-sekonda, biex ilkoll jagħtu l-illużjoni ta’ stampa miexja.

Fl-astronomija f’sekonda d-dinja tkun imxiet madwar 30 kilometru fl-orbita madwar ix-xemx; waqt li x-xemx tkun tilfet madwar 4 miljun tunnellati ta’ idroġenu biex saru enerġija. F’sekonda wkoll ċerti kwiekeb imsejħa pulsars ikunu daru darba fuqhom infushom; l-eqreb galassija kbira (Andromeda, fil-kostellazzjoni ta’ Andromeda) tkun qorbot lejna madwar 300 kilometru, waqt li l-ibgħad waħda (jew quasar) tkun kompliet titbiegħed minna b’madwar mitt miljun kilometru, jew qed timxi b’xi terz tal-veloċità tad-dawl.

Qabża ta’ elf teħodna għal millisekonda u hawnhekk id-dinja umana tkun ilha ffriżata mill-movimenti, għalkemm mhux l-intern tal-ġisem fejn eluf ta’ reazzjonijiet kemikali jseħħu. Anke karozza miexja normali tagħmel biss ftit millimetri, waqt li ajruplan kummerċjali jagħmel madwar 30 ċentimetru. Id-dawl però jkun mexa 300 kilometru. L-iktar pulsar li ddur fuqha nnifisha tagħmel kważi żewġ dawriet.

Elf darba inqas u niġu għal mikrosekonda, jew wieħed minn miljun ta’ sekonda. F’dan il-perjodu żgħir ħafna d-dinja tkun imxiet fl-orbita 18-il millimetru u d-dawl 300 metru. Ħafna avvenimenti subatomiċi jseħħu f’perjodi ta’ mikrosekondi. Per eżempju l-partiċella muon (kif ukoll l-anti muon) tifforma u tiddiżintegra f’2.2 mikrosekondi.

(Dr Grech ikompli dan l-artiklu fil-ħarġa ta’ Novembru)

1. Qabel l-1965, is-sekonda kienet ibbażata fuq il-ġurnata solari jew aħjar waħda minn 86400 ta’ din il-ġurnata.

2. Jew ta’ l-inqas il-moħħ għax il-bqija tal-ġisem jieħu minuti twal sakemm imutu s-sistemi kollha.


 

FORSI JINTERESSAWK

It-toroq tal-Mulej

Dr Scott Hahn kien ministru presbiterjan u tgħidx kemm kien jgħid kontra l-kattoliċi. Darba sab kuruna tar-rużarju ta’ nanntu li kienet għadha kif mietet u għamilha bċejjeċ waqt li beda jgħajjat:

             “Mulej eħlisni mill-ktajjen tal-kattoliċiżmu.”

Scott jgħid li minn dakinhar ġrat xi ħaġa fih li bdiet tqarrbu lejn dak li xtaq jitbiegħed minnu. Illum Scott Hahn hu kittieb kattoliku u tgħidx kemm jikteb sabiħ fuq il-Madonna. Mur ifhimhom it-toroq tal-Mulej!


Ħasbitha!

Agatha Christie kienet kittieba ta’ fama kbira imma żewġha – arkeologu famuż – qajla kien iħobb il-letteratura tant li ġie li anqas biss kien jaqra kitbietha. Xi ħadd staqsa lil Agatha:

             “Jiddispjaċik li żewġek ma jħobbhiex il-letteratura?”

             “L-importanti li jibqa’ jħobb ħafna l-arkeoloġija.”

“U għaliex?”

“Għax iktar ma jgħaddi żmien minn fuqi iktar isir iħobbni.”


Sens il-familja

Xi ħadd kiteb dan li ġej fuq il-familja. Bil-Malti ma toħroġx imma bl-Ingliż fiha ħafna sens. Hekk fissirha l-kelma FAMILY...

             Father

             And

             Mother

             I

             Love

             You

Kull meta lill-ġenituri tgħidilhom u turihom li tħobbhom tkun qed tibni ġebla oħra fil-binja tal-familja li tagħha int iben.


Attent!!

Raġel mar fejn il-kappillan u qallu:

             “Ma niġix iktar il-knisja. L-ewwel darba li ġejt bellajtuli partita melħ, imbagħad fil-griżma tajtuni daqqa ta’ ħarta u meta żżewwiġt wikkejtuni bi skamplu!”

             “Attent għax jekk tibqa’ ma tiġix knisja, meta jġibuk tispiċċa b’karretta trab fuqek.”


Kien jaf x’jgħid

Mrs Roosevelt darba kkritikat lil Churchill għal mod kif kien qed jimxi ma’ l-Indjani. Dan wieġeb:

             “L-Indjani ta’ l-Indja taħt il-ħakma Ingliża kotru u żdiedu bil-miljuni. L-Indjani ta’ l-Amerika, taħt il-ħakma tagħkom inqerdu kważi għal kollox. Dan igiddeb il-kritika tiegħek!”

 


 

AHBARIJIET TA' INTERESS

IŻŻEWĠU

Josef Mifsud ta’ Triq San Ġakbu lil Moira Mercieca (Xagħra);

Vanessa Camilleri ta’ Triq Għajnqasab lil Jason Anthony Xuereb (Sannat);

Nadia Rose Camilleri ta’ Triq il-Madonna ta’ Lourdes lil Stephen Portelli (Għarb).

Filwaqt li nawgurawlhom futur hieni flimkien infakkruhom fit-talb. Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien.

 

IL-LAQGĦA TA’ SETTEMBRU

Kellemna Mons Karm Gauci, l-Arċipriet tal-parroċċa ta’ l-Għarb dwar l-importanza tal-quddiesa f’ħajjitna u kemm inkunu nitilfu meta narawha biss bħala obbligu tal-Ħadd u l-festi kmandati. Fissrilna l-waqtiet importanti tal-quddiesa u għamel aċċenn fuq dawk l-iktar importanti. Il-quddiesa tant hi ħaġa qaddisa li għal bosta drabi matulha l-qassis u dawk preżenti jitolbu tisfija. Fiha nitrejqu bil-kelma ta’ Alla fil-qari u bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu fit-tqarbin. It-talb li fiha hu profond ħafna iżda sfortunatament tant sar komuni għalina li qatt ma nieqfu biex nitpaxxew b’dak li nkunu qed ngħidu. Waqt it-talba tal-Missierna meta ngħidu “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” inkunu qed nirreferu għal erba’ ħwejjeġ prinċipali, biex il-Mulej jagħtina l-ikel u dak kollu li għandna bżonn, biex jagħtina ġismu fl-Ewkaristija u l-kelma tiegħu fil-Bibbja kif ukoll biex ikompli jsostnina b’qassisin għax mingħajrhom ma jistax ikollna lil Ġesù fis-sagrament ta’ l-artal. Jingħad li l-bniedem mingħajr ħobż imut iżda mingħajr il-kelma ta’ Alla joqtol lil xulxin. Nifhmu l-quddiesa meta jkollna nbatu biex insibu l-ħin għall-quddiesa. Meta riċentament kien Lourdes, Dun Karm qaddes fi knisja ta’ raħal mhux bogħod minn Lourdes u dik li tieħu ħsieb irringrazzjatu għax qaltlu li huma jkollhom jistennew ġimgħa biex jisimgħuha. U l-Italja, mara oħra kienet qaltlu li mhux għax kieku tisma’ quddiesa u titqarben kuljum ma kienx ikollha saħħa tgħix il-ħajja miżżewġa peress li żewġha ma kienx jirrispettaha. Dawn huma episodju ta’ min jaħseb fuqhom għax il-quddiesa mhix dak biss li jsir fil-knisja iżda l-paċi ta’ Kristu rridu nġorruha magħna barra wkoll bħalma jgħidilna fi tmiemha l-qassis “Morru fil-paċi ta’ Kristu”.

Ħajr lil Robert Borg, barman tal-każin tal-Youngsters, tad-drinks li qassamna wara l-laqgħa. Dennis Mifsud ta’ Triq l-Isqof Buttigieg tela’ fit-tifkira ta’ San Ġorġ Preca.

 

www.il-hbiebisejhu.com

Nieħdu gost ninfurmawkom li issa l-fuljett tagħna Il-Ħbieb Isejħu tistgħu ssibuh fuq il-website www.il-hbiebisejhu.com Hemm issibu mhux biss il-ħarġa tax-xahar partikolari imma wkoll il-ħarġiet tas-snin l-imgħoddija. Daħħalna wkoll lista ta’ dawk id-ditti li jirreklamaw magħna għax mingħajr l-għajnuna tagħhom il-fuljett tagħna ma kienx joqrob il-ħarġa numru 500.

Peress li nafu li llum ħafna għandhom l-internet nistednuhom biex jaqraw il-fuljett fuq il-website. L-ispejjeż biex nistampaw u nwasslu l-fuljett fi djarkom kibru sew. Biżżejjed ngħidu li n-newspaper post li ftit snin ilu kienet tiswielna Lm7 fis-sena llum telgħet għal Lm50. Għalhekk dawk li jistgħu jaqrawh fuq l-internet ikunu qed ifaddlulna ħafna spejjeż tal-posta li fi żminijiet tal-lum inqisuhom żejda u bihom nistgħu noħolqu inizjattivi ġodda.

Iżda min ma għandux internet jew jippreferi li jibqa’ jirċievi l-fuljett nitolbuh jinfurmana ħalli nibqgħu nwasslulu l-fuljett bħas-soltu. Ma jinsiex jgħidilna l-post code l-ġdid. Min ma jinformaniex ifisser li ser jinqeda bil-website tagħna. Grazzi tal-koperazzjoni.


 

IL-BIBBJA FIL-HAJJA TAL-LUM

[Filwaqt li faħħar il-ħniena tas-Samaritan, Ġesù qal:]

“Mur u agħmel hekk int ukoll.”

{Luqa 10: 37}

 

Fl-editorjal tal-magazine Glamour

ta’ Diċembru 1991 kien hemm ġrajja

dwar mara ġo karozza ħamra.

Din resqet ma’ l-uffiċċju

ta’ Bay Bridge u tat 7 biljetti lill-iskrivan filwaqt li qaltlu:

“Qed inħallas ukoll

għas-sitt karozzi ta’ warajja.”

Meta kienu jersqu l-karozzi

l-iskrivan kien jgħidilhom:

“Il-mara tal-karozza l-ħamra ħallsitilkom il-permess. Il-ġurnata t-tajba!”

Din il-mara kienet influwenzata

“Wettaq atti ta’ ħniena u

pprattika sbuħija altruwista.”

Anne kienet temmen li ‘atti ta’ ħniena’

kapaċi joħolqu ċiklun ta’ tjubija

bħalma jagħmlu bil-kontra

atti ta’ vjolenza.

Forsi għalhekk is-sentenza u l-filosofija

ta’ Anne qed jidhru f’aktar postijiet.

Tkun qed tqajjem xi ħaġa sabiħa

mill-fond ta’ dak li jissejjaħ uman.

 

Kif nista’ “immur u nagħmel hekk

jien ukoll”?

 

Bħal kull rivoluzzjoni

tjubija stil guerilla jibda bil-mod,

b’att wieħed. Agħmlu int.

GLAMOUR magazine


KLIEM IX-XIH

Xwejjaħ ta’ 92 sena, nadif, pulit, b’bagalja bi ħwejġu kien fir-reception ta’ dar ta’ l-anzjani. Mill-maxta pulita kont tintebaħ li kien wieħed li jħobb kollox eżatt. Martu għal 70 sena kienet għadha kemm għaddiet għal ħajja aħjar u ma kienx fadallu għażla oħra ħlief li jħalli lil daru u jmur f’post fejn seta’ jitlob l-għajnuna – meta jkollu bżonn.

Dam ħafna jistenna sakemm wieħed mill-ħaddiema mar jgħidlu li l-kamra tiegħu kienet lesta u kien ser iwasslu sa hemm. Imxew lejn il-lift u l-ħaddiem beda jfissirlu x’għandu jistenna minn din il-kamra tiegħu… x’purtieri kien hemm indendla eċċ.

“Togħġobni ħafna,” qallu b’entużjażmu ta’ tifel ta’ tmien snin li għadu kemm irċieva ġeru bħala rigal għal għeluq sninu.

“Sinjur, għadek anqas rajtha. Stenna ftit ieħor.”

“M’għandux x’jaqsam,” kompla x-xwejjaħ.

“Il-ferħ huwa xi ħaġa li trid tagħżel minn qabel. Jekk hix ser togħġobni l-kamra jew le ma jiddependix mill-għamara u l-kulur tal-ħitan iżda mill-mod ta’ kif inħares lejhom. F’moħħi diġà daħħaltha li din il-kamra ser togħġobni. Din hi deċiżjoni li nieħu kull filgħodu malli nqum. Nista’ nagħżel li nibqa’ fi friexi ngħodd il-problemi li nħabbat wiċċi magħhom, il-partijiet ta’ ġismi li ma għadhomx jaħdmu sew inkella nista’ nqum nirringrazzja lil Alla ta’ dak kollu li għadu jaħdem. Kull jum huwa rigal u sakemm indum niftaħ għajnejja naħseb fuq dawk il-memorji sbieħ li ġemmajt tul ħajti kollha. Ix-xjuħija qisha kont il-bank. Tista’ tiġbed dak li tkun investejt. Għalhekk, ħabib, nagħtik parir biex tinvesti kemm tista’ minn dawn il-memorji sbieħ.”

Jekk trid tkun ferħan:  

1. Neħħi kull mibegħda minn qalbek.

2. Tajjar l-inkwiet minn rasek.    

3.Għix b’mod sempliċi

4. Agħti aktar.

5. Stenna inqas.


 

FTAKAR LI...

Ftakar li l-preżenza tiegħek hija rigal lid-dinja.

Ftakar li int uniku – la kien hawn u anqas ser ikun hawn bħalek.

Ftakar biex tgħodd il-grazzji li għandek u mhux il-problemi.

Ftakar li ser jirnexxielek tissupera dak kollu li tħabbat wiċċek miegħu.

Ftakar li ħafna mit-tweġibiet li tistenna jinsabu ġo fik.

Ftakar f’dak il-ħolm li qed jistenna li jitwettaq.

Ftakar fid-deċiżjonijiet li huma importanti ħafna biex tagħtihomxl-attenzjoni li jeħtieġu.

Ftakar biex dejjem tagħti l-aħjar li hemm ġo fik.

Ftakar li xejn ma jaħli enerġija daqs l-inkwiet.

Ftakar li xi drabi l-fatt li ma tiksibx dak li tixtieq tkun xorti tajba.

Ftakar li aktar ma ddum b’fastidju lejn xi ħadd aktar tkun qed tkabbar il-piż.

Ftakar biex ma teħux l-affarijiet b’serjetà żejda.

Ftakar biex tidħak.

Ftakar li bi ftit imħabba kapaċi timxi ħafna.

Ftakar li l-ferħ aktar jinsab f’li tagħti milli filli tirċievi.

Ftakar li t-teżori tal-ħajja huma n-nies mhux l-oġġetti.

Ftakar li l-mirakli għadhom jeżistu.